FTUĦ TA’ ĊENTRU TA’ MATUL IL-JUM F’ĦAL SAFI
L-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità nawgurat Ċentru ta’ Matul il-Jum ġdid f’Ħal Safi. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll l-Onor Louis Deguara Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità, is-Sindku tal-lokalità ta’ Ħal Safi, is-Sur Pietru Pawl Busuttil, kunsilliera kif ukoll numru sabiħ ta’ anzjani.
Dan iċ-Ċentru huwa s-sittax-il wieħed tax-xorta tiegħu, u nfetaħ b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità.
F’kelmtejn li għamlet l-Onor. Helen D’Amato qalet li l-mira ewlenija tal-Gvern kienet, għadha u tibqa’ dejjem li safejn u sakemm hu possibbli l-anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom, fl-ambjent li huma mdorrija fih. Kien għalhekk li l-Gvern introduċa diversi servizzi fosthom it-twaqqif ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum. Dawn iċ-Centri flimkien mas-servizzi l-oħra jipprovdu spalla lill-anzjani u fl-istess waqt itaffu l-piż minn fuq il-familja tagħhom.
L-Onor. D’Amato spjegat kif iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum evolvew tul iż-żmien minn ċentri purament soċjali għal ċentri fejn l-anzjani jiġu mogħtija diversi servizzi, fosthom ta’ podoloġija, occupational therapy u fiżioterapija. F’dawn iċ-ċentri jiġu organizzati wkoll attivitajiet edukattivi, rekreattivi u spiritwali fuq bażi regolari skond iż-żmien tas-sena u t-tradizzjonijiet Maltin. F’dawn iċ-ċentri l-anzjani jiġu mħeġġa li jaqsmu l-ħiliet tagħhom ma’ anzjani oħra. Hija ħegget lill-ħaddiema u l-istess anzjani biex “jagħmlu l-ħila tagħhom sabiex dan iċ-Ċentru jkun wieħed dinamiku u sabiex jagħrfu jagħmlu użu tajjeb mill-ħin u l-kapaċitajiet ta’ kulħadd”.
Minn naħa tiegħu l-Ministru Louis Deguara faħħar il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali, u qal li proġetti bħal dawn ikomplu jsaħħu l-politika tal-gvern biex sakemm hu possibbli l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità, kif ukoll fit-twessiegħ ta’ dan il-kunċett, peress li dawn iċ-ċentri jgħinu mhux biss biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità iżda sabiex l-anzjani jibqgħu attivi. L-Onor Deguara qal li anzjan attiv huwa riżorsa għall-komunità li jgħix fiha.
Huwa qal li bħal f’kull lokalità oħra, l-anzjani f’Ħal Safi qegħdin jiżdiedu. Dan iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għandu jgħin biex l-anzjani ta’ Ħal Safi jkollhom fejn iqattgħu ftit ħin f’ambjent pjaċevoli fil-kumpanija ta’ anzjani oħra. Il-Ministru ħeġġeg lill-anzjani biex jiffrekwentaw dan iċ-ċentru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958