Left arrow Go Back

INAWGURATA ESTENSJONI TA’ L-ISKOLA SEKONDARJA OGĦLA GIOVANNI CURMI FIN-NAXXAR

PR1379
Date Icon 11/10/2006

Għalkemm kien biss f’Ottubru 2005 li bdew ix-xogħlijiet fuq l-estensjoni ta’ l-iSkola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, fi żmien tnax-il xahar, il-blokk il-ġdid tlesta u din is-sena akkademika ser jibda jintuża mil-lecturers u l-istudenti.  Dan it-tkabbir se jkun jista’ jakkomoda 600 student fl-ispazju għat-tagħlim u fil-fatt din is-sena setgħu jidħlu mal-200 student aktar milli daħlu s-sena li għaddiet.  Din l-iskola żiedet in-numru ta’ studenti tagħha b’700 fl-aħħar sitt snin.   

Il-Prim Ministru Dr. Lawrence Gonzi, li nawgura l-bini l-ġdid qal li dan juri l-impenn tal-Gvern biex ikompli jkattar l-opportunitajiet għat-tagħlim u t-taħriġ f’livelli ogħla għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.  Hu qal li l-Gvern għandu rekord eċċezzjonali fit-tkabbir tal-livell post-sekondarju u terzjarju.  Bil-ħidma u l-pjanijiet li għandu pajjiżna se jkun jista’ jilħaq il-livelli ta’ parteċipazzjoni li hemm fil-pajjiżi Ewropej ta’ żgħażagħ u adulti f’edukazzjoni u taħriġ avvanzat u għoli. 

Fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi nbena blokk ġdid b’4 sulari li jipprovdi 3,500 metru kwadru ta’ spazju għat-tagħlim.  Il-blokk il-ġdid se jinkludi 16-il klassi, 6 laboratorji, 2 kmamar multi-purpose, 3 uffiċċji, Lending Library u librerija mdaqqsa (450 metru kwadru) li se tkopri kważi sular sħiħ.  Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ dan il-blokk beda f’Ottubru 2005 u tlesta fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.  Matul is-sajf ix-xogħol fuq is-servizzi elettriċi u mekkaniċi u x-xogħol ta’ finitura mexa b’ritmu mgħaġġel biex il-blokk tlesta għal din is-sena akkademika.  Diġa’ beda x-xogħol fuq il-faċilitajiet sportivi li wkoll huma mistennija jkunu lesti din is-sena. Fis-sajf tas-sena d-dieħla, il-faċilitajiet sportivi se jkomplu jitjiebu, inkluż bl-installar ta’ ground bit-turf artifiċjali.   

Il-blokk il-ġdid inbena b’mod li jkunu jistgħu isiru estensjonijiet bl-anqas problemi possibbli.  Il-bini hu kompletament aċċessibli għal persuni b’diżabilità u jikkonforma ma’ l-għola standards ta’ edukazzjoni moderna.  L-investiment fil-Giovanni Curmi Higher Secondary ilaħħaq is-Lm 600,000 u jinkludi il-bini, is-servizzi mekkaniċi u elettriċi, il-finitura, l-aperturi interni u esterni, l-għamara kollha, wireless network tal-kompjuter u 120 komputer, projector f’kull lecture room, sistema ta’ sigurtà, sistema ta’ allarm u tifi tan-nar, sistema ta’ telefon, forn tal-fuħħar u dak kollu li jkollha bżonn skola moderna.   

Il-Prim Ministru fakkar kif fil-qasam post-sekondarju kien hawn splużjoni fl-ammont ta’ studenti li qed ikomplu jitħarrġu.  Dan hu riżultat tal-ħidma ta’ l-għalliema u l-istudenti stess, imma wkoll ta’ l-investiment u l-viżjoni ta’ dan il-Gvern li bis-suċċess li kiseb qed jaffaċċja sfidi ġodda kif juri r-Rapport Chalmers.   

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li qed jiġi rreġistrat tnaqqis fl-ammont ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel it-18-il sena u żgur li l-investiment li wettaq il-Gvern fil-Giovanni Curmi, u allura ż-żieda ta’ 200 student, se tkompli żżid il-perċentwal ta’ dawk li jkomplu jitħarrġu wara li jispiċċaw il-livell sekondarju.  “Fis-sena 2000 madwar 54% (54.2%) ta’ l-istudenti ma kienux ikomplu jistudjaw wara 18-il sena, filwaqt li fl-2005 dan naqas b’10 punti perċentwali għal 44.5%.  Fis-sena 1999 kien hemm 43% ta’ l-istudenti ta’ 17-il sena qed jkomplu bl-istudju tagħhom, waqt li fis-sena 2005 dawn telgħu b’26 punti perċentwali għal 69%.  Dan ifisser li kważi 7 minn kull 10 żgħażagħ ta’ l-età ta’ 17-il sena llum qegħdin ikomplu bl-istudju u t-taħriġ tagħhom wara li jkunu temmew l-edukazzjoni obligatorja.  Dan hu indikatur tajjeb li ż-żgħażagħ qed jgħarfu l-ħtieġa ta’ tħejjija edukattiva b’saħħitha għad-dinja tax-xogħol  illum,” qal Lawrence Gonzi.   

Il-Prim Ministru qal li l-ftuħ u t-tkabbir ta’ l-MCAST ġab rivoluzzjoni fil-qasam post-sekondarju u vokazzjonali u kompla joffri aktar opportunitajiet f’livelli differenti.  Permezz ta’ dan l-iżvilupp u l-iżvilupp li seħħ f’oqsma oħrajn, filwaqt li fis-sena 1994 ftit anqas minn 11,000 (10,648) student kienu qed jipparteċipaw f’korsijiet full u part time fil-livell ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla, dawn telgħu għal aktar minn 19,000 (19,057) fl-2004.  Fl-MCAST din is-sena kien hemm aktar minn 6,000 (6,175) student fuq bażi full u part time.” 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea faħħar il-ħidma tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li fi żmien qasir ħafna, irnexxiela tkabbar, b’mod sostanzjali, l-iSkola Sekondarja Giovanni Curmi.  Louis Galea qal li wieħed irid japprezza li din il-ħidma saret bla tfixkil għall-edukazzjoni ta’ l-istudenti li baqgħu jattendu l-lezzjonijiet b’mod mill-aktar normali u dan hu wkoll riżultat tal-kollaborazzjoni tajba li kien hemm ma’ l-iskola u l-istaff.  Il-Ministru qal li kull darba li l-Gvern jinawgura proġett imwettaq mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) jirrikonferma kemm kienet idea tajba u meħtieġa din l-istruttura.  Hu qal li għalkemm kien hawn min kien xettiku dwar l-FTS, illum kulħadd jaqbel li din qed twettaq proġetti ta’ l-għola kwalità, fi żmien rekord u b’valur għoli għall-flus minfuqa. 

Il-Ministru Galea temm id-diskors tiegħu b’ringrazzjament lill-kap ta’ l-iskola s-Sur Horace Caruana li mhux talli qed imexxi l-iskola bi professjonalità u dedikazzjoni kbira, iżda li anke f’dan il-proġett kien strumentali minħabba l-kollaborazzjoni li kellu mal-FTS biex dan il-proġett seta’ jseħħ fi żmien daqshekk qasir.  Hu awgura lill-amministrazzjoni ta’ l-iskola, lill-għalliema u lill-istudenti li jattendu din l-iskola li permezz ta’ dawn il-faċilitajiet l-ġodda, ikunu jistgħu jkomplu jitħarrġu u javvanzaw fl-edukazzjoni tagħhom u dan dejjem biex ilkoll jilħqu l-milja tagħhom u jagħmlu suċċess. 

F’din l-okkażjoni tkellmu wkoll żewġ studenti Maria Daniela Formosa u Matthew Vella, id-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr. Cecilia Borg u ċ-Chairman ta’ l-FTS is-Sur Ray Fenech.  Il-blokk il-ġdid ġie wkoll imsebbaħ b’żewġ biċċiet ta’ l-arti, waħda taċ-ċeramista Gabriel Caruana li tpoġġiet ma’ l-entrata tal-blokk il-ġdid u sfera tad-deheb taċ-ċeramista Paul Vella Chretien fir-reception ta’ l-istess blokk. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow