MESSAĠĠ MILL-MINISTRU TA’ l-EDUKAZZJONI, ZĠĦAZAGĦ U XOGĦOL, FL-OKKAZJONI TA’ ŻEWĠ ANNIVERSARJI MIT-TWAQQIF TAL-GWU U L-UĦM
Żewġ unions ewlenin f’pajjiżna qed ifakkru anniversarji mportanti mit-twaqqif tagħhom. Illum il-GWU qed tfakkar għeluq is-63 sena mit-twaqqif tagħha, filwaqt li l-UĦM qed torganizza attivitajiet speċjali biex tfakkar l-40 sena mit-twaqqif tagħha.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea, isellem lill-membri u l-mexxejja, tal-lum u tal-bieraħ, ta’ dawn iż-żewġ unions ewlenin f’pajjiżna. Il-Gvern iqis l-unions kollha f’pajjiżna bħala istituzzjonijiet u sħab soċjali ta’ importanza ewlenija għall-progress soċjali u ekonomiku tal-poplu tagħna.
L-istorja tat-trejdunjoniżmu Malti turi kif bil-fatti, t-trejdu unions Maltin servew ta’ ġid kbir għall-ħaddiema u l-poplu tagħna tul 60 sena ta’ żvilupp politiku, soċjali u ekonomiku li bidel il-Malta minn kolonja mill-ifqar f’pajjiż sovran, indipendenti u ħieles, li llum qed igawdi livell għoli ta’ għixien ta’ ħajja fi sħubija ta’ l-Unjoni Ewropea. Is-sehem tal-unions f’dawn il-kisbiet kbar kien ta’ valur sostanzjali minkejja perjodi ta’ kontroversji li għamlu ħsara lill-ħaddiema u lill-pajjiż.
Louis Galea jawgura li ż-żewġ unions ikollhom ġejjieni mimli ħidma favur pajjiżna u l-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin. F’soċjeta` u ekonomija li qed iġarrbu żviluppi mgħaġġla, frott tat-tielet rivoluzzjoni dinjija, dik ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni, il-Gvern jibqa` impenjat li jiddefendi u jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema u l-unions tagħhom u li jagħmel ħiltu biex jissaħħaħ u jitjieb id-djalogu soċjali. Il-Gvern, japprezza mhux biss il-ħidma tat-trade unions, iżda japprezza wkoll is-sehem ta’ min iħaddem u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fl-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Louis Galea temm il-messaġġ tiegħu billi sostna li l-poplu Malti u Għawdxi għandu jħossu xxurtjat, kburi u rikonoxxenti li bil-ħidma u s-sagrifiċċju ta’ ħafna fil-qasam trejdunjonistiku, pajjiżna żviluppa demokrazija, liberta` u mudell soċjo-ekonomiku li ġab ħafna risq u frott lill-poplu tagħna u ġibed l-ammirazzjoni ta’ popli oħra fid-dinja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958