IMFAKKAR IL-JUM DINJI TA’ L-ANNIMALI
F’messaġġ fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ l-Annimali, li qed jiġi ċċelebrat illum, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino qal li s-saħħa u l-ħarsien ta’ l-annimali huma l-qofol tal-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur, għaldaqstant il-Gvern irid li tinħoloq kollaborazzjoni biex nimmassimizzaw ir-riżorsi li għandna.
Il-Ministru Pullicino qal li filwaqt li l-impenn tal-Gvern jibqa’ li jtejjeb is-servizzi tiegħu għall-ħarsien ta’ l-annimali, wieħed irid ifaħħar ukoll ix-xogħol siewi li jagħmlu d-diversi għaqdiet u volontiera f’dan il-qasam.
Fix-xhur li ġejjin mistennija titwaqqaf fondazzjoni għall-ħarsien ta’ l-annimali bil-għan li l-attivitajiet u l-faċilitajiet f’dan il-qasam mhux biss ikunu koordinati aħjar, iżda tinħoloq ukoll ħidma flimkien bejn l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu favur l-annimali. Permezz ta’ din il-fondazzjoni, il-fondi disponibbli għal dan il-qasam ikunu jistgħu jiġu mmaniġġjati u wżati b‘aktar effiċjenza. Il-Fondazzjoni tkun iffurmata minn rappreżentanti tal-Gvern u għaqdiet mhux governattivi.
L-iskop ta’ din il-Fondazzjoni jkun ukoll li tikkoordina u tmexxi ċ-Ċentru Nazzjonali għall-ħarsien ta’ l-annimali li l-Gvern bi ħsiebu jwaqqaf. Wara kuntatti mad-Dipartiment ta’ l-Artijiet ġie identifikat sit f’Ta’ Qali fejn ikun jista’ jitwaqqaf dan iċ-ċentru li se jkun jinkorpora fih għadd ta’ faċilitajiet moderni li jinkludu after-care clinic, boarding kennels u spazju għat-taħriġ u l-edukazzjoni.
B‘dan iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħarsien ta’ l-Annimali se tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa biex tingħata l-kura lill-annimali mweġġa’ u titqajjem kuxjenza pubblika għar-rispett lejn l-annimali.
Permezz ta’ assistenza mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, is-servizz ta’ ambulanza għall-annimali ipprovdut mill-Animal Ambulance Response Team issa beda jaħdem 24 siegħa kuljum. Il-Ministeru qed jipprovdi żewġ persuni għal dan is-servizz li s’issa kien jitħaddem biss fuq bażi volontarja u qed joffri wkoll sussidju għal din l-ambulanza billi jipprovdi biodiesel u servicing.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958