DISKORS MILL-ONOR. JESMOND MUGLIETT, MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP URBAN U TOROQ, FIL-FTUĦ TAS-6 WORKSHOP ANNWALI TAS-SACES – VITTORIOSA – 13.10.2006
Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-kumitat tas-Society of Architecture and Civil Engineering Students (SACES) talli ġejt mistieden għat-tielet darba biex niftaħ il-workshop annwali tagħkom.
Nieħu pjaċir ninnota li l-postijiet fejn tagħmlu l-workshops tagħkom, wara ftit snin jittrasformaw ruħhom minn postijiet mitluqin u żdingati għal ċentri ta’ attività kummerċjali. Hekk ġara sentejn ilu fix-Xatt tal-Belt meta l-workshop kien sar fl-imħażen ta’ Pinto. Illum ix-Xatt tal-Belt qed jopera bħala cruise passenger terminal b’numru ta’ stabbilimenti kummerċjali u ta’ l-ikel li jiġbdu eluf ta’ Maltin u turisti kull ġimgħa. Bl-istess mod nistenna li fi ftit snin oħra nara l-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni, fejn qed isir il-workshop ta’ din is-sena, mibdul f’parti minn lukanda ta’ lussu li żżid il-valur turistiku tal-Kottonera.
Għalkemm m’hemm l-ebda dubju dwar il-valur għoli li għandhom assi storiċi bħall-imħażen ta’ Pinto, l-isptar tal-Lazzarett fejn iltqajna s-sena l-oħra, huwa diffiċli għall-Gvern li jwettaq riġenerazzjoni ta’ assi bħal dawn mingħajr l-intervent tas-settur privat. Dan għal bosta raġunijiet li ewlenija fosthom hemm il-kapital li jkollok bżonn biex twettaq proġett ta’ riġenerazzjoni, anke fuq skala żgħira. Dan ma jfissirx iżda li l-Gvern mhux qed jinvesti fil-proġetti ta’ riġenerazzjoni li qed naraw għaddejjin f’pajjiżna bħal issa. Anzi!
F’Awissu tlestiet l-ewwel fażi tat-tisbiħ tax-Xatt tal-Kottonera – proġett b’valur li jiżboq l-Lm400,000, b’aktar min nofs dan l-ammont jinħareġ mill-Gvern u l-Awtorità dwar it-Trasport. Għalkemm dan il-proġett sar bi sħab mal-konsorzja li joperaw matul ix-xatt, il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq kien kruċjali biex intlaħaq ftehim bejn il-partijiet interessati kollha dwar ix-xogħlijiet li kien hemm bżonn fis-servizzi, id-diżinji tal-proġett u materji oħra.
Ir-riżultat tat-tlestija tal-ewwel fażi tal-proġett tal-landscaping tax-Xatt kien impressjonanti. F’temp ta’ ftit jiem bdew joperaw tliet stabbilimenti ta’ l-ikel li kisbu popolarità immedjata. Il-Casinò di Venezia ukoll qed jisfrutta l-possibilitajiet li toffri din iż-żona pedonali ġdida. Qed jikber ukoll l-interess f’assi kummerċjali oħrajn illi jinsabu max-xatt aktar viċin il-Forti Sant’Anġlu.
Il-proġett tal-landscaping tant qed jilħaq l-għan aħħari tiegħu li jibdel ix-xatt f’ċentru ta’ attività, li kważi nazzarda ngħid li sirna vittmi tas-suċċess tagħna. Dan minħabba li l-ammont ta’ nies li qed jiġu hawn, partikolarment fi tmiem il-ġimgħa qed joħolqu domanda kbira għall-parkeġġ. Din l-isfida ser inkunu qed nindirizzawha fix-xhur li ġejjin bi proġett biex Xatt ir-Risq jinbidel f’parkeġġ organizzat bħala miżura temporanja.
Intant ix-xahar id-dieħel ser issir l-installazzjoni tad-dawl u street furniture matul ix-xatt kollu u l-menqa, filwaqt li fi ftit jiem oħra ser jibda x-xogħol fuq il-pavimentar ta’ Triq San Lawrenz fuq in-naħa ta’ wara tal-proġett.
Għaddejjin ukoll it-tħejjijiet biex fi ftit ġimgħat oħra inniedu l-proġett tal-parkeġġ taħt l-art fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Margerita, ftit ‘l bogħod minn hawn. Dan il-parkeġġ huwa meqjus bħala component kruċjali fl-iżvilupp tax-Xatt tal-Kottonera peress li ser jaqdi ż-żieda fid-domanda għall-parkeġġ li l-proġett tal-Birgu u dak tal-Baċir Numru 1 ser ikunu qed joħolqu. Dwar dan ta’ l-aħħar ta’ min isemmi li bħal issa qed niddiskutu l-materji finanzjarji mal-konsorzju Romegas li ġie shortlistedbiex jiżviluppa dan il-proġett. Ninsab fiduċjuż li dan il-proċess jista’ jiġi konkluż fi ftit ġimgħat oħra.
Ta’ min jinnota li l-effett tal-Proġett ta’ Riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Birgu qed jinfirex ‘l barra mix-xatt innifsu. Iċ-ċittadini tal-Kottonera kollha issa qed imissu b’idejhom il-qawmien mill-ġdid tat-Tliet Ibliet.
Inħossni kburi għalhekk li sena wara l-oħra, intom il-periti t’għada, qed tgħażlu li torganizzaw l-ikbar attività annwali tagħhkom fil-qofol ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni li qed iseħħu madwar Malta. L-għażla ta’ dawn il-postijiet minnha nnifisha hija xhieda tas-sensittività tagħkom għar-riġenerazzjoni urbana.
Ngħalaq billi inħeġġiġkom biex waqt li tkunu għaddejjin bil-workshop tagħkom tosservaw l-attività li għaddejja fix-Xatt tal-Birgu – li huwa laboratorju ħaj tar-riġenerazzjoni f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958