DISKORS MILL-ONOR. LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MIR-RICHMOND FOUNDATION: “BUILDING AWARENESS – REDUCING RISK: SUICIDE AND SUICIDE PREVENTION” FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI GĦAS-SAĦĦA MENTALI 2006
Sinjuri,
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa waqfet il-ġurnata dwar is-saħħa mentali għal żewġ raġunijiet. L-ewwel għan kien biex tqajjem kuxjenza fil-pajjiżi kollha sabiex is-saħħa mentali tingħata l-importanza meħtieġa fil-politika nazzjonali tal-pajjiż. F’Malta nistgħu ngħidu li għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, il-gvern ħadem fuq numru ta’ binarji. L-ewwel ta impetus kbir biex is-servizzi tas-saħħa mentali jagħmlu qabża fil-kwalità. It-tieni kabbar il-firxa ta’ servizzi sabiex jippromwovi s-saħħa mentali u t-tielet, ta servizzi aktar personalizzati u multidixxiplinarji lill-klijenti tagħna.
Ħadem ukoll biex jegħleb l-istigma u d-diskriminazzjoni fis-soċjetà lejn il-pazjenti li jbagħtu bil-mard mentali. Sfortunatament f’pajjizna, bħal f’kull pajjiż ieħor, din l-istigma għadha evidenti minkejja d-diversi sforzi u inizjattivi li l-gvern ħa sabiex tixxejjen. Din il-problema tinħtieġ bħala soluzzjoni bidla kulturali fis-soċjetà tagħna sabiex ngħelbu l-preġudizzji li għad hawn fuq il-mard mentali u dawk kollha li jbatu minnu.
Hemm ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni u informazzjoni għall-pubbliku dwar is-saħħa mentali. Poplu edukat hu l-bażi fundamentali sabiex tispiċċa l-istigma u diskriminazzjoni lejn persuni b’mard mentali. Il-gvern hu kommess sabiex jagħti aktar għajnuna għall-kampanji edukattivi dwar is-saħħa mentali. Il-gvern hu ukoll kommess li jgħaddi liġi ġdida dwar is-saħħa mentali sabiex id-dinjità u d-drittijiet umani tal-persuni b’mard mentali jiġu mħarsa waqt li jassigura li s-servizzi kemm pubbliċi kif ukoll dawk mgħotija mis-settur privat ikunu ta’ l-aqwa kwalità u jindirizzaw l-ħtiġijiet kollha ta’ dawn l-klijenti u l-familji tagħhom. Il-liġi se tesiġi li kull professjoni fil-qasam tas-saħħa, u mhux dik medika biss, se jkollha l-obbligu li tipparteċipa b’mod attiv u ugwali fil-kura ta’ dawn il-persuni sabiex il-kura tkun ħolistika u personalizzata.
Bħal ma jsir kull sena, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tagħżel tema għal ġurnata dwar is-saħħa mentali. It-tema ta’ din is-sena hija: “Building Awareness – Reducing Risk: Mental Illness and Suicide”.
Is-suwiċidju huwa t-tielet l-aktar kawża ta’ mewt fl-etajiet ta’ bejn il-15 u 44 sena. Fl-Ewropa ir-rata ta’ suwiċidju tvarja minn 44 kull 100,000 persuna fil-Litwanja għal 3.6 kull 100,000 persuna fil-Greċja. F’Malta l-problema tas-suwiċidju turi li r-rata medja tagħna għal dawn l-aħħar 10 snin kienet ta’ 4.8 kull 100,000 persuna. L-istatistika turi ukoll li t-trend hi waħda stabbli. Imma statistika ta’ para suwiċidji, jiġifieri attentati ta’ suwiċidji li ma jseħħux, ma tinżammx, u għalhekk hu diffiċli li wieħed ikun ċert mill-kobor reali tal-problema. Ir-riċerka turi li f’diversi pajjiżi Ewropej, għal kull suwiċidju jkun hemm medja ta’ 15 l-attentat li ma jseħħux.
Ir-rata baxxa ta’ suwiċidji f’Malta hi konsonanti mar-rati baxxi li nsibu fil-Mediterran u tispika aktar id-differenza mar-rati għolja li naraw fl-Ewropa ta’ Fuq, tal Lvant u l-pajjiżi Baltici. Ir-raġuni prinċipali tar-rati baxxi fil-Mediterran hija dovuta primarjament għall-kultura u l-ħajja soċjali prevalenti f’dawn il-pajjiżi. Ir-riċerka turi li wieħed mill-fatturi li jipproteġu kontra s-suwiċidju huwa kemm ix-xibka soċjali hija effettiva u ta’ support għall-individwu meta jsib ruhu f’ċirkostanzi diffiċli. F’Malta xxurtjati li sal-lum għad għandna rabtiet b’saħħitom u fuq bażi sod bejn il-familja, ġirien u ħbieb Din hija ħaġa pożittiva u ta’ ġid kbir għal kull min hu fil-bżonn, tiddistingwina bħala Maltin u anke għalhekk biss, għandna l-obbligu li nistinkaw biex inġedduha.
Imma fis-soċjetà moderna f’hekk imsejħa mis-soċjoloġi bħala l-era tal-post moderniżmu, l-indivizzwaliżmu u r-relattiviżmu qegħdin jikbru u jispikkaw tant li it-tessut soċjali li aħna mdorrijin fih qiegħed bil-mod il-mod jixxejjen. Għalhekk hu dover tal-gvern li fit-tfassil tal-politika soċjali tiegħu jwieżen u jiffaċilità dawn is-social networks sabiex mhux biss ma nagħtux lok għal rati għolja ta’ suwiċidju imma ukoll nikkontrollaw u nnaqsu problemi soċjali oħra marbuta biex ma tkissirx ta’ din in-nisġa soċjali. Din il-politika soċjali kienet dejjem ta’ prijorità għal gvern preżenti u dejjem rajna li nagħtu attenzjoni partikolari sabiex l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ma jkunx ta’ riskju jew ta’ ħsara għal poplu Malti.
Hu fatt magħruf li d-dipressjoni u l-abbuż mill-alkoħol u drogi hija l-aktar problema soċjali u mentali assoċjata mas-suwiċidju. Tant hu hekk li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tistma li 50% fil-mija ta’ dawk li jikkommettu suwiċidju jkunu jsofru minn abbuż ta’ droga jew alkoħol u li 90% ta dawn il-pazjenti fl-istess perjodu jkunu għaddejjin minn perjodu ta’ dipressjoni.
Mid-diversi riċerki li saru kemm fl-Ewropa u anke fl-Amerika d-dipressjoni hija l-aktar fattur komuni li twassal mhux biss għas-suwiċidju imma li ukoll ixekkel l-iżvilupp u l-potenzjalità ta’ l-individwu biex jipparteċipa bl-aktar mod effettiv f’kull ambjent tas-soċjetà. Ir-rata ta’ dipressjoni qegħda tikber l-aktar fl-adoloxxenti. Biex nikkumbattu dan il-fatt, il-gvern hu kommess li jniedi servizzi ġodda ta’ prevenzjoni u kura għad-dipressjoni mmirati aktar lejn l-adoloxxenti. Qegħdin naħdmu ma Ministeri u Aġenziji governattivi kif ukoll għaqdiet non-governattivi bħar-Richmond Foundation u l-Mental Health Association biex infasslu programmi effettivi kontra dipressjoni fl-etajiet ta’ bejn id-9 u 15-il sena.
Nagħlaq billi nħeġġiġkom li fid-diskussjonijiet tagħkom f’dan is-seminar tanaliżżaw u toħorġu b’rakkomandazzjonijiet ta’ kif is-soċjetà u mhux il-gvern waħdu, jistgħu jsaħħu u jtejbu dak kollu tajjeb u pożittiv biex nipproteġu nies suxxettibbli għad-dipressjoni u suwiċidju.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958