Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-E.T. DR. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, WAQT ĊENA STATALI MOGĦTIJA F’ĠIEĦ L-E.T. S-SINJURA MARY MCALEESE U DOTTOR MARTIN MCALEESE - IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA – 5 T’OTTUBRU 2006

PR1352
Date Icon 05/10/2006

Sinjura President,

Dr McAleese,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Marti u jien għandna l-pjaċir nagħtukom merħba minn qalbna f’Malta.  L-ewwel Viżita Statali f’Malta minn Kap ta’ Stat Irlandiż tixhed ir-relazzjonijiet tajba u d-djalogu kostruttiv li qegħdin jinbnew bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna. 

L-Irlanda u Malta huma magħqudin b’rabtiet ta’ ħbiberija, valuri u ideali supremi u impenn komuni biex fl-Ewropa jkollna prosperità u sigurtà.  Bħala żewġ pajjiżi Ewropej imdawrin bil-baħar, kburin bl-indipendenza u l-wirt kulturali tagħhom, l-Irlanda u Malta qed jagħtu sehemhom fl-isforz favur il-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta’ dinja b’aktar paċi, sigurtà u stabbiltà. 

Eċċellenza,

Ir-relazzjonijiet bejn l-Irlanda u Malta għandhom il-potenzjal li jissaħħu u jespandu fl-oqsma politiċi, kif ukoll f’dawk ekonomiçi u kulturali.  It-twaqqif reċiproku ta’ missjonijiet diplomatiċi permanenti, kif ukoll il-livelli preżenti ta’ skambji u kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi tagħna huma xhieda ta’ l-iżvilupp kontinwu tar-relazzjonijiet li ż-żewġ pajjiżi tagħna qegħdin kulma jmur dejjem irawmu u jippromwovu. 

Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Bealtaine, l-ewwel ta’ Mejju, tas-sena elfejn u erbgħa.  Bħalma taf int, f’dik il-ġurnata l-Poeta Lawreat Irlandiż Seamus Heaney kien qara poeżija fiċ-ċeremonja tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa qal hekk: “Allura  dak il-jum li fih jaslu n-nies il-ġodda, Ejjew inqisuh bħala ritorn lejn id-dar...”.  Pajjiżi jħares lejn l-isħubija fl-Unjoni Ewropea bħala ritorn lejn id-dar tagħna, id-dar Ewropea li lilha nappartjenu.  Aħna ferħana u kburin li niffurmaw parti minn din il-familja ta’ ġnus li lilha ġiet fdata l-kostruzzjoni tal-blokki li jmiss f’din id-dar li hija l-Unjoni Ewropea.  Dak li nibnu aħna llum se jkun il-pedament li fuqu għad jibnu l-ġenerazzjonijet ta’ mexxejja u popli tal-futur.  Ejjew inħallu wirt sod lill-ġenerazzjoni tal-ġejjieni. 

Eċċellenza,

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea offriet liż-żewġ pajjiżi tagħna opportunitajiet ġodda kif ukoll sfidi ġodda li jeħtieġu metodi ġodda ta’ kif għandna nittrattawhom.  Aħna ħabrikna u għadna nħabirku, jiena ngħid b’suċċess, biex is-sħubija tal-pajjiżi tagħna fl-Unjoni Ewropea tirnexxi u se nkomplu nikkontribwixxu fil-bini ta’ Unjoni Ewropea li tirrendi valur miżjud lill-Istati Membri u liċ-ċittadini tagħha. 

Sinjura President,

Lilek sejħulek bennejja ta’ pontijiet u promotriċi tal-paċi.  Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nesprimi l-ammirazzjoni tiegħi għax-xogħol dedikat tiegħek biex trawwem spirtu ta’ komunità kif ukoll spirtu ċiviku ma’ l-Irlanda kollha. Nammirak ukoll għall-mod kif użajt il-kariga tiegħek biex trawwem ir-rikonçiljazzjoni u tibni klima fejn il-Poplu jista’ jinqata’ mill-konflitti atroċi tal-passat. 

Bħala pajjiżi newtrali, l-Iranda u Malta huma kkwalifikati b’mod uniku għax-xogħol kruċjali u diffikultuż biex jistabbilixxu l-ftehim u l-fiduċja bejn il-qasmiet kulturali.  Malta hija pajjiż li kollu kemm hu huwa parti mill-Ewropa kif ukoll jinstab fil-qalba tal-Mediterran.  Għalhekk aħna wkoll infittxu li nagħtu sehemna fil-bini ta’ pontijiet tar-rispett u l-ħarsien reċiproku li huma tant meħtieġa biex jintemm iċ-ċiklu ta’ miżerja umana u jżomm id-dinja post ta’ sigurtà.  Malta tqis lilha nnifisha, u jqisuha, bħala pont bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.  Għalhekk Malta tħabrek biex tikkontribwixxi għall-ħarsien, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran u għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta’ l-Afrika tat-Tramuntana. 

Eċċellenza,

B’sogħba kbira dawn l-aħħar snin il-baħar Mediterran għaddej minn traġedja umana fuq skala kbira fejn mijiet ta’ nies qed jitilfu ħajjithom waqt li jkunu jbaħħru biex jaslu fuq ix-xtut ta’ l-Ewropa.  Dan il-fenomenu qed jittestja b’mod qawwi l-kapaċità ta’ l-istati Ewropej tal-Mediterran biex ilaħħqu ma’ dan li donnu huwa influss ma jaqta’ xejn ta’ nies.  Din hija problema li Malta qed tiffaċċja b’mod serju minħabba l-influss li qatt ma kellna bħalu ta’ immigranti irregolari li qiegħed ipoġġi piż sproporzjonat fuq ir-riżorsi limitati tal-gżira tagħna.  Malta hija grata lejn l-Irlanda talli ħaddnet il-prinċipju tal-qsim tal-piżijiet u aċċettat li tgħin lil Malta billi tilqa’ numru ta’ rifuġjati fit-territorju tagħha.  Il-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari hija sfida komuni għall-Ewropa li tirrikjedi sforz kollettiv u kompatt.  B’danakollu l-Unjoni Ewropea ma tistax issolvi l-problema waħedha – trid tagħmel hekk b’mod komprensiv billi taħdem f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi ġirien ta’ l-Afrika tat-Tramuntana u tinvolvi wkoll lill-pajjiżi Afrikani li minnhom ġejjin l-immigranti. 

Bħala Stati Membri tal-Ġnus Magħquda, l-Irlanda u Malta huma nvoluti b’mod attiv fil-proċessi ta’ l-organizzazzjoni.  Elementi ewlenin tal-politika barranija tagħna huma l-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazzija, tad-drittijiet umani u ta’ l-iżvilupp bħala l-unika bażi biex niksbu prosperità sostenibbli.  Malta tilqa’ u tħares ’il quddiem lejn l-opportunitajiet preżenti u futuri favur sforzi konġunti, speċjalment fi ħdan il-Ġnus Magħquda. 

Eċċellenza,

Illum l-Irlanda qed tgawdi suċċess kbir fil-qasam ekonomiku.  Il-kisbiet ekonomiċi ġabu prosperità u opportunità lill-Poplu tagħkom.  L-għaqda ta’ Malta ma’ l-Unjoni Ewropea ftit aktar minn sentejn ilu ġabet bidliet fl-ekonomija tagħna li għandhom iwasslu għal żvilupp ekonomiku pożittiv.  Għandi fiduċja li l-Irlanda u Malta qegħdin fuq it-triq it-tajba biex jiżviluppaw relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib fl-isfera kummerċjali, u b’hekk iżidu l-prosperità, joħolqu impjiegi ġodda u jsibu sħab ġodda fin-negozju, għall-ġid tal-Popli tagħna. 

Eċċellenza,

L-Irlanda hija magħrufa f’Malta għall-wirt kulturali tagħha, għall-arti, il-letteratura, il-mużika u l-folklor.  Dawk li jħobbu l-letteratura jistgħu jogħxew fuq ix-xogħlijiet ta’ l-awturi u l-poeti kbar Irlandiżi, bħalma huma x-xogħlijiet kbar ta’ James Joyce li jgħidu li qal li ried “jagħti stampa ta’ Dublin li kienet preċiża b’tali mod li kieku l-Belt kellha f’daqqa waħda tisparixxi minn wiċċ id-dinja, kien ikun possibbli li tiġi kostruwita mill-ġdid mill-ktieb tiegħi” u b’hekk jipparteċipaw fl-esperjenza u fil-perspettiva li ħaddieħor għandu  ta’ pajjiżkom. 

Inti sa tiskopri li Malta hija art li fil-karattru tagħha tispikka l-istorja antika u l-arkitettura tagħha, li nbniet matul ħafna sekli u fejn it-traċċi ta’ popli, kulturi u lingwi differenti jintisġu flimkien. 

Għal tlett elef sena, minn madwar ħamest elef u mitejn sena Qabel Kristu, l-arċipelagu kien abitat minn ċivilizzazzjoni unika ta’ bennejja ta’ tempji.  L-Ipoġew, li inti se żżur sakemm iddum hawn, huwa labirint ta’ kmamar taħt l-art li x’aktarx kienu jintużaw bħala post tad-dfin u bħala tempju.  L-Imdina, li inti żort illum, għandha l-oriġni tagħha li jmorru lura għal aktar minn erbat elef sena.  Il-Belt Valletta fejn ninsabu miġburin illejla hija belt fortizza li nbniet mill-Kavallieri ta’ San :wann u hija kapolavur tal-Barokk.  Nispera li ż-żjara tiegħek f’Malta tkun waħda ħienja u memorabbli.

Eċċellenza,

M’għandix dubju li, in vista tal-valuri, l-ideali u l-viżjoni tal-futur komuni tagħna, l-Irlanda u Malta se jżommu bejniethom relazzjonijiet bilaterali kontemporanji mill-aħjar kif ukoll se jiżviluppaw aktar u jintensifikaw rabtiet fl-oqsma kollha. 

B’dawn il-ħsibijiet nitlobkom, mistednin distinti, biex flimkien miegħi tixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ l-Irlanda u Dr McAleese, kif ukoll b’riżq il-paċi u l-prosperità tal-Poplu ta’ l-Irlanda u l-ħbiberija dejjiema bejn il-Popli ta’ Malta u l-Irlanda.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow