KIF SER NAGĦTU ĦAJJA ĠDIDA LIS-SETTUR TAT-TURIŻMU?
Il-Politika dwar it-Turiżmu għall-Gżejjer Maltin ser tiġi ppubblikata lejn tmiem din is-sena. Din ser tippreżenta numru ta’ prinċipji li għandhom jiggwidaw id-deċiżjonijiet li jkollhom impatt dirett u ndirett fuq is-settur turistiku lokali, biex dan jibqa’ kompetittiv. Biex dan iseħħ l-istakeholders kollha, inkluża l-Oppożizzjoni, jridu jipparteċipaw biex jiżguraw li d-deċiżżjonijiet, azzjonijiet u proġetti li jitwettqu mhux biss ma jagħmlux ħsara lit-turiżmu, iżda jkunu ta’ għajnuna biex dan is-settur jikber u jissaħħaħ.
Dan sostnieh il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta indirizza Seminar Nazzjonali bit-tema “Kif se nagħtu ħajja ġdida lis-settur tat-turiżmu?” organizzat mill-Fondazzjoni Gużè Ellul Mercer.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-problemi ewlenin ta’ pajjiżna fil-qasam turistiku huma telf ta’ kompetittivita’ fil-konfront ta’ pajjiżi kompetituri tagħna fosthom pajjiżi fil-baċin tal-Mediterran u l-pajjiżi li kienu jagħmlu parti mill-ex-Unjoni Sovjetika u t-trasport.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Politika dwar it-Turiżmu fil-Gżejjer Maltin tindirizza il-qagħda turistika lokali u internazzjonali fejn Malta trid tikkompeti mhux biss ma’ pajjiżi bħal Ċipru, il-Greċja u Spanja iżda wkoll ma’ destinazzjonijiet ‘long-haul’ li żiedu l-aċċessibilita’ tagħhom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Politika għat-Turiżmu hi r-riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni nterna fi ħdan il-Gvern u hi bażata fuq il-qafas strateġiku ekonomiku u soċjali ta’ Malta kif speċifikat f’dokumenti ewlenin tal-Gvern. Hu qal li din il-politika tippreżenta numru ta’ tweġibiet għal problemi li qed jolqtu lis-settur turistiku lokali u tfassal numru ta’ azzjonijiet li jridu jttieħdu mill-Gvern biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta’ din il-politika turistika.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din il-politika dwar it-turiżmu, darba tiġi ppublikata biex ikun hemm konsultazzjoni pubblika dwarha, tkun implimentata.
“Il-politika dwar it-turiżmu u l-pjan nazzjonali dwar it-turiżmu jistgħu jiġu implimentati b’suċċess biss jekk l-istakeholders kollha jipparteċipaw fil-proċess. Għalina l-istakeholders huma l-Gvern kif rappreżentat mill-Ministeri u l-entitajiet kollha; il-Kunsilli Lokali; l-Oppożizzjoni; organizazzjonijiet fis-settur privat li huma direttament u ndirettament marbuta mat-turiżmu; korpi kostitwiti li jinkludu organizazzjonijiet mhux governattivi, partikolarment dawk relatati mat-turiżmu, l-ambjent u l-kultura; il-Knisja; u r-residenti kollha ta’ Malta u Għawdex,” sostna il-Ministru Zammit Dimech li żied li għalhekk meta nitkellmu dwar x’impressjoni nagħtu ta’ Malta, ngħidu li kulħadd irid jipparteċipa biex f’pajjiżna s-settur turistiku jieqaf fuq saqajh.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-settur turistiku jmur ’il quddiem jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed fl-istess direzzjoni. Hu qal li s-settur turistiku jmur ’il quddiem billi lit-turist nagħtuh valur għall-flus li jonfoq; it-turiżmu jmur ’il quddiem billi lit-turist nibdlulu l-vaganza tiegħu f’esperjenza pjaċevoli; billi inkomplu nsaħħu u nkabbru n-niċeċ turistiċi li diġa għandna; billi nżommu pajjiżna nadif u billi nħarsu l-ambjent.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-settur turistiku jmur ’il quddiem jekk ikollna mezzi adegwati ta’ trasport biex it-turisti jkunu jistgħu jżuru pajjiżna. Hu qal li Malta għandha l-iżvantaġġ li hi gżira u għalhekk it-turisti li jżuruna iridu bilfors jivvjaġġaw bl-ajru. Hu qal li dan qed iwassalna li filwaqt li nħarsu l-legacy carriers nagħmlu sforzi biex inħajjru lejn pajjiżna linji ta’ l-ajru low cost li llum jagħmlu parti essenzjali mill-ivvjaġġar bl-ajru.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-istess waqt li nħarsu linji ta’ l-ajru bħall-Air Malta, British Airways, Lufthansa, Emirates u Alitalia, irridu nkomplu naħdmu biex flimkien ma’ Ryanair, Germanwings u Meridiana nattiraw aktar linji low cost li jġibu lejn pajjiżna turisti li jonfqu fostna dak li jiffrankaw mill-biljetti ta’ l-ajru. F’dan is-sens fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se joħroġ sejħiet oħra għal aktar titjiriet minn linji ta’ l-ajru ‘low cost’; b’dan iżda li nħarsu bis-serjeta’ l-interess ekonomiku nazzjonali.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-settur turistiku kellu l-kapaċita’ li jirpilja minn kull fażi diffiċli li jgħaddi minnha. Hu qal li kien ċert li anke f’pajjiżna kienet teżisti din il-kapaċita’. Hu qal li filwaqt li din is-sena ser inkunu naqqasna min-numru ta’ turisti li qed iżuruna, jirriżulta li s’issa ma naqqasniex mid-dħul. Hu qal li għalkemm dan bl-ebda mod ma jwassalna biex nieqfu milli nirdupjaw l-isforzi tagħna, jinkoraġġina biex inkomplu nattiraw lejn pajjiżna aktar turisti b’valur miżjud akbar.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kollox jiddependi minnha lkoll li flimkien irridu ngħaqqdu l-isforzi tagħna fil-qasam tal-marketing, fl-infurzar fil-livelli kollha, fil-kwalita’ ta’ servizz li nagħtu u fil-mod kif nindukraw lit-turist.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958