INVESTIMENT TA’ €63 MILJUN BIEX TIĠĠEDDED IL-KOSTA MINN RIKAŻLI SAL-PONTA TAŻ-ŻONQOR - L-IMPJANT JITLESTA U JIBDA JITĦADDEM SA’ L-AĦĦAR TA’ L-2008
Il-Gvern ħabbar investiment ta’ € 63 miljun biex jinbena l-impjant li ser jsaffi 80% tad-drenaġġ li jiġi ġġenerat Malta. Minkejja li huwa magħruf bħala l-impjant tan-nofsinhar ta’ Malta, fil-fatt jitratta d-drenaġġ li huwa ġġenerat minn Baħar ic-Cagħaq l-isfel.
Dettalji dwar dan l-investiment ingħataw waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet mogħtija mill-Ministru Austin Gatt. Fi kliem il-Ministru Gatt, din hi parti kruċjali mill-istrateġija tal-Gvern għal dan il-qasam li fuq medda ta’ ħames snin, ser ikun qed jinvesti ftit anqas minn €100 miljun, li ser iwettaq il-mira li d-drenaġġ kollu li jintefà l-baħar f’Malta u Għawdex ikun ittrattat skond in-normi Ewropej tad-drenaġġ u l-ilma tajjeb għall-għawm.
Dan l-impjant huwa maħsub li jiltesta u jibda jitħaddem sa’ l-aħħar ta’ l-2008 u permezz tiegħu l-kosta kollha fix-Xlokk ta’ Malta ser tkun tajba għall-għawm u rekreazzjoni, b’kuntrast ma’ llum fejn din il-kosta hija suġġetta għall-kontaminazzjoni kontinwa mit-tfigħ fil-baħar tad-drenaġġ mhux trattat.
Konsegwenza ta’ dan, ser tiġi eliminata r-roqgħa ta’ l-isbroff tad-drenaġġ f’wiċċ il-baħar. Minbarra dan, permezz ta’ dan l-investiment, ser jiġi ġenerat ammont sostanzjali t’ilma li jistgħa jintuża kemm għall-agrikoltura kif ukoll għall-manteniment kollu tal-100,000 kilometru kwadru ta’ żoni pubbliċi u miftuħa fi Smart City.
Il-Ministru Gatt qal li din hija xhieda ta’ l-impenn tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi lejn in-nofs in-nhar ta’ Malta. (L-għażla ta’ Smart City saret ukoll b’intenzjoni ċara li n-nofsinhar isir il-qalba tas-servizzi f’pajjizna.) B’dan l-investiment ta’ €63 miljun ser inkunu qegħdin nagħtu lura l-kosta lill-Kalkara u lix-Xgħajra, xhieda tad-determinazzjoni li ntejbu n-nofsinhar tal-gżira Maltija.
Is-sit magħżul huwa Ta’ Barkat. Dan is-sit huwa 480 metru l-bogħod mix-Xgħajra (bl-eċċezzjoni ta’ ftit djar mibnija barra l-iskema ta’ l-iżvilupp). Huwa kilometru u nofs il-bogħod mill-Kalkara u 840 metru ‘l bogħod minn Ħaż-Żabbar.
Il-Ministru Austin Gatt spjega li fil-proċess kollu ser ikun l-involviment tal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra. Mhux biss, “iżda nikkonferma li d-dispożizzjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma u l-Gvern kollu” biex jieħu l-mizuri kollha neċessarji biex itaffu kull inkonvenjent. Fil-fatt, kompla l-Ministru Austin Gatt, il-Kabinett ta direzzjoni lill-Ministri Ninu Zammit u Jesmond Mugliett (bħala Ministri responsabbli mir-Riżorsi u l-Infrastruttur u mill-Iżvilupp Urban u Toroq rispettivament) jikkonsidra b’mod favorevoli kull proġett li jressaq il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra.
Il-Ministru Austin Gatt spjega li l-ħolqien ta’ Smart City kien biss wieħed mill-kunsiderazzjonijiet li ttieħdu fl-għażla tas-sit. L-għażla tas-sit hija determinata primarjament mill-fatt li l-qlib ta’ wiċċ l-art, kif ukoll l-infrastruttura kollha tad-drenaġġ taqleb lejn ix-Xlokk. Il-fatt li dan l-impjant kellu jsir x’imkien fuq il-kosta tal-Kalkara jew tax-Xgħajra ħadd ma jistgħa jiċħdu. Kemm fl-1992, kif ukoll bejn l-1996 u 1998, din il-parti tal-kosta kienet identifikata bħala ż-żona idejali għal dan is-sit. Il-Ministru Gatt kompla li l-ħolqien ta’ Smart City wassal biex il-Gvern ikompli jfittex f’sistemi u makkinarji u teknoloġiji li ser iwasslu biex fl-aħħar ta’ l-2008 jkun hemm impjant li ma jrejjaħx, ta’ daqs iżgħar milli kien maħsub għall-ewwel, kif ukoll f’distanzi aktar ‘il bogħod mill-qalba ta’ l-irħula.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958