IMFAKKAR IL-POETA NAZZJONALI DUN KARM
Il-Kumitat Festi Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien mal-Kunsill Lokali Floriana u l-iskola primarja Antonio Galea fakkru t-twelid tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm bi tqegħid ta’ kuruni mal-mafkar tal-poeta fi Triq Sant’Anna l-Floriana.
L-istudenti ta’ l-iskola Antonio Galea akkumpanjati mill-Kap ta’ l-iskola, Joseph Chetcuti, mis-Sindku tal-Floriana Publio Agius, kunsillera, uffiċjali tal-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ħarġu b’korteo mill-iskola Antonio Galea sa ħdejn il-mafkar.
Ħdejn il-mafkar ta’ Dun Karm tkellem is-Sindku tal-Floriana, inqrat poeżija u tqiegħdu kuruni.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura tkellem dwar is-sinifikat ta’ din il-kommemorazzjoni fl-isfond ta’ l-istorja preżenti ta’ pajjiżna. Hu qal li Dun Karm ta lill-pajjiżna l-Innu Malti. Hu qal li l-Innu Malti kien l-Innu Nazzjonali ta’ Malta kif hemm imniżżel f’Artiklu 4 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li hi parti mill-għodda li permezz tagħha pajjiżna sar Stat sovran u Indipendenti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li llum li pajjiżna hu parti mill-Unjoni Ewropea, u għalhekk jagħmel parti minn għaqda ta’ 25 Stat, it-tħaris tas-sovranita’ ta’ pajjiżna kien jieħu dimensjoni differenti għaliex kien jagħtina dik is-saħħa li nkunu daqs ħaddieħor, anke daqs dawk il-pajjiżi ferm akbar minnha. Hu qal li l-Innu Malti, l-Ilsien Malti, l-istorja millenarja tagħna, il-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna kienu jiddistingwuna minn pajjiżi oħra u jagħmluna Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li Dun Karm ta lil pajjiżna innu talba li hu differenti minn innijiet ta’ pajjiżi oħra għaliex fih messaġġ ta’ fidi f’Alla u ta’ solidarjeta’ bejn il-mexxejja tal-pajjiż, il-ħaddiema u min iħaddimhom. Hu qal li fiż-żminijiet tal-lum il-messaġġ fl-Innu Malti għadu validu daqskemm kien meta nkiteb. Il-Ministru Zammit Dimech appella liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex jibqgħu jgħożżu u jsibu gwida fl-Innu Nazzjonali ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958