Left arrow Mur Lura

KIF SER NAGĦTU ĦAJJA ĠDIDA LIS-SETTUR TAT-TURIŻMU?

PR1404
Date Icon 14/10/2006

Il-Politika dwar it-Turiżmu għall-Gżejjer Maltin ser tiġi ppubblikata lejn tmiem din is-sena. Din ser tippreżenta numru ta’ prinċipji li għandhom jiggwidaw id-deċiżjonijiet li jkollhom impatt dirett u ndirett fuq is-settur turistiku lokali,  biex dan jibqa’ kompetittiv. Biex dan iseħħ l-istakeholders kollha, inkluża l-Oppożizzjoni, jridu jipparteċipaw biex jiżguraw li d-deċiżżjonijiet, azzjonijiet u proġetti li jitwettqu mhux biss ma jagħmlux ħsara lit-turiżmu, iżda jkunu ta’ għajnuna  biex dan is-settur jikber u jissaħħaħ. 

Dan sostnieh il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta indirizza Seminar Nazzjonali bit-tema “Kif se nagħtu ħajja ġdida lis-settur tat-turiżmu?” organizzat mill-Fondazzjoni Gużè Ellul Mercer. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-problemi ewlenin ta’ pajjiżna fil-qasam turistiku huma telf ta’ kompetittivita’ fil-konfront ta’ pajjiżi kompetituri tagħna fosthom pajjiżi fil-baċin  tal-Mediterran u l-pajjiżi li kienu jagħmlu parti mill-ex-Unjoni Sovjetika u t-trasport.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Politika dwar it-Turiżmu fil-Gżejjer Maltin tindirizza il-qagħda turistika lokali u internazzjonali fejn Malta trid tikkompeti mhux biss ma’ pajjiżi bħal Ċipru, il-Greċja u Spanja iżda wkoll ma’ destinazzjonijiet ‘long-haul’ li żiedu l-aċċessibilita’ tagħhom. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Politika għat-Turiżmu hi r-riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni nterna fi ħdan il-Gvern u hi bażata fuq il-qafas strateġiku ekonomiku u soċjali ta’ Malta  kif speċifikat f’dokumenti ewlenin tal-Gvern. Hu qal li din il-politika tippreżenta numru ta’ tweġibiet għal problemi li qed jolqtu lis-settur turistiku lokali u tfassal numru ta’ azzjonijiet li jridu jttieħdu mill-Gvern biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta’ din il-politika turistika. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li din il-politika dwar it-turiżmu, darba tiġi ppublikata biex ikun hemm konsultazzjoni pubblika dwarha, tkun implimentata. 

“Il-politika dwar it-turiżmu u l-pjan nazzjonali dwar it-turiżmu jistgħu jiġu implimentati b’suċċess biss jekk l-istakeholders kollha jipparteċipaw fil-proċess. Għalina l-istakeholders huma l-Gvern kif rappreżentat mill-Ministeri u l-entitajiet kollha; il-Kunsilli Lokali; l-Oppożizzjoni; organizazzjonijiet fis-settur privat li huma direttament u ndirettament marbuta mat-turiżmu; korpi kostitwiti li jinkludu organizazzjonijiet mhux governattivi, partikolarment dawk relatati mat-turiżmu, l-ambjent u l-kultura; il-Knisja; u r-residenti kollha ta’ Malta u Għawdex,” sostna il-Ministru Zammit Dimech li żied li għalhekk meta nitkellmu dwar x’impressjoni nagħtu ta’ Malta, ngħidu li kulħadd irid jipparteċipa biex f’pajjiżna s-settur turistiku jieqaf fuq saqajh. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-settur turistiku jmur ’il quddiem jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed fl-istess direzzjoni. Hu qal li s-settur turistiku jmur ’il quddiem billi lit-turist nagħtuh valur għall-flus li jonfoq; it-turiżmu jmur ’il quddiem billi lit-turist nibdlulu l-vaganza tiegħu f’esperjenza pjaċevoli; billi inkomplu nsaħħu u nkabbru n-niċeċ turistiċi li diġa għandna; billi nżommu pajjiżna nadif u billi nħarsu l-ambjent. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-settur turistiku jmur ’il quddiem jekk ikollna mezzi adegwati ta’ trasport biex it-turisti jkunu jistgħu jżuru pajjiżna. Hu qal li Malta għandha l-iżvantaġġ li hi gżira u għalhekk it-turisti li jżuruna iridu bilfors jivvjaġġaw bl-ajru. Hu qal li dan qed iwassalna li filwaqt li nħarsu l-legacy carriers nagħmlu sforzi biex inħajjru lejn  pajjiżna linji ta’ l-ajru low cost li llum jagħmlu parti essenzjali mill-ivvjaġġar bl-ajru.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-istess waqt li nħarsu linji ta’ l-ajru bħall-Air Malta, British Airways, Lufthansa, Emirates u Alitalia, irridu nkomplu naħdmu biex flimkien ma’ Ryanair, Germanwings u Meridiana nattiraw aktar linji low cost li jġibu lejn  pajjiżna turisti li jonfqu fostna dak li jiffrankaw mill-biljetti ta’ l-ajru. F’dan is-sens fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se joħroġ sejħiet oħra għal aktar titjiriet minn linji ta’ l-ajru ‘low cost’; b’dan iżda li nħarsu bis-serjeta’ l-interess ekonomiku nazzjonali.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-settur turistiku kellu l-kapaċita’ li jirpilja minn kull fażi diffiċli li jgħaddi minnha. Hu qal li kien ċert li anke f’pajjiżna kienet teżisti din il-kapaċita’. Hu qal li filwaqt li din is-sena ser inkunu naqqasna min-numru ta’ turisti li qed iżuruna, jirriżulta li s’issa ma naqqasniex mid-dħul. Hu qal li għalkemm dan bl-ebda mod ma jwassalna biex nieqfu milli nirdupjaw l-isforzi tagħna, jinkoraġġina biex inkomplu nattiraw lejn  pajjiżna aktar turisti b’valur miżjud akbar. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura  qal li kollox jiddependi minnha lkoll li flimkien irridu ngħaqqdu l-isforzi tagħna fil-qasam tal-marketing, fl-infurzar fil-livelli kollha, fil-kwalita’ ta’ servizz li nagħtu u fil-mod kif nindukraw lit-turist. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow