IL-POLITIKA NAZZJONALI DWAR IT-TURIŻMU
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jirreferi għal stqarrija maħruġa l-lum mid-deputat Laburista Evarist Bartolo dwar r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp Konsultattiv dwar it-Turiżmu maħtur ftit tal-ġimgħat ilu mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jixtieq jinforma lil kulħadd li wara li rċieva r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp Konsultattiv dwar it-Turiżmu qiegħed, bi ftehim ma’ l-istess grupp konsultattiv, janalizza d-diversi suġġerimenti biex jimplimenta minnhom dawk kollha li jistgħu jitwettqu għall-ġid ta’ l-industrja tat-turiżmu u tal-pajjiż.
Il-Ministeru lesta wkoll il-Politika Nazzjonali dwar it-Turiżmu għall-Gżejjer Maltin. Din tippreżenta numru ta’ prinċipji li għandhom jiggwidaw d-deċiżżjonijiet li jkollhom impatt dirett u indirett fuq is-settur turistiku lokali biex dan jibqa’ kompetttiv. Għalkemm id-dokument dwar il-Politika Nazzjonali dwar it-Turiżmu kien diġa` lest qabel mal-Gvern irċieva r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp Konsultattiv, il-Gvern ħass bi prudenza li f’dan l-istadju m’għandux jippubblika l-Politika Nazzjonali biex preċiżament ikun jista’ jintegra fiha kemm jista’ mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp Konsultattiv. Il-Politika Nazzjonali dwar it-Turiżmu ser tiġi ppubblikata lejn tmiem din is-sena.
Ta’ min ifakkar li fil-budget għall-2007 il-Gvern qed jiddedika Lm15.6 miljun favur is-settur turistiku, li hu 40 fil-mija aktar mill-vot għat-turiżmu tas-sena l-oħra. Dan juri b’liema serjeta’ il-Gvern qed jieħu dan is-settur li jqisu bħala wieħed mit-tliet pilastri ewlenin ta’ l-ekonomija nazzjonali.
Il-Gvern għandu bis-serjeta’ għall-qalbu l-industrja tat-turiżmu u jistmerr tentattivi regolari mill-Oppożizzjoni li l-ħin kollu tipprova ddawwar dan is-suġġett f’wieħed ta’ politika partiġġjana. Wara kollox il-fatt stess li twaqqaf Grupp Konsultattiv, u li issa dan il-grupp ppreżenta l-proposti tiegħu lill-Gvern fi proċess ta’ diskussjoni serja, hi inizjattiva oħra ta’ l-istess Gvern preżenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958