IL-KUMMISSJONI NAZZJONALI TAL-FAMILJA FAVUR L-EMENDI DWAR IL-KONSUM TA’ L-ALKOĦOL MILL-MINURI
Il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja tinnota bi pjaċir l-emendi li tressqu dan l-aħħar fil-Parlament Malti mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Dolores Cristina, rigward il-bejgħ ta’ l-alkoħol lit-tfal u l-adoloxxenti ta’ taħt is-16-il sena.
Filwaqt li kull konsum ta’ alkoħol minn min hu taħt l-età huwa preokkupanti, ir-rata llum f’Malta laħqet livelli ta’ tħassib. M’hemmx dubju li dan il-konsum iwassal għal pjagi fil-familja li jħallu effetti fit-tul: dawk li jinħakmu bil-vizzju tax-xorb meta jkunu żgħar jaffettwaw b’mod ħażin mhux biss żogħżithom u l-familji li jitrabbew fihom, imma wkoll ir-relazzjonijiet u l-familji li eventwalment jidħlu għalihom meta jikbru. Huwa stmat li fl-2003 biss, il-kriminalità marbuta ma’ l-alkoħol swiet lill-pajjiżi fl-Ewropa 33 biljun Ewro, filwaqt li l-ħsara minn sewqan taħt l-influwenza ta’ l-alkoħol swiet ma’ l-10 biljun Ewro.
Ir-riċerka kollha li saret f’Malta fuq dan is-suġġett turi kemm hija reali u kbira l-problema. Il-Kummissjoni temmen li l-età legali għandha eventwalment titla’ sa 18-il sena, anke għax ir-riċerka fl-Ewropa turi li l-leġislazzjoni hija arma effikaċi biex trażżan l-abbuż ta’ l-alkoħol. Il-Kummissjoni għalhekk taqbel mal-proposta li qed issir fl-abbozz ta’ liġi li ma jkunx permess ix-xorb alkoħoliku taħt is-16-il sena, bħala l-ewwel pass konkret fid-direzzjoni biex l-abbuż mill-bejgħ ta’ l-alkoħol jiġi mrażżan.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ biex dawn l-emendi jiġu approvati b’mod unanimu mill-aktar fis u meta jidħlu fis-seħħ jiġu nfurzati b’mod effettiv għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin kollha, anke permezz ta’ applikazzjoni iktar estensiva u rigoruża tat-test tan-nifs għal traċċi ta’ l-alkoħol.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tħeġġeġ biex issir enfasi dejjem ikbar fuq il-prevenzjoni ta’ dan l-abbuż, l-ewwel u qabel kollox bl-edukazzjoni fil-familji biex it-tfal ma jiġux esposti għax-xorb fid-dar, kif ukoll fl-iskejjel biex it-tfal u ż-żgħażagħ japprezzaw dejjem iktar is-sabiħ ta’ ħajja mingħajr alkoħol.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958