GĦAJNUNA FINANZJARJA TA’ LM 3,125,980 LILL PRODUTTURI TAL-BAJD TAT-TIĠIEĠ
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, l-Onor. Dr Francis Agius dalgħodu żar waħda mit-tlett Hatcheries li jinsabu fil-gżejjer Maltin bħala parti mill-attivitajiet biex jitfakkar il-jum dinji ta’ l-ikel.
Dr Agius spjega li minkejja li s-settur tat-tjur għaddej minn ristrutturar kbir, xorta waħda l-fatti qed juru li hawn talba sostanzjali biex jinxtraw flieles kemm għat-tiġieġ tas-simna, kif ukoll għat-tiġieġ tal-Bajd. Dan jidher ċar minn dak li qed jirnexxilha tfaqqas din il-hatchery ta’ Best Quality Hatchers tal-Marsa. Din il-hatchery tfaqqas miljun u nofs bajda fis-sena. Dan huwa awgurju tajjeb għal dan is-settur.
Dr Agius spjega kif minn Lulju ta’ l-2002 sa Settembru ta’ din is-sena, il-Gvern ta għajnuna finanzjarja ta’ Lm 3,125,980 lill-produtturi tal-bajd tat-tiġieġ. Dan juri l-impenn tal-Gvern li jgħin lil dan is-settur biex hekk ikun jista’ jsir ir-ristrutturar biex finalment igawdi l-konsumatur.
Dan is-sussidju qed iservi ħalli jsir it-tibdil neċessarju fl-ambjent ta’ l-irziezet, biex jinxtraw gaġeġ, ħalli jkun jista’ jinxtara l-makkinarju li jittimbra l-bajd, jitjieb il-marketing ta’ dan il-prodott, kif ukoll jitjieb u jsir ristrutturar fid-demmiela tar-razzett, skond il-kodici ta’ metodi ta’ biedja għaqlija.
Il-bajd kollu tat-tifqis huwa kollu mportat minn pajjiżi ta’ l-Ewropa fosthom il-Belġju, l-Olanda, l-Italja u Franza. Il-bajd li jigi mportat jiġi rreġistrat mit-Taqsima ta’ l-Affarijiet Veterinarji u Sajd fejn jigi mogħti Batch Code. Dan il-Batch Code jibqa’ jsegwi l-fellus sa meta jmur fuq ir-razzett, jinqatel fil-biċċerija u mbagħad jiġi espost fil-ħanut tal-laħam. Għalhekk titħaddem sistema ta’ traċċiabilità sħiħa mit-tifqis sal-konsum.
Fil-każ tal-flieles tal-bajd, il-Batch Code isegwi l-fellus sa fuq ir-razzett u l-bajd prodott minn dawk il-flieles (li jsiru tiġieġ wara 5 xhur) jiġi ttimbrat b’kodiċi ieħor li juri n-numru tar-razzett, li l-bajd ġie prodott f’Malta u l-metodu tat-trobbija tat-tiġieġ li pproduċew dak il-bajd.
Dr. Agius spjega li l-popolazzjoni tat-tiġieġ tal-bajd illum tlaħħaq għal iktar minn nofs miljun tiġieġa u l-produzzjoni tal-bajd tlaħħaq madwar il-mitt miljun bajda fis-sena. F’Malta hawn 89 razzett liċenzjati tat-tiġieġ tal-bajd. Dan juri illi l-produzzjoni għal dan il-prodott hija suffiċjenti għad-domanda lokali. F’ Malta twaqqfet ukoll assoċjazzjoni ghall-produtturi tal-bajd.
Dan għalhekk ixejjen il-kritika minn ċertu esponenti li jgħidu li s-sussidju huwa “suiċidju”. Dan ukoll juri li s-sussidju li qed jingħata qed jirrifletti fit-titjib ta’ l-irziezet, il-ħarsien tat-tjur, provista ta’ prodott frisk u ta’ kwalita’, sistema ta’ iġjene, li l-iskop kollu ta’ dawn huwa biex il-konsumatur igawdi minn dawn il-benefiċċji kollha, temm jgħid Dr. Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958