MESSAĠĠ MILL-MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI FIL-JUM DINJI TA’ L-GĦALLIEMA
Il-Gvern, u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni in partikolari, irridu nimmarkaw dan il-Jum Dinji ta’ l-Għalliema billi f’isem il-poplu Malti u Għawdxi nfissru l-apprezzament u l-gratitudni għall-vokazzjoni fejjieda li jwettqu l-għalliema Maltin u Għawdxin ma’ ulied il-poplu kollu. L-istorja turi li s-soċjetà Maltija imxiet ’l quddiem għax tul l-aħħar seklu għarfet tagħti importanza lill-edukazzjoni u qed tkompli taħdem għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulhadd biex uliedna jirnexxu lkoll.
Aħna nafu li l-vokazzjoni u l-professjoni ta’ l-għalliema u tal-professjonijiet l-oħra fil-qasam ta’ l-edukazzjoni huma ta’ l-ogħla valur. Kull min jagħżel li jidħol f’dan il-qasam ma jkunx qed sempliċiment jagħmel għażla ta’ impjieg iżda għażla ta’ impenn f’waħda mill-isbaħ missjonijiet li tista’ sseddaq lil bniedem – l-iżvilupp ta’ l-intelliġenza, l-ħiliet u t-talenti tat-tfal u ż-żgħażagħ. Għalhekk minn qalbna nirringrazzjaw lil dawk kollha li jagħmlu din l-għażla u qed iwettquha b’mod effettiv fiċ-ċentri tal-ħarsien tat-tfal u kindergartens, fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti, fl-MCAST, ITS u Università u istituzzjonijiet oħra privati ta’ tagħlim.
Il-professjoni ta’ l-għalliema u l-professjonijiet li għandhom x’jaqsmu magħhom jinħtieġu preparazzjoni u taħriġ akkademiku inizjali u kontinwu ta’ l-aqwa kwalità. Hu għalhekk li aħna napprezzaw il-ħidma li qed iwettqu d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Università, b’mod partikolari l-Fakolta` ta’ l-Edukazzjoni. Napprezzaw ukoll il-ħidma ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti għall-kontribut qawwi li jagħtu fit-taħriġ ta’ l-għalliema.
Inħeġġu l-familji u l-ġenituri li dejjem jibqgħu japprezzaw dak kollu li jsir mill-għalliema fl-iskejjel tagħna. Huma dawn l-għalliema, li jaħdmu b’dedikazzjoni u professjonalita, li qed jagħtu servizz lil uliedna u jtejjbu l-possibiltajiet tagħhom għall-futur hieni mimli suċċess. Inħeġġu wkoll lill-istudenti kollha li japprezzaw b’turija ta’ rispett sħiħ l-impenn ta’ l-għalliema tagħhom biex dejjem jgħinnuhom jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.
Irridu wkoll infissru l-apprezzament tagħna għall-ħidma tal-unjons f’dan il-qasam, b’mod partikolari l-ħidma tal-Malta Union of Teachers, l-MUT, li fiha l-għalliema sabu rappreżentanta denja mhux biss tad-drittijiet tagħhom iżda wkoll interlokutur effettiv ma’ kull min għandu sehem fit-tmexxija tal-qasam edukattiv, b’mod partikolari l-Gvern u l-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
Il-Gvern iqis it-tagħlim, l-edukazzjoni u r-riċerka bħala l-aqwa arma kontra l-faqar, l-inġustizzji u preġudizzji u favur is-sliem, il-ġustizzja u s-sigurtà f’kull soċjetà u fid-dinja.
Hu għalhekk li l-Gvern jinsab impenjat li bil-fatti jagħti l-ogħla priorità lill-edukazzjoni. Il-liġi l-ġdida li l-Gvern għadu kif għadda mill-Parlament ser tagħti lill-pajjiż għodda moderna u aktar effettiva għat-tmexxija tas-sistema edukattiva u ta’ l-iskejjel f’pajjiżna, inkluż il-Kunsill tal-Professjoni ta’ l-Għalliema. Issa jmiss li tiġi aġġornata l-liġi għal dak li jirrigwarda l-livell ta’ edukazjoni avvanzata u ogħla. Il-Gvern irid li jissaħħah fl-Università, l-MCAST u fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni l-proċess li direttament u ndirettament qed iħejji u jżomm aġġornati lill-għalliema tal-lum u ta’ għada. Huwa mir-riżultati ta’ dan il-proċess li jiddependi l-kwalità ta’ l-għalliema tagħna li għandha mpatt enormi fuq il-kwalità u r-riżultati ta’ l-edukazzjoni f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958