Left arrow Go Back

LEJL TA’ ARTI, KULTURA U DIVERTIMENT FIL-BELT VALLETTA

PR1406
Date Icon 14/10/2006

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ta bidu għal lejl ta’ attivitajiet  bħala parti minn “Notte Bianca – Lejl Mdawwal”. Din l-attivita’ ġiet  organizzata mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, f’kollaborazzjoni man-National Lotteries for Good Causes Fund tal-Ministeru tal-Finanzi u bl-appoġġ tal-Kunsill Lokali Valletta, l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta, The Westin Dragonara Resort Malta u Capital Radio 88.7.

Il-Ministru Zammit Dimech awgura lill-poplu Malti u Għawdxi u lit-turisti li hawn fostna bħalissa li jkollhom lejl mill-aqwa ta’ divertiment fil-kapitali ta’ pajjiżna. Hu qal li kien jemmen li attivitajiet bħal dawn kienu jwasslu biex jagħtu ħajja ġdida lill-belt Valletta u jkomplu jpoġġuha fuq il-mappa dinjija tal-kultura u l-arti. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din kienet l-ewwel sena li din l-attivita’ kienet qed tiġi organizzata f’Malta. Hu qal li minkejja dan kienu qed jiġu organizzati ’l fuq minn 40 attivita’ f’kull parti tal-belt Valletta, f’teatri, palazzi, bini storiku u barra fil-pjazez, ġonna u toroq. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li kull min ser jitla’ il-Belt se jkollu l-opportunita’ li jżur mużewijiet u galleriji ta’ l-arti. Hu qal li bejn is-6.00 p.m. u nofs il-lejl se jkunu miftuħa Casa Rocca Piccola, il-Mużew tal-Ġugarelli, l-iState Rooms  u l-Armerija fil-Palazz tal-President, il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija, il-Librerija Nazzjonali u l-Vee Gee Bee Art Gallery.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ser ikun hemm ukoll żjarat  organizzati,  fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, it-Teatru Manoel, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Mużew ta’ l-Arkeoloġija, l-iState Rooms u l-Armerija. Hu qal li żjarat oħra animati jew  organizzati ser ikollhom suġġetti partikolari li jinkludu ‘is-sess fil-Belt’, ‘l-arti fil-belt Valletta’, ‘Il-belt Valletta tul il-gwerer’ u ‘iħirsa fil-Belt’. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li mis-6.00 p.m. ‘l hinn,  ser ikun hemm miftuħa tmien esibizzjonijiet fosthom wirjiet ta’ fotografija, storja, presepji tal-Milied, pittura u wirja dwar Mozart. Hu qal li dawn il-wirjiet qed jittellgħu fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran, fil-Café Premiere, is-Sala San Franġisk, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Berġa ta’ l-Italja u Triq Zakkarija. Hu qal li il-wirja viżiva ‘The Malta Experience’ ser tkun miftuħa fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li wara nofs il-lejl l-attivitajiet mhux ser jonqsu u għalhekk l-organizzaturi ħadu ħsieb li jkun hemm drama u mużika sas-6.00 ta’ filgħodu fis-sit tat-Teatru Rjal, Karnival f’Misraħ l-Assedju l-Kbir; wirja tal-moda fil-parti ta’ fuq ta’ Triq ir-Repubblika; drama fl-Universita’ l-Qadima. Hu qal li bejn nofs il-lejl u s-2.00 ta’ filgħodu se jkun organizzat bankett medjovali fi Triq il-Merkanti, faċċata ta’ l-Armerija fil-Palazz Presidenzjali. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li x-xahar ta’ Ottubru qed jinbidel f’xahar mill-aktar intensiv ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi. Hu qal li matul dawn il-jiem kien qed jiġi organizzat il-Festival tal-Ibliet Storiċi ta’ Malta u bħala parti minn dan il-festival jsir il-Valletta Military Tattoo fejn baned lokali u barranin jagħtu wirja spettakulari f’Misraħ San Ġorġ. Hu qal li mhux b’kumbinazzjoni li llum hi waħda mill-ġranet ta’ dan il-Military Tattoo li jiġbed lejħ mijiet ta’ Maltin u barranin li qabel u wara l-wirja tal-baned, jistgħu jingħaqdu mal-bqija tan-nies għal aktar divertiment u briju fil-belt. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien ċert li ‘Notte Bianca – Lejl Imdawwal’  kien issa daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi biex jibqa’. Hu qal li dan kien biss possibbli għaliex kien hemm team ta’ mpjegati fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li kienu lesti jagħtu ħinhom u l-enerġiji tagħhom biex jorganizzaw attivitajiet ta’ livell għoli. Hu qal li lil dawn ried jirringrazzjahom. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow