L-OPPOŻIZZJONI M’GĦANDHIEX VIŻJONI GĦAS-SETTURI TAL-BIEDJA U S-SAJD
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent iħares lejn il-viżjoni tal-Partit ta’ l-Oppożizzjoni għall-Biedja u s-Sajd f’pajjiżna, bħala waħda fqira u nieqsa minn kull viżjoni reali lejn dawn iż-żewg setturi importanti.
B’riferenza għall-abbozzi ta’ stqarrijiet, jidher ċar li l-viżjoni ta’ l-Oppożizzjoni għall-biedja u sajd, turi għal darb’oħra li l-Oppożizzjoni għadha taħseb b’moħħ ta’ min għadu ma fehemx xi tfisser sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni tagħmel riferenza għall-proposti, ma tgħidx x’inhuma dawn il-proposti jew programmi Nazzjonali. Xi trid tfisser b’dawn il-programmi nazzjonali? L-Oppożizzjoni ma tgħidx jekk dawn il-programmi Nazzjonali, li għandħa f’moħħa, humiex konformi mad-direttivi u regoli tal-Unjoni Ewropea jew jekk humiex l-istess skemi li ġew negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea mill-Gvern għall-benefiċċju tal-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Il-partit ta’ l-Oppożizzjoni qed jgħid li se jżid id-dħul tal-bdiewa u raħħala. Wieħed bla ma jrid jistaqsi kif ser isir dan. Billi jneħħi s-sussidji li tant kien ikkritika waqt in-negozjati u wara, jew billi jimponi restrizzjonijiet fuq prodotti gejjin mill-Unjoni Ewropea kontra l-ligijiet tal-istess Unjoni Ewropea? Il-partit ta’ l-Oppożizzjoni ser iżid id-dħul tal-Bdiewa r-Raħħala u s-Sajjieda billi ma jonorax il-pakett finanzjaju maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea għas-sena 2007 u l-2013 li jlaħħaq aktar minn 80 miljun Ewro? Jew inkella, kif qal l-istess Kap ta’ l-Oppozizzjoni fuq programm imxanndar fuq stazzjoni lokali, billi jaqta 5% minn kull dipartiment jekk ikun fil-gvern?
Filwaqt li kkritika lil dan il-Gvern għax għamel kampanja ta’ promozzjoni favur prodotti lokali, issa qed igħid li jrid jagħmel l-istess. Dan juri kemm l-Oppożizzjoni m’għandhiex ideat x’toffri lill-biedja u filwaqt li dan il-Gvern jirrikonoxxi u jippromwovi l-biedja organika, jidher ċar li l--Oppożizzjoni qed timmiżinforma lill-bdiewa, għax hu rikonnuxut minn kull min jifhem fil-biedja, li l-biedja organika f’Malta għandha limitazzjonijet kbar minħabba, fost affarijiet oħra, d-daqs ta’ pajjiżna.
L-Oppożizzjoni ma ssemmiex l-esporatazzjoni tal-patata bħala settur importanti ferm għall-biedja, u l-proċess tal-Eurepgap Certification li ddaħħal mill-Gvern sabiex inkomplu niggarantixxu prezzijiet tajbin għall-bdiewa tagħna.
Nuqqas ieħor hu li ma hemm ebda riferenza f’din l-hekk imsejħa viżjoni għas-setturi tal-ħalib, ċanga majjal, tiġieġ tas-simna, produzzjoni tal-bajd, tadam għall-ipproċessar, żebbuġ, frott u ħaxix dwieli, produzzjoni tal-ġbejniet, nbid kif ukol is-saħħa u l-ħarsien tal-bhejjem u tjur. Ma jistgħax ma jissemmiex ukoll is-settur li jkabbar il-prodotti tiegħu fis-serer. Dawn huma setturi li ngħataw l-importanza li jixirqilhom fin-negozjati ma l-Unjoni Ewropea u naturalment wara permezz ta’ skemi approvati mill-Unjoni Ewropea.
Fis-settur tas-Sajd il-partit ta’ l-Oppożizzjoni jirreferi biss għal inizjattivi li ttieħdu mill-Gvern bħal faċilitajiet ta’ cold storage. Il-partit ta’ l-Oppożizzjoni nesa jsemmi l-għajnunjiet finanzjarji li ngħataw lis-sajjieda għad-dgħajjes tas-sajd u l-bini ta’ hard standing facilities ġewwa Marsaxlokk.
Hi ħaġa ta’ l-iskantament kif l-Oppożizzjoni qed tipproponi li l-pixkerija titneħħa minn fejn hi. X’inhi r-raġuni għal dan? Mela nsiet li hemm ċentru tal-ħasil tal-kaxex faċċata tal-pixkerija li nbena mill-Gvern biex jgħin lis-sajjieda u eventwalment igawdi l-konsumatur minn iġene fil-kaxxi tal-ħut? U allura wieħed jistaqsi, fejn hu s-sit alternattiv? Ma’ liema sajjieda ikkonsultat l-Oppożizzjoni?
Jidher ċar li l-partit ta’ l-Oppożizzjoni m’għandux ideat anqas għas-settur tas-sajd u mhu qed joffri xejn konkret għas-sajjieda. Iżda l-akbar sorpriża tirrigwardja ir-riferenza għall-fondi strutturali. L-Oppożizzjoni tgħid li għandhom jintużaw aħjar mill-lum. Ma tafx li l-programm bejn 2007 u 2013 għas-sajd kien mfassal u maqbul bejn il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea xhur ilu? Din ir-riferenza ta’ l-Oppożizzjoni għal fondi strutturali turi kemm mhiex informata dwar kif taħdem l-Unjoni Ewropea u għalhekk qiegħda mill-ġdid timmisgwida lis-sajjieda.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958