Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JESMOND MUGLIETT, MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP URBAN U TOROQ, FIL-FTUĦ TAS-6 WORKSHOP ANNWALI TAS-SACES – VITTORIOSA – 13.10.2006

PR1398
Date Icon 13/10/2006

Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-kumitat tas-Society of Architecture and Civil Engineering Students (SACES) talli ġejt mistieden għat-tielet darba biex niftaħ il-workshop annwali tagħkom.

 Nieħu pjaċir ninnota li l-postijiet fejn tagħmlu l-workshops tagħkom, wara ftit snin jittrasformaw ruħhom minn postijiet mitluqin u żdingati għal ċentri ta’ attività kummerċjali. Hekk ġara sentejn ilu fix-Xatt tal-Belt meta l-workshop kien sar fl-imħażen ta’ Pinto. Illum ix-Xatt tal-Belt qed jopera bħala cruise passenger terminal b’numru ta’ stabbilimenti kummerċjali u ta’ l-ikel li jiġbdu eluf ta’ Maltin u turisti kull ġimgħa. Bl-istess mod nistenna li fi ftit snin oħra nara l-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni, fejn qed isir il-workshop ta’ din is-sena, mibdul f’parti minn lukanda ta’ lussu li żżid il-valur turistiku tal-Kottonera.

 Għalkemm m’hemm l-ebda dubju dwar il-valur għoli li għandhom assi storiċi bħall-imħażen ta’ Pinto, l-isptar tal-Lazzarett fejn iltqajna s-sena l-oħra, huwa diffiċli għall-Gvern li jwettaq riġenerazzjoni ta’ assi bħal dawn mingħajr l-intervent tas-settur privat. Dan għal bosta raġunijiet li ewlenija fosthom hemm il-kapital li jkollok bżonn biex twettaq proġett ta’ riġenerazzjoni, anke fuq skala żgħira. Dan ma jfissirx iżda li l-Gvern mhux qed jinvesti fil-proġetti ta’ riġenerazzjoni li qed naraw għaddejjin f’pajjiżna bħal issa.   Anzi!

 F’Awissu tlestiet l-ewwel fażi tat-tisbiħ tax-Xatt tal-Kottonera – proġett b’valur li jiżboq l-Lm400,000, b’aktar min nofs dan l-ammont jinħareġ mill-Gvern u l-Awtorità dwar it-Trasport. Għalkemm dan il-proġett sar bi sħab mal-konsorzja li joperaw matul ix-xatt, il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq kien kruċjali biex intlaħaq ftehim bejn il-partijiet interessati kollha dwar ix-xogħlijiet li kien hemm bżonn fis-servizzi, id-diżinji tal-proġett u materji oħra.

 Ir-riżultat tat-tlestija tal-ewwel fażi tal-proġett tal-landscaping tax-Xatt kien impressjonanti. F’temp ta’ ftit jiem bdew joperaw tliet stabbilimenti ta’ l-ikel li kisbu popolarità immedjata. Il-Casinò di Venezia ukoll qed jisfrutta l-possibilitajiet li toffri din iż-żona pedonali ġdida. Qed jikber ukoll l-interess f’assi kummerċjali oħrajn illi jinsabu max-xatt aktar viċin il-Forti Sant’Anġlu.

 Il-proġett tal-landscaping tant qed jilħaq l-għan aħħari tiegħu li jibdel ix-xatt f’ċentru ta’ attività, li kważi nazzarda ngħid li sirna vittmi tas-suċċess tagħna. Dan minħabba li l-ammont ta’ nies li qed jiġu hawn, partikolarment fi tmiem il-ġimgħa qed joħolqu domanda kbira għall-parkeġġ. Din l-isfida ser inkunu qed nindirizzawha fix-xhur li ġejjin bi proġett biex Xatt ir-Risq jinbidel f’parkeġġ organizzat bħala miżura temporanja.

 Intant ix-xahar id-dieħel ser issir l-installazzjoni tad-dawl u street furniture matul ix-xatt kollu u l-menqa, filwaqt li fi ftit jiem oħra ser jibda x-xogħol fuq il-pavimentar ta’ Triq San Lawrenz fuq in-naħa ta’ wara tal-proġett.

 Għaddejjin ukoll it-tħejjijiet biex fi ftit ġimgħat oħra inniedu l-proġett tal-parkeġġ taħt l-art fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Margerita, ftit ‘l bogħod minn hawn. Dan il-parkeġġ huwa meqjus bħala component kruċjali fl-iżvilupp tax-Xatt tal-Kottonera peress li ser jaqdi ż-żieda fid-domanda għall-parkeġġ li l-proġett tal-Birgu u dak tal-Baċir Numru 1 ser ikunu qed joħolqu. Dwar dan ta’ l-aħħar ta’ min isemmi li bħal issa qed niddiskutu l-materji finanzjarji mal-konsorzju Romegas li ġie shortlistedbiex jiżviluppa dan il-proġett. Ninsab fiduċjuż li dan il-proċess jista’ jiġi konkluż fi ftit ġimgħat oħra.

 Ta’ min jinnota li l-effett tal-Proġett ta’ Riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Birgu qed jinfirex ‘l barra mix-xatt innifsu. Iċ-ċittadini tal-Kottonera kollha issa qed imissu b’idejhom il-qawmien mill-ġdid tat-Tliet Ibliet.

 Inħossni kburi għalhekk li sena wara l-oħra, intom il-periti t’għada, qed tgħażlu li torganizzaw l-ikbar attività annwali tagħhkom fil-qofol ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni li qed iseħħu madwar Malta. L-għażla ta’ dawn il-postijiet minnha nnifisha hija xhieda tas-sensittività tagħkom għar-riġenerazzjoni urbana.

 Ngħalaq billi inħeġġiġkom biex waqt li tkunu għaddejjin bil-workshop tagħkom tosservaw l-attività li għaddejja fix-Xatt tal-Birgu – li huwa laboratorju ħaj tar-riġenerazzjoni f’pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow