KONFERENZA STAMPA MILL-ONOR. DR TONIO BORG, VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN U MILL-ONOR. DR CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI, DWAR ID-DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ NUMRU TA’ ARTIKOLI ĠODDA FIL-KODIĊI KRIMINALI
Permezz ta’ emendi li daħlu fis-seħħ illum, ser jiġu ntrodotti numru ieħor ta’ emendi għall-Kodiċi Kriminali tagħna. Dan huwa t-tielet pass li permezz tiegħu l-Att XVI ta’ din is-sena ser jidħol fis-seħħ. L-emendi prinċipali u li jimmeritaw l-attenzjoni tal-pubbliku huma s-segwenti:-
A) IR-REGOLA TAL-KORROBORAZZJONI
Għall-ewwel darba, il-liġi tagħna ser tinbidel u se jkun permess illi l-akkużati f’delitt, ser ikun permess li l-Qorti tikkonsidra x-xiehda ta’ wieħed kontra l-ieħor, u dan meta jkun l-uniku xhud tal-Prosekuzzjoni kontra l-akkużat. Fil-każijiet ta’ Ġuri, il-Qorti Kriminali għandha tagħti direttiva apposta fuq dan.
B) PROĊEDURA ĠDIDA FL-GĦOTI TAL-LIBERTA’ PROVIŻORJA
Mil-lum ’il quddiem, il-proċedura għall-għoti tal-libertà provviżorja meta persuna tkun akkużata b’delitti ta’ natura gravi, bħal dawk fejn hemm massimu ta’ priġunerija ta’ disa’ snin jew dak li jkun, ikun diġà riċediv, il-libertà proviżorja tingħata b’mekkaniżmu legali iktar iebes. Dan ifisser illi l-libertà proviżorja mil-lum ’il quddiem tingħata biss mill-Qorti, fil-miftuħ, u wara li tkun ġiet notifikata minn qabel lill-Prosekuzzjoni. Mhux biss, iżda d-deċiżjoni trid tiġi notifikata fi żmien ġurnata lill-Avukat Ġenerali, li jkollu d-dritt li jappella meta ma jaqbilx magħha.
Mhux biss dan, imma mil-lum ’il quddiem, kull darba li xi ħadd jikser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, dan ser jibda jitqies bħala reat u dik il-persuna tiġi akkużata mhux biss tad-delitti li kienet wettqet iżda wkoll bil-ksur tal-libertà proviżorja.
Ċ) 1. ĦLAS TAD-DANNI ĊIVILI
Mil-lum ’il quddiem, f’kull kawża kriminali li ssir fejn il-persuna akkużata tinstab ħatja, fl-istess sentenza din tista’ tiġi kkundannata tħallas id-dannu lill-vittma tar-reat. Dan ser ifisser:-
| i) | dritt ieħor lill-vittma tar-reat; |
| ii) | tnaqqis fil-proċeduri fil-Qorti għax tiġi ffrankata kawża ċivili; u |
| iii) | li ser jiġu ffrankati l-ħin u l-ispejjeż li huma nvoluti f’kawżi simili. |
2. KUNDANNA TA’ SPEJJEŻ
Mil-lum ’il quddiem ukoll, fil-kawżi illi hemm l-akkuża ta’ delitt punibbli bi priġunerija, l-akkużat jista’ jiġi kundannat iħallas l-ispejjeż tal-kawża. Jiġifieri, minn issa ’l quddiem, il-persuna li tinstab ħatja ser tibda tħallas lura parti mill-flus li l-Istat qiegħed jonfoq fuqhom.
3. PROĊEDURA IKTAR SEMPLIĊI META JKUN HEMM SERQ TA’ PROPRJETÀ
Mil-lum ’il quddiem ukoll, il-proċedura li permezz tagħha persuna li tkun sfat misruqa tista’ tieħu dawn l-oġġetti lura, ser tinbidel. Flok il-Qorti tirrilaxxa l-oġġetti meta ma jkunx hemm l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni u tad-Difiża, mil-lum ’il quddiem il-Qorti hija awtorizzata li tagħmel tali rilaxx mingħajr il-bżonn ta’ dan il-kunsens. Dan ifisser li filwaqt li jittieħdu l-proċeduri neċessarji biex jibqa’ ppriservat u xiehda għall-iskop tal-kawża, min ikun il-vittma tar-reat ma jbatix ukoll li jrid iħalli l-oġġett mhux użat fil-Qorti.
4. KUMPENS LILL-VITTMI TAR-REAT
Mil-lum ’il quddiem, il-Ministru tal-Ġustizzja huwa awtorizzat li joħroġ, permezz ta’ avviż legali, skema sabiex dawk li jkunu spiċċaw vittmi ta’ reat u l-persuna li wettaq id-delitt m’għandhiex il-mezzi li tħallas tali kumpens, l-Istat iħallas parti minnhom.
Din l-iskema ser tibda fuq bażi limitata u għal dawk li huma delitti serji u gravi. Maż-żmien jiġu estiżi għal diversi reati oħrajn.
5. MEZZI ĠODDA FIL-KAWŻI TA’ L-ISPOLL
Mil-lum ’il quddiem, il-Qorti Kriminali illi jkollha quddiemha kawża ta’ xi ħadd li ħa l-liġi b’idejh, jiġifieri xi ħadd li jieħu xi ħaġa mingħand ħaddieħor għax jaħseb li għandu dritt għaliha, ser tkun tista’ tikkundanna lill-persuna li tinstab ħatja li terġa’ trodd kollox lura kif kienet qabel il-kawża. Mhux biss, imma għall-ewwel darba qiegħed ukoll jingħata d-dritt illi x-xiehda li tinġabar fil-kawża kriminali tista’ tiġi esebita fil-kawża ċivili bi dritt, mingħajr il-bżonn jew il-kunsens tal-parti l-oħra.
6. INTERVENT FIL-PROĊESS VERBAL
Mil-lum ’il quddiem, il-proċedura fil-Proċessi Verbali ser tinbidel. Meta jgħaddu s-sittin (60) ġurnata li fihom Maġistrat għandu, skond il-liġi, jagħlaq il-Proċess Verbal u għal xi raġuni dan ma jkunx sar, allura kull min għandu interess fil-Proċess Verbal – speċjalment jekk ikun il-vittma – bħal per eżempju meta xi ħadd jisirqulu l-vettura tiegħu u jaħarquhielu, dan ikollu d-dritt illi jintervjeni u jieħu sehem fil-Proċess Verbal.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958