Left arrow Mur Lura

RESTAWR TA’ “TLETT KNEJJES” F’ĦAL BALZAN: KULLANA TA’ XOGĦLIJIET TA’ RESTAWR MADWAR IL-GŻIRA KOLLHA

PR1375
Date Icon 10/10/2006

Matul is-sena 2006, is-sezzjoni tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura wettqet ħidma ntensiva fuq bosta xogħlijiet ta’ restawr f’diversi bliet u rħula Maltin.  Fost dawn ix-xogħlijiet, it-taqsima tar-Restawr waslet biex tlesti r-restawr minn barra tal-binja storika tat-tlett Kappelli magħrufin bħala t-tlett Knejjes fiċ-ċentru ta’ Ħal Balzan.  Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur l-aħħar fażi tar-restawr. 

Dawn il-Kappelli li huma ddedikati lil Sidtna Marija Annunzjata, lil Santu Rokku u lil San Anard, kollha nbnew fis-seklu sittax. Filwaqt li l-ewwel tnejn żammew il-forma oriġinali tagħhom tul is-sekli, il-faċċata tal-kappella dedikata lil San Anard ġiet imdawra bil-bini tal-viċinanzi. 

Waqt li kien qed jispjega x-xogħlijiet li qed isiru fuq din il-binja storika, l-Ministu Zammit qal li l-akbar ħsara li sofrew dawn il-kappelli kienet ikkawzata minn intervent ta' restawr li sar xi snin ilu, meta l-ewwel żewġ metri tal-faċċati ngħataw kisja ħoxna ta' siment wara li tbaqqnet il-ġebla.  

Dawn l-interventi, apparti li għamlu ħsara lill-ġebel fejn kienu applikati, ikkaġunaw ħsara lill-binja b’mod ġenerali peress li bl-umdita` ġew deterjorati diversi partijiet tal-binja u għaldaqstant kellhom isiru l-interventi neċessarji.  Ix-xogħlijiet ikopru t-tindif tal-ġebel minn materjal u depożitu artifiċjali, tiswija tal-ġebel fejn hu neċessarju u t-tikħil tal-fili b’materjal li jixbaħ il-kulur tal-ġebla u li jiflaħ għall-elementi. 

Il-Ministru Ninu Zammit kompla jgħid li fattur importanti f’xogħlijiet ta’ restawr fuq knejjes, kappelli u binjiet storiċi simili, huwa l-manutenzjoni u t-tiswija tas-soqfa jew tad-deffun.  Għaldaqstant is-saqaf ġie spezzjonat ħalli jiġi eliminat kull dħul ta’ ilma tax-xita, fattur li jagħmel ħsara lill-istruttura minn ġewwa. 

Kif sar fl-aħħar snin, ir-riżorsi umani fi ħdan it-Taqsima tar-Restawr qed iwettqu ħidma ntensiva fuq diversi binjiet storiċi mferrxin mal-gżira kollha.  Fost dawn il-Ministru rrefera għal xogħlijiet li wasslu biex jiġu konklużi bħal Knisja ta’ San Girgor fiż-Zejtun, l-Knisja ta’ Sarria fil-Floriana, u l-Kappella ta’ San Pawl tal-Qlejja fil-Mosta.  Barra minhekk inbdew xogħlijiet fuq il-Kappella ta’ San Mikiel u San Bażilju fl-Imqabba, fil-Knisja l-Qadima tas-Siggiewi, restawr fil-faċċata tal-Biblijoteka Nazzjonali, il-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara u xogħlijiet fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.   

Il-Ministru fakkar li dawn ix-xogħlijiet huma parti minn kullana ta’ xogħlijiet li twettqu matul is-sena preżenti fosthom restawr li sar fuq il-Kappella ta’ San Bert fiż-Zurrieq, il-Kappella ta’ Ceppuna fil-Marsa u diversi xogħlijiet oħra inkluż restawr ta’ statwi pożizzjonati f’ċentri ta’ rħula f’Malta.

Il-Ministru Zammit temm jgħid li x-xogħlijiet fuq dawn it-tlett Kappelli qed isiru bi sħab mal-parroċċa ta’ Ħal Balzan, li ffinanzjat ix-xiri tal-materjal u l-Works Division li ffinanzja x-xogħol fattura li jammonta għal madwar Lm5,000. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow