Left arrow Mur Lura

“NEGOZJI ŻGĦAR U PERSUNI SELF-EMPLOYED LI JOFFRU SERVIZZI FIL-PORTIJIET MGĦEJJUNA SABIEX ISIRU AKTAR MAGĦRUFA.” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR1444
Date Icon 24/10/2006

“Negozji żgħar li joffru s-servizzi tagħhom f'portijiet sekondarji qed jiġu mgħejjuna sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom fuq portal elettroniku li ser jigi maħluq apposta.  Dan il-portal ser jissejjaħ iPORTAll u huwa portal elettroniku f’portijiet magħżula li jipprovdi nformazzjoni għat-turisti u l-passiġġieri.  In-negozji ż-żgħar li ser igawdu minn din l-inizjattiva huma operaturi bħalma huma diving schools, sailing clubs, ship chandlers, tour operators, taxis, u oħrajn.  Irridu nifmhu li l-operaturi turistiċi tagħna huma żgħar u b’hekk iridu jiġu mgħejjuna, iżda ma rridux ninsew li t-turiżmu tagħna qed iħaddem numru ta' negozji żgħar u self-employed.  Permezz ta’ dan il-proġett ser ikollna mod gdid kif nibdew inħarsu lejn l-attivita kummerċjali f'pajjiżna.”  Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem dwar il-proġett iPORTS, li ġie mniedi waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet.

Il-Kommissjoni Ewropea reċentement approvat il-finanzjament ta’ iPORTS jew Intelligent Port System, proġett indirizzat lejn gżejjer u reġjuni żgħar, għall-kreazzjoni ta’ struttura li fuqha tkun ibbażata sistema għal portijiet intelliġenti.  L-għan ta’ dan il-finanzjament huwa l-promozzjoni ta’ żvilupp reġjonali f’żoni tal-mediterran li għadhom mhux qegħdin jagħmlu l-użu sħiħ tal-potenzjal kulturali, storiku u ġeografiku tagħhom.  Is-sistema ta’ l-iPORTS ser tindirizza l-problema tas-sigurtà internazzjonali, waqt li tassigura li l-portijiet isiru punt ċentrali ta’ informazzjoni, bbażati fuq in-neċessitajiet kurrenti u futuri ta’ l-operaturi u konsumaturi, u kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi eżistenti u li mistennija li jeżistu fil-ġejjieni.

“Is-Segretarjat huwa msieħeb f'dan il-progett għaliex jemmen li dan il-proġett ser jgħin mhux biss fil-qasam ta’ l-ambjent tal-portijiet iżda, iktar minn hekk, ser jissarraf fil-ħolqien ta' attivita’ kummerċjali aktar organizzata u akbar minn dik li hemm bħalissa.  Huwa għalhekk li bħala Segretarjat, aħna qed ningħaqdu flimkien ma’ l-Awtorità Marittima (MMA) u l-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) sabiex b'ħidma flimkien ma’ Dipartimenti u Ministeri oħra jirnexxielna nagħmlu qabza fil-kwalita’,” kompla s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.

L-imsieħba l-oħra f’dan il-proġett, li huwa mmexxi mill-Università ta’ l-Eġew fil-Greċja, jirrappreżentaw il-portijiet ta’ Rodi, Catania, Lesvos, Chios, Syros u Beirut.  Fuq livell lokali, il-proġett huwa mmexxi mill-Fondazzjoni Temi Zammit (FTZ), organizzazzjoni mingħajr profitt b’esperjenza vasta fl-implimentazzjoni ta’ proġetti lokali, internazzjonali u Ewropej, flimkien ma’ InRoads, konsulenza li tiffoka fuq il-finanzjament Ewropew, li hija wkoll waħda mill-membri fundaturi tal-Fondazzjoni.

B’kollox, dan il-proġett ser jiswa madwar Eur 800,000.  Minn dawn Malta ser tkun qed tibbenefika minn EUR 103,500 li 75% minnhom huma iffinanzjati mill-UE.  Il-portijiet sekondarji li ser jibbenefikaw minn dan il-proġett huma portijiet bħalma huma ċ-Ċirkewwa, l-Imġarr, Marsalforn, ix-Xlendi u Marsamxett.

L-Onor. Vassallo ħeġġeġ lill-intrapriżi żgħar biex jipparteċipaw f’dan il-proġett, u qal “illum qegħdin nagħmlu sejħa sabiex inħeġġu lill-operaturi tagħna – n-negozji żgħar u s-self employed sabiex jersqu lejna ħalli huma jipparteċipaw f’dan il-proġett.  Dan hu il-momentum li hemm bżonn li ngħixu flimkien.  Il-Portijiet huma attivita’ kummerċjali fihom infushom.  Qabel dawn kienu l-uniku sors ta' kummerċ f'pajjiżna.  Illum l-affarijiet inbidlu, żviluppajna ħafna u f’setturi differenti, iżda l-portijiet xorta waħda għad għandhom rwol importanti.”

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo semma wkoll proġetti oħra fis-settur turistiku li pparteċipa fih is-Segretarjat.  Hu qal li “diġa kellna okkażjoni naħdmu flimkien ma’ lukandiera żgħar, u tour operators fuq proġett ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea taħt l-isem Medpot.  Il-Gvern hu dejjem viċin in-Negozji Żgħar u s-self employed għax jilħaq is-setturi kollha ta’ l-attivita’ kummerċjali.  Bħala Segretarjat nitkellmu wkoll ma’ l-iskejjel tal-Ingliz (FELTOM), mal-FMHCPE, mal-Gozo Tourism Association, ma’ l-HCIMA, ma’ l-In-Resort Tour Operators, mal-Professional Diving School Association, mal-Water Sports Operators Association u ma’ l-MHRA.  Aħna nemmnu li dejjem għandna naħdmu flimkien ma’ rappreżentanti ta’ setturi differenti ta’ attivita’ kummerċjali, u minn dejjem hekk għamilna.  Jiena sodisfatt, li f’dan il-kaz ser inkunu qegħdin ngħinu dawk in-negozji żgħar li joperaw f’dan is-settur.”

Għalhekk, is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-FTZ u l-InRoads qegħdin iħeġġu lill-partijiet interessati li jibbenefikaw mis-servizzi tal-portijiet f’Malta, biex jipparteċipaw f’dan il proġett billi jipprovdu l-esperjenza tagħhom f’dan il-qasam. Il-kontribuzzjoni tagħhom ser isservi biex il-proġett ta’ l-iPORTS ikun dejjem iktar speċifiku għas-settur u l-benefiċċji tal-portijiet magħzula jkunu dejjem ikbar.

Il-Proġett iPORTS ser jibqa’ għaddej sa Diċembru 2007, u wara dan, is-sistema tkun analizzata għal viabilità kummerċjali tagħha.

Dan il-Progett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea - Inizjattiva Komunitarja, Interreg III (Programm Archimed).

Għall-iktar informazzjoni dwar dan il-proġett ikkuntatjaw lil Ms Daniela Grech fuq IPORTS@ftz.org.mt. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow