JINGĦATA L-PREMJU ANZJAN TAS-SENA 2006
Is-serata ta’ premjazzjoni ta’ l-Anzjan tas-Sena 2006 saret is-Sibt 7 ta’ Ottubru fit-Teatru ta’ San Vincenz De Paul, taħt il-patroċinju ta’ l-E.T. il-President ta’ Malta, Dott. Edward Fenech Adami. Preżenti għal din is-serata kien hemm il-Prim Ministru l-Onor. Dott. Lawrence Gonzi, l-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’ u l-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’.
Dan il-premju jingħata lil dak l-anzjan jew anzjana, jew koppja, li jkunu taw servizz b’mod volontarju ma’ min ikun jenħtieg,
· li bil-karattru tagħhom kienu ta’ ispirazzjoni għal anzjani oħra,
· li jkunu responsabbli lejn u sedqu l-ambjent tal-anzjani,
· kif ukoll ikunu żviluppaw kemm il-kultura ġenerali, kif ukoll personali,
· jaħdmu biex ma jintilifx wirt missirijietna,
· jippromovu s-solidarjeta’ bejn il-ġenerazzjonijiet.
Jiġifieri li jgħixu ħajja li tikkontribwixxi għal ħajja aħjar tal-komunita’. Din is-sena kien hemm 24-il anzjan nominat għal dan il-premju: 13-il ragel, 9 nisa u koppja, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-63 sena u d-90 sena. Minn fost dawk nominati, il-Bord għazel lil Ġorg u Doris Gafa’.
Fir-rapport tagħha, c-Chairperson tal-Bord, s-Sinjura Cecilia Xuereb qalet li l-Bord ta’ l-għażla ra fil-koppja Gafa’ eżempju ta’ kif għandha tkun il-familja Maltija – eżempju ta’ għaqda u ħidma flimkien li għaniet mhux biss lill-familja tagħhom iżda lill-komunita’ ta’ madwarhom u lis-soċjeta’ in ġenerali.
“Ġorg u Doris huma koppja li kienu jafu jdawru esperjenza xejn sabiħa li laqtithom fl-ewwel żminijiet tal-ħajja miżżewwġa tagħhom f’hidma siewja mhux biss għall-familja tagħhom, iżda għall-komunita’ in ġenerali. Fi żmien meta s-servizzi ghall-persuni bi bżonnijiet speċjali kienu ftit jew, xejn huma ħadmu biex joħolqu strutturi l-ewwel fi sfera parrokkjali, iżda imbagħad ukoll f’qasam aktar wiesgħa. Flok ma kissritha, kif jista’ jiġri f’okkażjonijiet simili, l-esperjenza tagħhom saħħet l-għaqda fil-familja tagħhom u ħadmu u stinkaw, u għadhom jaħdmu u jistinkaw, dejjem flimkien.
Anqas ma llimitaw l-ħidma tagħhom għal dak il-qasam li kien jolqot lilhom personali biss, iżda ferrxuha f’oqsma oħra – fil-Kunsill Pastorali, fil-Ladies Circle u fil-Kunsill Lokali,” qalet is-Sinjura Xuereb.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Dr. Louis Deguara beda biex feraħ lir-rebbieħ/rebbieħa tal-premju Anzjan tas-Sena tal-ħidma li din il-persuna wettqet għall-ġid tas-soċjeta. Il-Ministru żied li l-jiem tas-sena kollha għandhom ikunu premjazzjoni kontinwa ta’ bosta anzjani li bil-ħidma u l-eżempju tagħhom jibqghu jagħtu kontribut lis-soċjetà. Hu xtaq isellem lil bosta anzjani oħra li matul ħajjithom wettqu u għadhom iwettqu ħidma li mhux dejjem toħroġ fil-beraħ u allura huwa diffiċli ferm li ħidmiethom tiġi rikonoxxuta pubblikament.
Huwa xtaq ifakkar li minn statistika li riċentement ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jirriżulta li 17,000 anzjani huma attivi f’għaqdiet non-governattivi impenjati f’ħidma ta’ volontarjat. Dan huwa persentaġġ għoli ħafna ta’ anzjani li jagħżlu li mhux biss jibqgħu attivi fl-anzjanità tagħhom imma jiddedikaw ħinhom u l-enerġija għall-ħaddieħor. Hawn tidher il-qalb kbira u s-sens ta’ altruiżmu ta’ eluf ta’ anzjani.
Filwaqt li l-Ministru f’isem il-poplu irringrazzja lill-anzjani kollha għamel appell biex b’mod partikulari l-ulied jibqgħu jirrispettaw u jindukraw lill-ġenituri, ikunu f’liema stat ikunu.
F'isem il-gvern il-Ministru Deguara wiegħed hidma biex l-anzjani jingħataw l-opportunitajiet u l-għodda biex jgħixu l-anzjanità tagħhom b'mod sħiħ.
Hu awgura lill-anzjani kollha saħħa u ħajja mimlija b'dak kollu li jagħmilhom kuntenti.
L-Onor Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ tkellmet dwar l-irwol importanti li l-anzjani għandhom fil-familja: “ħafna drabi ninsew kemm l-anzjani, minkejja li spiss ma jibqgħux jgħixu taħt l-istess saqaf mal-bqija tal-familja, għandhom rwol importanti fil-ħajja familjari. Biżżejjed niftakru fl-użanza komuni fost il-familji Maltin u Għawdxin, li nhar ta’ Ħadd jiltaqgħu kollha għand ‘in-nanniet’, biex nindunaw kemm hija fundamentali l-preżenza ta’ l-anzjani biex tisseddaq l-għaqda fil-familja. Barra minn hekk, irridu napprezzaw ukoll ir-rwol attiv li, minħabba l-pressjonijiet tal-ħajja moderna, ħafna anzjani qed jieħdu fit-trobbija tal-ġenerazzjoni l-ġdida.”
Hija kompliet tgħid li :”Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet ma tiġix prattikata biss mill-familji iżda hija wkoll wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-ħidma soċjali tal-komunitajiet u ta’ l-istat. Hawnhekk ma rridux naħsbu biss f’ dawk il-ħafna servizzi ta’ assistenza għall-anzjani li l-gvern qed jipprovdi bis-saħħa ta’ l-impenn ta’ ħafna minnkom hawn preżenti. Fl-okkażjoni tal-lum, hemm bżonn li l-attenzjoni tagħna ma tibqax iffukata biss fuq dawn is-servizzi li l-anzjani qed jirċievu iżda tiċċaqlaq biex tiskopri aħjar dawk il-ħafna servizzi li bosta anzjani qegħdin jagħtu b’ mod volontarju u b’sens kbir ta’ solidarjetà għall-ġid tal-komunità.”
“L-anzjani jistħoqqilhom ammirazzjoni u ħajr tax-xogħol li qegħdin jagħmlu biex titħares l-għaqda soċjali f’pajjiżna, u għandhom jibqgħu jiġu meqjusa bħala riżorsa prezzjuża għal pajjiżna. Il-gvern huwa mpenjat bis-sħiħ biex isostni b’ mod prattiku lil anzjani fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u dan bir-rispett u d-dinjità li tixirqilhom” temmet tgħid l-Onor D’Amato.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958