ŻIEDA TA’ 52,000 FELLUS FUQ L-IRZIEZET TAT-TJUR TAS-SIMNA
“Il-Gvern qed jagħti aktar liċenzji biex jiżdiedu n-numru ta’ flieles fuq l-irziezet tat-tjur tas-simna. Dan qed isir għax il-produtturi qed jagħmlu t-talba biex ikabbru għax qed jaraw li dan is-settur jista’ jkompli jikber u jkollu futur”.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, meta dalgħodu kien qed iżur impjant ta’ l-ipproċessar tat-tiġieġ “Valle del Miele” f’Burmarrad, bħala parti mill-attivitajiet li jfakkru l-Jum Dinji ta’ l-Ikel.
Skond l-iskema, s’issa diġà ngħataw liċenzji biex jiżdiedu 52,000 fellus fuq l-irziezet tat-tiġieġ tas-simna. Dan juri li l-produtturi tagħna qed jaraw li hemm potenzjal u li dan is-settur qed jerġa’ lura fuq saqajh għax il-konsumatur Malti jrid prodott frisk lokali. Diġà hemm 8 produtturi li fil-ġranet li ġejjin, is-servizz veterinarju responsabbli mit-tjur tas-simna, ser jaġħmel l-ispezzjonijiet fir-razzett tagħhom u jekk dawn jinstabu li huma konformi ma’ l-Avviż Legali 119/2005, ser jingħataw il-liċenzja li jżidu n-numru ta’ tiġieġ tas-simna fir-razzett tagħhom. Dawn it-talbiet għandhom potenzjal ta’ 90,000 fellus oħra li jkunu jistgħu jitrabbew fl-irziezet. Irrid insemmi wkoll li hemm 30 produttur li ssottomettew it-talba li huma wkoll ikabbru t-tiġieġ tas-simna fl-irziezet tagħhom.
Dr Agius enfasizza li jkun qed jinganna min lill-konsumatur ibiegħlu prodott impurtat minn barra, filwaqt li jgħidlu li dak hu prodott lokali. Min jagħmel hekk ikun qed jikser il-liġi. Dr Agius qal li kull min ikollu xi informazzjoni ta’ dan it-tip ta’ frodi, għandu jgħaddija immedjatament lid-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji, sabiex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Dr Francis Agius fakkar kif il-Gvern kien digà nieda skema ta’ għajnuna għall-produtturi u l-proċessuri li joperaw f’dan is-settur. L-allokazzjoni ta’ fondi f’din l-iskema tlaħħaq it-tlett kwarti ta’ miljun lira (Lm750,000).
Dr. Agius kompla jgħid kif din l-iskema ta’ għajnuna tinkorpora fiha l-flus allokati bħala ħlas ta’ sussidju lill-produtturi u lill-proċessuri għal din is-sena u l-allokazzjoni ta’ fondi għar-ristrutturar tas-settur għal din is-sena. Barra minn hekk, din l-iskema tinkludi wkoll fiha l-allokazzjoni ta’ fondi għar-ristrutturar li kien hemm għas-snin 2004 u 2005 u li ma baqgħu ma tħallsux, minħabba li ma kienux intlaħqu l-kriterji meħtieġa. Din l-iskema qed tilħaq l-għanijiet ewlenin li għalihom ġiet introdotta.
Dr Agius qal li impjant modernizzat bħal dan għandu wkoll iservi ta’ garanzija għall-konsumatur Malti li jista’ jixtri tiġieġ proċessati lokalment, għaliex dan jilħaq l-ogħla standards Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li l-industrija tat-tjur għaddejja minn fażi ta’ ristrutturar u titjib fil-kwalità ta’ iġjene, biex dawk l-istabbilimenti li jipproċessaw tiġieġ tas-simna u li għandhom il-potenzjal li jilħqu l-istandards approvati mill-awtoritajiet kompetetenti, jiġifieri dawk tas-Saħħa u dawk tas-Servizzi Veterinarji, ikomplu jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex dawn jiksbu il-liċenzja ta’ approvazzjoni. B'hekk dan is-settur ikun jista’ jikkompeti u joffri prodotti friski u ta' l-aħjar kwalità lill-konsumatur.
Il-Gvern bejn Lulju 2002 u Settembru ta’ din is-sena ta għajnuna finanzjarja taħt l-iskema ta’ l-SMPPMA lis-settur tat-tiġieġ tas-simna li jlaħħaq Lm1,255,830. Ma nistgħux ma nsemmux, qal Dr Agius, li l-biċċeriji tat-tiġieġ ingħataw għajnuna finanzjarja ta’ Lm 327, 176.
Dr Agius temm jgħid li llum, il-konsumatur għandu l-aħjar biċċeriji tat-tiġieġ u allura għandu l-aħjar prodott frisk li jgħin ħafna fid-dieta mediterranja tagħna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958