Left arrow Go Back

DISKORS TA’ L-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI, WAQT IL-PRESS LAUNCH TAL-EUROPEAN BUSINESS TEST PANEL FUQ “BETTER REGULATION” (REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR)

PR1371
Date Icon 10/10/2006

Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-Forum Malta fl-Ewropa u lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attivita’ li qiegħda timmarka l-introduzzjoni tal-European Business Test Panel f’pajjiżna. Din hija għodda oħra li bla dubju sejra tkun ta’ benefiċċju fl-ambizzjoni tagħna li jkollna regolamentazzjoni u leġiżlazzjoni aktar effettiva u ta’ inqas piż fuq in-negozju.

 Regolamentazzjoni Aħjar (Better Regulation) hija element kruċjali ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona, u dan huwa rifless fost l-oħrajn fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma li Malta bdiet taħdem fuqu s-sena li għaddiet. Biex nilħqu l-miri ta’ l-istrateġija hemm bżonn li naraw li l-leġislazzjoni tkun immirata lejn il-kompetittivita’, bl-għan ewlieni jkun dak li l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea ssir aktar dinamika u kompetittiva. L-istrateġija ta’ Lisbona ssejjaħ għal tnaqqis fl-ispejjeż għan-negozju fl-Ewropa u għat-tneħħija ta’ burokrazija bla bżonn, kemm fuq livell Ewropew u kemm fl-istati membri infushom. Dan jista’ jintlaħaq biss billi r-regolamentazzjoni tkun waħda li tikkrea inċentiv għall-kummerċ, li tevita spejjeż żejda u li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni.

 Strateġija ta’ regolamentazzjoni aħjar m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala attakk fuq ir-regolamentazzjoni fiha nnifisha. Ħafna regolamenti huma vitali, per eżempju dawk li jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-konsumatur. Għaldaqstant, bil-ħsieb li jiffaċilita l-kummerċ, ir-rwol tal-Gvern biex jirregola aħjar huwa li jnaqqas l-ammont ta’ ħin u flus li organizzazzjonijiet jużaw biex ikunu konformi mal-liġi.

Meta nqisu l-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ, regolamentazzjoni aħjar m’għandhiex tfisser biss li tittejjeb il-kwalita’ ta’ kif isiru l-liġijiet. Filwaqt li dak l-għan jibqa’ rispettat, il-mira għandha tkun ferm aktar ambizzjuża, billi jkun hemm rabta diretta bejn il-kwalita’ tal-leġiżlazzjoni (kemm dik li toriġina lokalment kif ukoll dik li toħroġ mid-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea) u l-impatt li jista’ jkollha fuq in-negozju. F’dan is-sens, ir-rwol tas-settur pubbliku se jkun jinvolvi wkoll emfasi ħafna ikbar favur regolamentazzjoni aħjar.

 Ir-riforma regolatorja fl-Ewropa qieghda tkun ibbażata fuq prinċipji adottati internazzjonalment. Dawn jinkludu li ladarba jkun assigurat, permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha, li regolamenti ġodda huma neċessarji, ir-regoli u l-istandards għandhom ikunu implimentati b’mod ġust, fl-interess tal-konistenza. Ir-rimedji għandhom ikunu proporzjonali mar-riskju eżistenti. Biex jassiguraw trasparenza u sempliċita’, ir-regolaturi għandhom jiffaċilitaw is-sehem ta’ l-istakeholders u jżommu r-regolamentazzjoni sempliċi u ffukata.

 Aktar minn 90 fil-mija tal-kumpanniji Maltin jaqgħu taħt il-kategorija ta’ negozji żgħar u medji. Dawn jinkludu wkoll ħafna ‘self-employed’ u potenzjalment huma dawk li l-iktar jimbuttaw ’il quddiem l-innovazzjoni. Dan juri li n-negozji ż-żgħar huma parti vibranti mill-ekonomija Maltija.

Madankollu, dan ma jfissirx li n-negozji ż-żgħar jistgħu jaddattaw rwieħhom mingħajr diffikultajiet. Minħabba diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom, l-aktar minħabba nuqqas ta’ riżorsi (umani u ta’ xort’oħra), in-negozji ż-żgħar huma affettwati b’mod sproporzjonali bi ħtiġijiet regolatorji u piżijiet burokratiċi. Ir-regolamentazzjoni tista’ tnaqqas il-kapaċita’ tagħhom li jikbru u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kompetitittivita’ tagħhom. In-negozji Maltin, minħabba d-daqs relattivament żgħir tagħhom, għandhom spejjeż ta’ compliance ikbar minn dawk li l-kompetituri tagħhom għandhom fi swieq akbar minn tagħna.

 Meta wieħed iqis l-importanza tan-negozji ż-żgħar fl-ekonomija Maltija, kwalunkwe regolament li jikkawża problemi għal numru ta’ kumpanniji jkollu konsegwenzi fuq l-andament ekonomiku nazzjonali. Għandna għalhekk naraw kif innaqqsu dawn l-ispejjeż biex tiżdied il-flessibilita’ u l-kapaċita’ ta’ nvestiment f’riċerka u żvilupp.

 Il-Gvern huwa impenjat li jaħdem fuq regolamentazzjoni aħjar, kif jidher ċar f’diversi dokumenti li ħareg, fosthom l-NRP innisfu u fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit.

 Permezz ta’ l-istrateġija ta’ l-e-government, Malta diġa ħadet ħafna miżuri maħsuba li jnaqqsu l-piż regolatorju amministrattiv fuq in-negozji, billi għamlet ħafna mis-servizzi tal-Gvern disponibbli b’mod elettroniku. Malta qiegħda wkoll tadotta b’pass mgħaġġel il-kunċett ta’ “one-stop shops”, fi sforz ieħor biex tkun simplifikata l-compliance mal-liġi.

 Il-Gvern qiegħed jaħdem ukoll fuq Action Plan fuq is-Simplifikazzjoni, li tinkludi numru ta’ proposti dwar kif jistgħu jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji fuq in-negozjanti u ċ-cittadini. Dawn jinkludu simplifikazzjoni u reviżjoni ta’ liġijiet, u t-tneħħija ta’ liġijiet qodma li m’għadhomx relevanti. Il-proposti huma bbażati fuq eżerċizzju li evalwa regolamenti u tariffi eżistenti u li sar minn kull dipartiment tal-Gvern u entita’ pubblika.

 Fil-preżent, l-abbozzi ta’ avviżi legali u regolamenti huma akkumpanjati minn Legal Notice checklist li huwa Impact Assessment bażiku. Il-Gvern żviluppa din is-sistema biex tiddaħħal kultura fejn l-impatt finanzjarju u amministrattiv ta’ miżuri regolatorji fuq is-settur privat u dak pubbliku jkun analizzat mill-Ministeri meta tkun proposta leġiżlazzjoni ġdida.

 Il-Legal Notice checklist tkopri aspetti ġenerali, li jinkludu l-għanijiet u r-raġunijiet wara l-pubblikazzjoni; tistaqsi jekk l-istakeholders ġewx konsultati u jekk sarx Regulatory Impact Assessment, l-impatt fuq is-settur privat u fuq il-Gvern, u x’riżultati huma mistennija. Jittieħdu in konsiderazzjoni numru ta’ aspetti bħal dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

 Il-konsultazzjoni saret parti integrali mix-xogħol tas-settur pubbliku, u llum titqies parti mill-modus operandi tal-Gvern meta jintroduċi policies jew liġijiet ġodda. Ministeri, dipartimenti, u entitajiet oħra pubbliċi jaħdmu id f’id ma’ l-istakeholders u l-imsieħba soċjali waqt il-preparazzjoni ta’ liġijiet u policies, filwaqt li ssir konsultazzjoni estensiva fuq punti li joħorġu minn direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-European Business Test Panel se jkun ta’ għajnuna kbira f’dan ir-rigward.

 Bħala xhieda ta’ l-impenn tal-Gvern lejn regolamentazzjoni aħjar, f’Novembru tas-sena l-oħra l-Ministeru tiegħi organizza seminar internazzjonali fuq is-suġġett. Din l-attivita’, riżultat dirett tal-parteċipazzjoni attiva ta’ Malta f’eżerċizzju ta’ ‘peer review’, intlaqgħet tajjeb ħafna u l-kummenti li ġew reġistrati kienu inkoraġġanti.

 Il-prosperita’ ta’ pajjiżna fl-aħħar mill-aħħar tiddependi mis-suċċess tan-negozjanti u l-imprendituri Maltin. Għalhekk waħda mir-responsabbiltajiet ewlenin tal-Gvern hija li joħloq il-kundizzjonijiet sabiex l-intrapriża tkun tista’ tikber u sabiex is-settur pubbliku jaqdi r-rwol tiegħu bl-aktar mod effettiv. Regolamentazzjoni aħjar ser tgħin biex fit-tul tibbenefika minnha l-ekonomija Maltija, u ttejjeb l-mira tagħna li Malta ikun post attraenti biex isir negozju fih. Jiena nemmen li l-parteċipazzjoni tan-negozjanti Maltin f’inizjattiva bħall-European Business Test Panel tista’ tkun biss ta’ ġid għalihom fil-mixja tagħhom lejn kompetittivita’ akbar u aktar sostenibbli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow