9.5 MILJUN GALLUN ĦALIB FRISK FIS-SENA
“95% tal-poplu Malti għandu fiduċja fil-prodott frisk lokali. Dan juri li l-kampanja “agħżel il-frisk, agħżel lokali” li għamel il-Gvern is-sena l-oħra, ħalliet il-frott mixtieq”. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli għall- Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, meta dalgħodu kien qed iżur razzett tal-baqar tal-ħalib tal-familja Azzopardi fir-Rabat.
Dr Agius qal li dan is-settur ibbenefika minn għajnuna mill-gvern Malti kif ukoll dik ta’ l-Unjoni Ewropea biex jittejjeb il-prodott, ħalli finalment igawdi l-konsumatur. Ir-ristrutturar li qed isir fl-irziezet tagħna qed iservi biex intejbu l-mod ta’ kif jitrabbew l-annimali, li jinżamm l-aħjar iġjene fuq ir-razzett kif ukoll il-mod ta’ kif jiġi proċessat il-ħalib.
Il-Gvern sentejn ilu waqqaf l-Interherd milk project, li parti minnu hu finanzjat mill-Unjoni Ewropea. L-għan tiegħu hu li jkun hemm taħrig għar-raħħala kollha flimkien mal-Kooperattiva tal-Ħalib, li jgħin fil-management tar-razzett, jinżammu records tal-merħla u tal-ħalib. Dan qed issir billi hemm numru ta’ esperti li jduru l-irziezet biex jgħinu lir-raħħala jkomplu jtejjbu l-kwalita’ tal-ħalib li diġa’ teżisti. Dan it-taħrig jikkonsisti ukoll fil-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali u l-iġjene tar-razzett.
L-għajnuna finanzjarja li ta l-gvern Malti lis-settur tal-ħalib taħt l-iskema ta’ l-SMPPMA mill-1 ta’ Mejju 2004 sas-6 ta’ Ottubru 2006 tammonta għal iktar minn Lm1,365,000.
Dr Agius spjega kif fil-gzejjer tagħna għandna mija u erbgħin raħħal li jipproducu l-ħalib, li erbgħin minnhom jinsabu Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Agius spjega kif f’Malta r-raħħala tagħna jipproduċu 9.5 miljun gallun ta’ ħalib frisk fis-sena għal konsum lokali. Hu kompla jgħid li 70% tal-ħalib li nipproduċu jiġi mibjugħ lill-konsumatur fil-kartun, 16% jiġi prodott f’rikotta, 8% jiġi prodott fi Ġbejniet u Mozzarella u 6% f’Yogurt.
Dr Agius fakkar kif dan l-aħħar il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-agrikoltura ta’ l-Unjoni Ewropea kkonsidra l-iskema tal-ħalib għat-tfal ta’ l-iskola, fejn proposta Daniża ssuġġeriet illi l-ħlasijiet tas-sussidju fuq din l-iskema ma jibqgħux jinħadmu fuq il-kontenut tax-xaħam fil-ħalib, iżda fuq kriterji li huma iktar marbutin mas-saħħa u l-interessi ta’ valuri ta’ nutrizzjoni moderni.
Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li Malta appoġġjat immedjatament l-pożizzjoni li ppreżenta l-Gvern Daniż peress li din qiegħda tuża bħala bażi l-aħjar interessi tas-saħħa tat-tfal. L-iskema ta’ sussidju Ewropew għall-ħalib li jitqassam lit-tfal ta’ l-iskola kollha, kemm tal-gvern, kif ukoll dawk li ma humiex, hija mistennija tibda titħaddem f’pajjiżna sa mill-bidu tas-sena skolastika li ġejja, temm jgħid Dr Agius.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958