DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FIL-FTUĦ TAL-KONFERENZA DWAR GREENING THE ECONOMY F’DAR IL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI, VALLETTA - 3 TA’ OTTUBRU 2006
Huwa bi pjacir li aċċettajt li nindirizza din il-konferenza fil-ftuħ tagħha minħabba l-importanza tat-tema li ser tkun diskussa.
L-ambjent fit-totalità tiegħu huwa prijorità ewlenija tal-politika tal-Gvern immexxi minni. Flimkien ma’ l-edukazzjoni u l-ekonomija, pajjiżna miexi fuq strateġija fejn l-ambjent jitqies bħala pedament importanti għal ġejjieni fis-sod għalina u għal uliedna.
L-għażla ta’ l-ambjent fis-strateġija fit-tul għal pajjiżna fissret żieda fl-investiment għall-ħarsien ta’ l-ambjent minn Lm3 miljun fl-1990 għal Lm32 miljun fl-2005.
Hemm min iħares lejn din in-nefqa bħala piż fuq l-ekonomija. Ma naqbilx ma’ din il-perspettiva. Għal kuntrarju, nemmen li politika ambjentali sostenibbli hija ingredjent ewlieni biex insaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna. Inżid ngħid li l-politika favur l-ambjent imħaddma mill-Gvern qed twassal għal opportunitajiet ekonomiċi ġodda.
Din il-Konferenza qed tindirizza s-settur tan-negozju u kif dan jista’ jinfluwenza u/jew ikun influwenzat mill-ambjent.
M’hemmx dubju li politika favur l-ambjent taffettwa l-imġieba tal-konsumatur u tinfluwenza n-negozju. Fl-investiment li qed isir biex jitħares l-ambjent, il-Gvern qed ifittex li dan l-investiment iservi wkoll biex il-kummerċ u n-negozju f’Malta jissaħħah miegħu.
Il-Gvern jifhem li hemm regolamenti ambjentali li jistgħu ma jgħinux iz-żieda fil-kompetittività; anzi jistgħu jidhru bħala xkiel għall-ekonomija. Dan ipoġġi quddiemna sfida kbira: X’tagħżel meta l-ambjent u l-ekonomija jidhru kontra xulxin?
Kemm l-ambjent kif ukoll l-ekonomija huma mezz biex inkomplu ntejbu l-kwalità ta’ ħajja li ngħixu. Għażla favur l-ambjent twassal għat-tisħieħ ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna filwaqt li għażla favur l-ekonomija għandha twassal għat-tisħieħ ta’ l-ambjent. Huwa għalhekk li l-Gvern kontinwament jinsisti li l-politika tiegħu tkun imfassla fuq informazzjoni aġġornata ħalli d-deċiżjonijet għall-ħarsien ambjentali jsiru fl-aħjar interess ta’ l-ekonomija u viċi versa.
Din il-Konferenza tagħmel propju dan. Bl-esperjenzi minn bosta pajjiżi madwar l-Ewropa, ninsab ċert li din il-ġurnata se sservi għal diskussjoni matura dwar kif politika ambjentali, jekk imfassla tajba, tista’ tħalli effetti pożittivi fuq l-ekonomija. Se nisimgħu esperjenzi ta’ kif bosta gvernijiet qed jgħinu sabiex il-kummerċ jibbenefika mit-tibdil neċessarju għall-ħarsien ambjentali.
Nittama li din il-Konferenza tgħin biex jkunu identifikati l-mezzi kollha possibbli biex inizjattivi ambjentali privati tiżdidilhom il-profittabilità. Mhux biżżejjed li ngħidu li hemm rabta pożittiva bejn l-effiċjenza ambjentali u d-dħul finanzjarju. L-evidenza trid tkun tanġibbli u mhux limitata għal ftit kumpaniji kummerċjali kbar li huma stabbiliti.
Fil-qafas ta’ dan kollu, hemm bżonn li jintgħelbu l-isfidi għat-titjib fl-effiċjenza ambjentali, liema sfidi jinkludu:
· titjib fl-aċċess għall-informazzjoni. Dan għandu jgħin biex issir deċiżjoni kummerċjali għaqlija ta’ kif u għalfejn għandu jsir investiment fl-effiċjenza ambjentali tal-kumpanija;
· definizzjoni ċara taċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-effiċjenza ambjentali. Dan għandu jsir biex l-industrija u s-settur tas-servizzi jifhmu aktar ir-rabta bejn inizjattivi ambjentali u l-kompetittività; u
· l-industrija u s-settur tas-servizzi għandhom isibu fis-settur pubbliku s-sapport kollu li għandhom bżonn biex jagħmlu l-aħjar għażliet ambjentali fl-għażliet kummerċjali tagħhom.
Il-Gvern dejjem saħaq fuq l-importanza ta’ l-ambjent u l-ħarsien tiegħu biex jissalvagwardja t-tkabbir ekonomiku. Jekk nagħrfu nkunu innovattivi u nagħtu importanza lir-riċerka applikata relatata ma’ dan is-settur, dak li llum jista’ jidher bħala piż regolatorju ma jdumx ma jinbidel f’opportunità għan-negozju. Biżżejjed wieħed iħares lejn id-diversi stejjer ta’ suċċess f’pajjiżna fejn għażliet favur l-ambjent issarfu fi profittibilità akbar jew opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ.
Huwa propju għalhekk li l-Gvern inkorpora dan is-suġġett hekk importanti għal ekonomija Maltija fil-politika nazzjonali ta’ riċerka u żvilupp. Fil-fatt fil-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u Innovazzjoni 2006, l-Ambjent flimkien ma’ l-Enerġija ġew identifikati bħala wieħed mill-erba’ pilastri strateġiċi (flimkien mat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u Komunikazzjoni (ICT), BioTeknoloġija u s-Saħħa u l-Manifattura) immirati biex jiżdiedu l-investimenti fuq riċerka u innovazzjoni. Dawn jiffukaw primarjament fuq enerġija mix-xemx u r-riħ, bio enerġija, użu effiċjenti ta’ l-enerġija kif ukoll ta’ l-ilma fost oħrajn.
Nistieden lil din il-Konferenza biex tistudja wkoll kif l-ispejjeż involuti biex iħarsu l-ambjent jistgħu jaffettwaw in-negozju. B’mod partikulari, il-Gvern irid jifhem liema huma dawk l-attivitajiet kummerċjali li, bl-iċken żieda fl-ispiża minħabba għazliet ambjentali, jistgħu jwasslu għat-tnaqqis fil-kompettività tagħhom.
Minn naħa l-oħra, din il-konferenza għandha quddiema l-isfida li tindirizza numru ta’ mistoqsijiet bażiċi biex nilħqu l-għan li nħaddru l-ekonomija tagħna: Liema miżura ambjentali tista’ tassigura tisħieh fl-ekonomija? Liema miżura, minkejja li tista’ twassal għal tnaqqis żgħir fil-produttività fil-futur immedjat, tista’ twassal għal qabża fil-kwalità fuq medda ta’ żmien?
Id-diskussjoni tal-lum għandha tgħin biex ir-relazzjoni bejn il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-kompetittività tkompli tissaħħah. Sal-lum teżisti wisq biża’ biex pajjiżna jagħraf jilqa’ l-isfida ambjentali u japprofitta minnha. F’ekonomija li ma tiddependix biss minn industrija li tniġġeż, pajjiżna għandu jkun proattiv bil-politika ambjentali tiegħu billi jwaqqaf u jimplimenta sensiela ta’ inizjattivi li jikkomplimentaw il-ħarsien ambjentali.
L-iżvilupp ta’ pajjiżna jiddependi mill-enerġija. Ekonomija tagħna teħtieġ provvista ta’ enerġija stabbli u sigura li tkun fl-istess waqt kompetittiva. Dawn il-karatteristiċi, sigurtà tal-provvista u kompetittività huma tnejn mill-objettivi fundamentali tal-politika ta’ l-enerġija li l-Gvern qed jipproponi.
Iżda hemm ukoll objettiv ieħor – is-sostenibbiltà, li tinkludi s-sostenibbiltà ambjentali.
L-għan tal-Gvern huwa li dawn it-tliet objettivi jintlaħqu b’mod bilanċjat.
Malta hija s’issa kważi għal kollox dipendenti mill-importazzjoni tal-fuels fossili li huma kawża prinċipali ta’ greenhouse gasses.
Għax nagħrfu l-obbligi ambjentali u internazzjonali tagħna, aħna qegħdin nagħmlu sforzi determinati biex nintroduċu Għejjun ta’ Enerġija li tiġġedded u nippromwovu l-effiċjenza fl-użu ta’ l-enerġija. Aħna nistennew l-għajnuna tas-settur privat f’dawn l-isforzi.
Il-Gvern ħareġ numru ta’ skemi biex jippromwovi l-Għejjun ta’ Enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-użu ta’ l-enerġija u qed naraw riżultati inkoraġġanti fit-tħaddim ta’ dawn l-iskemi. Is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-iżvilupp ta’ mtieħen tar-riħ fl-ibħra territorjali tagħna tagħlaq waqt li qed nitkellmu.
Dawn il-ħwejjeġ kollha huma nklużi fil-politika ta’ l-enerġija u l-politika korollarja dwar l-Għejjun ta’ Enerġija li tiġġedded li ġew preżentati għall-konsultazzjoni pubblika.
Ninsab ċert li bit-tagħrif miksub illum, ser jitkompla l-proċess ta’ diskussjoni li jinfluwenza l-mod ta’ kif pajjiżna jħares lejn il-miri ambjentali u ekonomiċi li għandu. Din l-attività żgur mhux ser tiċċara l-evidenza kollha u telimina l-inċertezzi li jeżistu bejn l-ambjent u l-ekonomija. Iżda ninsab ċert li ser tikkontribwixxi b’informazzjoni adattata biex tinforma l-politika tal-Gvern. Jekk Malta tifhem x’wassal organizzazzjonijiet lokali u barranin biex jaqdfu lejn sostenibbiltà ambjentali allura nkunu nistgħu nużaw din l-informazzjoni biex ngħinu u/jew nixprunaw kumpaniji oħra lokali jsegwu fil-passi tagħhom.
Grazzi talli lqajtuni magħkom dalgħodu u nawguralkom ġurnata mimlija diskussjoni kostruttiva u konklużjonijiet prattiċi għat-tisħieħ tal-politika ekonomika u ambjentali ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958