INAWGURATI 11-IL JUM TA’ DIVERTIMENT KULTURALI
Il-Festival tal-iBliet Storiċi ta’ Malta mhux biss daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet organizzati mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien ma’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta, iżda sar l-attivita’ ewlenija għax-xahar ta’ Ottubru li tiġbed lejha sew Maltin kif ukoll turisti.
Il-ħdax-il jum ta’ divertiment kulturali, din is-sena jinkludu
o Is-Sibt 7 ta’ Ottubru – Il-Birgu għad-Dawl tax-Xemgħa – ‘Il-Karnival fi żmien il-Kavallieri’;
o Il-Ħadd 8 ta’ Ottubru – Mdina Re-enactment – Il-Wasla tar-Re Ruġġieru II fl-Imdina (1127);
o Il-Ħadd 15 ta’ Ottubru – Valletta Re-enactment – It-tqegħid ta’ l-Ewwel Ġebla tal-belt Valletta (1566);
o Il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd 13, 14 u 15 ta’ Ottubru – The Malta Military Tattoo 2006.
Il-Festival tal-iBliet Storiċi ta’ din is-sena jinkludi animazzjoni medjevali; żjarat gwidati mill-Fondazzjoni Wirt Artna lill-Forti Sant’Anġlu bil-lejl; divertiment mużikali; u teatru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta nieda uffiċjalment il-Festival tal-Bliet Storiċi ta’ Malta 2006 f’Misraħ is-Sur fl-Imdina, qal li l-bliet storiċi ta’ Malta kienu jirrappreżentaw l-istorja ta’ pajjiżna għaliex kien minn dawn l-ibliet li l-pajjiż kien jiġi amministrat, kien f’dawn l-ibliet li kienu joqgħodu l-mexxejja ċivili u reliġjużi tal-pajjiż u kien f’dawn l-ibliet li kienu jinġabru l-Maltin biex jiskennu minn xi attakk tal-għadu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li barra minhekk l-Imdina u l-Birgu kienu l-benniena ta’ l-istorja ta’ pajjiżna, bl-Imdina l-kapitali nterna tal-pajjiż u l-Birgu bil-fortifikazzjoni tal-Forti Sant’Anġlu, il-belt navali li kienet tieħu ħsieb il-kummerċ u d-difiża tal-pajjiż.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li meta nfakkru x’kien iseħħ f’dawn l-ibliet b’re-enactments u pagaents, inkunu qegħdin immorru lura fl-istorja ta’ artna u naraw kif kienu jgħixu u minn xiex għaddew missirijietna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-Festival hu popolari sew mal-Maltin kif ukoll mat-turisti. Hu qal li l-istorja hi niċċa mportanti tas-suq turistiku ta’ pajjiżna. Hu fakkar li fi żmien meta l-kompetizzjoni fil-qasam turistiku hi kbira, ridna mmorru għal niċeċ li permezz tagħhom stajna nikkompetu u li waħda minn dawn in-niċeċ hi l-istorja millenarja tagħna li tmur lura 7,000 sena.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li biż-żmien, il-Maltin bdew jibnu l-ibliet fortifikati tagħhom. Hu qal li bdew bl-Imdina u l-Birgu. Fakkar li fl-era tal-Kavallieri ta’ San Ġwann inbniet il-belt Valletta bil-fortifikazzjonijiet impressjonanti li jdawwruha. It-tliet ibliet tal-Birgu, l-Isla u Bormla ġew fortifikati u nbena sur madwarhom, il-Cottonera lines. Hu qal li f’Għawdex hemm iċ-Ċitadella, li kienet il-fortizza li jfittxu l-Għawdxin f’każ ta’ invażjoni.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-awgurju tiegħu kien li dawn il-festivals ikomplu jikbru għaliex kien jemmen li dawn iwasslu biex il-poplu jsir aktar konxju mill-għeruq tiegħu u li permezz tagħhom aktar barranin jżuru Malta fix-xhur ta’ barra s-sajf.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958