Left arrow Go Back

TAGĦLIM TAL-MALTI LILL-ADULTI: PREŻENTAZZJONI TAS-SENSIELA TA’ KOTBA ‘SISIEN’

PR1365
Date Icon 09/10/2006

Id-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u l-Edukazzjoni ta’ l-adulti mexxa proġett ta’ Taħriġ Pedagoġiku għall-Edukaturi ta’ l-Adulti li kien ko-finanzjat mil-Fond Strutturali Ewropew ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-proġett beda f’Ottubru 2005 u kellu jintemm f’Mejju 2006 iżda ġie estiż għal sen’oħra wara s-suċċess li nkiseb.  

Il-Ministru Galea qal li proġetti bħal dawn huma eżempju mill-aqwa tad-direzzjoni li għandha tittieħed fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ta’ l-adulti.  Huwa qal li dan il-proġett għandu valur kbir għaliex magħmul minn diversi ingredjenti li lkoll ikkontribwew għas-suċċess tiegħu.  Permezz ta’ dan il-proġett tħarrġu 46 edukatur fil-tagħlim tal-litteriżmu bażiku lill-adulti f’żewġ seminars wieħed Malta u l-ieħor Għawdex: saru 22 kors tal-Malti bażiku li fihom ipparteċipaw 220 adult, inbniet koperazzjoni fit-tagħlim ta’ adulti bejn id-Dipartiment, Kunsilli Lokali u Kappillani, filwaqt li l-esperjenza li nkisbet matul dan il-proċess edukattiv sew dik ta’ l-edukaturi kif ukoll tal-parteċipanti adulti serviet biex tim espert  seta’ jsawwar sensiela ta’ tliet manwali u materjal ieħor ta’ tagħlim li llum qed nippreżentaw.  Din il-ġabra ta’ riżorsi  ser tintuża u ser tiġi evalwata fil-proċess tat-tagħlim ta’ matul din is-sena.  

Dan il-proġett jista’ jitqies suċċess ukoll għaliex fit-tiswir tal-manwali u l-materjal edukattiv  żviluppat sinerġija  fost  diversi entitajiet li llkoll taw sehemhom bis-sħiħ: fost dawn wieħed jista’ jsemmi s-Sezzjoni ta’ l-Adulti tad-Dipartiment ta’ L-Istudji Ogħla u l-Edukazzjoni ta’ l-adulti, It-Tqasima tal-Litteriżmu ta’ l-Universita’ u dik tal-Komunikazzjoni, ir-Radju ta’ l-Universita’, it-Taqsima tal-Ħiliet Bażiċi ta’ l-MCAST kif ukoll il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti.  

Din is-sensiela ta' kotba u materjal ieħor issawret biex tilqa' għall-bżonnijiet ta' dawk li jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim tal-Malti lill-adulti u ta' l-istudenti tagħhom. Fis-suq Malti jeżistu diġa' xi kotba bażiċi f'dan il-qasam, fosthom dawk tat-Taqsima tal-Litteriżmu, l-Istitut Paulo Freire u l-Fondazzjoni Ġuże' Ellul Mercer.  Dawn il-kotba kienu maħsuba għal studenti adulti li jkunu għadhom qed imiddu l-ewwel passi fil-mixja ta' tagħlim il-Malti.  Kien ilu jinħass il-bżonn ta' sensiela bħal din li ġiet ippreżentata illum, għax tibda mill-ewwel passi fil-mixja tat-tagħlim u twassal lill-istudenti għal ħakma tajba ta' l-ilsien.  Din is-sensiela fiha materjal li jitlaq mill-esperjenzi ta' kuljum ta' l-istudenti adulti, jistedinhom jaħsbu iżjed fil-fond dwar tiġribhom, jiddiskutuh, jaqraw esperjenzi ta' ħaddieħor u jiktbu fehmiethom u l-esperjenzi tagħhom.

Sisien hija sensiela mibnija fuq l-esperjenza diretta ta' snin ta' tagħlim tal-Malti lill-adulti. Is-sensiela tippreżenta qabel xejn kurrikulu effettiv għall-adulti, imsejjes fuq l-esperjenzi ta' kuljum tagħhom. Il-ħiliet fil-lingwa - it-taħdit, is-smigħ, il-qari u l-kitba – huma marbutin flimkien. Dan il-ktieb Ngħallmu Lsienna  għandu jservi ta' gwida għal min jgħallem dwar l-aspett ideoloġiku ta' din is-sensiela. Fih insibu l-metodoloġija, il-livelli ta' kompetenza, il-pjan ta' ħidma u xi pjanijiet ta' lezzjonijiet bħala eżempju. Inħaddmu Lsienna  jippreżenta t-temi u joffri materjal għad-diskussjoni filwaqt li jintroduċi wkoll elementi ta' qari, taħdit, smigħ u fehim. Nitħarrġu fi Lsienna jsaħħaħ il-ħila tal-qari u jistieden lill-istudent jikteb dwar kull tema b'mod iggwidat. Dawn iż-żewġ kotba joffru lill-għalliem ħafna ideat u firxa ta' materjal li jista' jintuża ma' l-adulti. Madanakollu l-ktieb m'għandux jieħu post l-għalliem. L-għalliem, wara li jkun sar jaf aħjar lill-istudenti u l-ħiliet tagħhom, għandu jagħraf kif l-aħjar jittratta t-temi u joħloq il-materjal adattat biex jistħarriġhom ma' l-istudenti adulti tiegħu skond il-ħtiġijiet tagħhom. 

Kull tema tista' tinħadem għal rasha u l-materjal ta' kull tema huwa ppreżentat b'mod gradat. L-enfasi f'Inħaddmu Lsienna hu fuq is-smigħ, it-taħdit, il-fehim u l-qari. Hawnhekk jingħata lok għal ħafna diskussjoni u prattika. Wara l-prattika, l-elementi lingwistiċi jiġu pprezentati kif imħaddma fil-ħajja ta' kuljum. Nistħarrġu fi Lsienna joffri opportunitajiet ta' iżjed qari mżewġa ma' taħriġ, kitba kreattiva u aktar riflessjoni u diskussjoni. Hemm rabta wkoll bejn it-temi nfushom. Kull tema tinbena fuq ta' qabilha. L-elementi lingwistiċi huma ppreżentati f'kuntest. Hemm ukoll opportunitaiiet sabiex xogħol li jkun diġa' nħadem jiġġedded u jiġi rrinfurzat. 

Il-Ministru qal li din hija waħda minn diversi inizjattivi li qed isiru u li hemm bżonn li jkomplu jsiru fl-isforz biex Malta anki f’dan il-qasam tilħaq il-miri ta’ Lisbona biex l-ekonomija tagħna tkun waħda msejjsa fuq it-tagħlim u l-għerf. L-edukazzjoni tul il-ħajja għal kulħadd hi waħda mill-elementi ewlenin biex dan l-iskop jintlaħaq.  Hu qal li fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ta’ l-adulti, bħalma ġara fis-settur post-sekondarju u terzjarju, kien hawn tkabbir sostanzjali f’dawn l-aħħar snin kemm f’korsijiet offruti mill-Gvern kif ukoll mill-Privat.  Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni kienet toffri korsijiet għal madwar 3,900 persuna, fl-2005 aktar minn 7,800 kienu qed jattendu.   

L-aħħar statistika maħruġa mill-NSO turi li fl-2004 kien hawn mal-15,437 persuna qed isegwu xi kors.  Il-Ministru Galea qal li l-istatistika u anke is-sentiment ġenerali juru li l-Maltin qed jifhmu l-bżonn tat-taħriġ tul il-ħajja u ħolqu domanda daqstant kbira li s-settur privat ukoll qed jikber b’mod sostanzjali.  Hu tenna li l-isfida għall-Gvern hi kif se jkompli jtejjeb il-kwalità tat-taħriġ li joffri filwaqt li jipprovdi taħriġ għal dawk kollha li jeħtieġuh jew iriduh.  Hu temm jgħid li l-Gvern irid jipprovdi edukazzjoni għal kulħadd u f’kull livell u partikolarment edukazzjoni bażika u l-litteriżmu.  “Hu f’dan l-isfond li l-għodod li żviluppajna bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea huma ta’ importanza kbira għal pajjiżna.  Biex l-investiment qawwi li qed jiġbed lejh pajjiżna jittraduċi ruħhu f’ġid għal kulħadd irridu nkomplu nipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ anke għall-adulti f’diversi livelli u partikolarment biex dawk li għandhom problemi bl-illitteriżmu jgħelbu din il-problema u jagħmlu l-ewwel pass f’mixja edukattiva tul il-ħajja.”  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow