LIBSA ĠDIDA GĦAŻ-ŻJARAT KULTURALI
Din is-sena ż-żjarat kulturali organizzati mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura bil-kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet fi ħdan l-istess Ministeru, qed jingħataw libsa ġdida billi qed jiġu organizzati fuq bażi ta’ suġġett.
B’kollox se jkun hemm tmien żjarat li ser jinżammu bejn il-Ħadd 22 ta’ Ottubru 2006 u l-Ħadd 6 ta’ Mejju 2007.
o Il-Ħadd 22 ta’ Ottubru, it-tema ser tkun ‘It-Tieni Gwerra Dinjija’ bi żjarat lill-Mużew tal-Gwerra, ix-Xelter ta’ Santu Wistin; il-Mużew ta’ l-Avjazzjoni f’Ta’ Qali u ix-Xelter Mużew fl-Imġarr.
o Il-Ħadd 26 ta’ Novembru, is-suġġett ser ikun ‘It-Torrijiet tal-Kavallieri’ bi żjarat lit-Torri ta’ Wignacourt; it-Torri l-Aħmar; it-Torri ta’ Għallies u t-Torri ta’ Qalet Marku.
o Il-Ħadd 17 ta’ Diċembru, ser issir żjara kulturali lill-Presepji tradizzjonali.
o Il-Ħadd 28 ta’ Jannar, it-tema taż-żjara ser tkun ‘Snajja Tradizzjonali Maltin’ bi żjarat marbuta man-naħal u l-produzzjoni tal-għasel; is-sengħa tal-filligranu; is-sengħa u Mużew ta’ l-Insiġ; l-akwakultura fit-Torri ta’ San Luċjan; u it-tagħsir ul-produzzjoni ta’ l-inbejjed tal-frott.
o Il-Ħadd 25 ta’ Frar, bit-tema ‘Djar Storiċi Maltin’ se jsru żjarat lil Casa Rocco Piccola; il-Mużew tal-Ġugarelli; l-Oratorju tas-Santissmu Sagrament u Villa Parisio, Ħal Lija.
o Il-Ħadd 25 ta’ Marzu, iż-żjara kulturali ser tkun dedikata lil ‘Knejjes Żgħar Maltin’ bi żjarat lill-Knejjes ta’ Sant’Anna u Tal-Vitorja fil-Forti Sant’Anġlu; il-Mużew tas-Santwarju, il-Knisja tal-Lunzjata u l-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħaż-Żabbar; Bir Miftuħ fil-Gudja u Santu Rokku f’Ħaż-Żebbuġ.
o Il-Ħadd 22 ta’ April, ser issir żjara kulturali f’Għawdex.
o Il-Ħadd 6 ta’ Mejju, iż-żjara ser tikkonsisti f’dawra bil-lanċa mal-Port.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda l-programm ta’ żjarat kulturali għall-istaġun 2006/2007 qal li dawn iż-żjarat kull ma jmur qed isiru aktar popolari għaliex qed joħorġu dejjem aktar dak li hu Malti bil-wirt storiku tagħna, tradizzjonijiet u snajja.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-għażla li saret din is-sena li ż-żjajjar ikunu organizzati fuq bażi ta’ suġġett kienet waħda għaqlija. Hu qal li pajjiżna kellu gawhar ta’ storja li kienet tinfirex fuq eluf ta’ snin iżda li fl-istess waqt issawret minn zminijiet differenti. Hu fakkar li filwaqt li l-istorja tagħna tmur lura 7,000 sena għandna dik li nistgħu nqisuha bħala l-istorja riċenti ta’ pajjiżna: żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-perijodi tal-ħakma Franċiża u Ingliża. Hu qal li dawn qed jiġu ppreżentati lill-poplu permezz ta’ re-enactments li allura meta mbagħad dak li jkun rahom iżur bini storiku marbut ma’ dawn l-epoki jifhem aħjar l-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li llum li nagħmlu parti mill-komunita’ kbira ta’ l-Unjoni Ewropea hu aktar importanti li ngħożżu l-għeruq tagħna, it-traddizzjonijiet, l-istorja u l-wirt tagħna għaliex dawn kollha jsaħħu l-identita’ u allura s-sovranita’ ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-wirt kulturali u artistiku tagħna qed jissarraf ukoll fi promozzjoni għal pajjiżna. Hu qal li llum meta qed nibbażaw s-settur turistiku fuq ‘segments’, is-settur tat-turiżmu kulturali hu wieħed mill-aktar importanti u jattira lejn pajjiżna madwar 14 fil-mija tat-turisti kollha li jżuruna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-organizazzjoni ta’ dawn iż-żjarat turi l-kollaborazzjoni li teżisti bejn l-oqsma tat-turiżmu u kultura fi ħdan il-Ministeru tiegħu. Hu qal li dawn iż-żjarat ma kienux ikunu possibbli li kieku ma kienx hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u diversi entitajiet fi ħdan l-istess Ministeru: l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta; il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti; Heritage Malta u anke l-parteċipazzjoni ta’ l-Orkestra Nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958