Left arrow Mur Lura

IL-BINI TA’ L-ISKOLA SEKONDARJA F’ĦAL-QORMI MIEXI B’RITMU MGĦAĠĠEL

PR1329
Date Icon 03/10/2006

Diġà tlesta aktar minn 50 % tal-bini ta’ l-iskola sekondarja l-ġdida li qed jibni l-Gvern f’Ħal Qormi biswit il-Junior Lyceum Mikiel Anton Vassalli filwaqt li hu mistenni li fil-bidu ta’ Novembru jibda x-xogħol mekkaniku u elettriku.  Il-Gvern qed jinvesti tliet miljun lira Maltin f’din l-iskola u hu ppjanat li tkun lesta sena u nofs oħra.  Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal dan waqt żjara li għamel fuq is-sit ta’ l-iskola l-ġdida li hi t-tieni skola l-ġdida li qed tibni l-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ Għada bħala parti mill-proġett ambizjuz tal-Gvern biex sa’ l-2010 jinbnew l-iskejjel li hemm bżonn u jiġu mmodernizzati l-iskejjel kollha ta’ l-istat.   

L-iskola ser tkun mgħammra b’apparat sofistikat u b’qisien ta’ klassijiet adekwati, kif jixraq lill-istudenti.  Din  l-iskola ser tipprovdi 12,000 metru kwadru ta’ kmamar għat-tagħlim, mifruxa fuq erba’ sulari, għal massimu ta’ elf student. Ser ikollha mhux inqas minn erbgħin klassi, tmien laboratorji tax-xjenza u sebgħa oħra tat-teknoloġija edukattiva, sitt laboratorji tal-kompjuter, klassijiet speċjali għat-tagħlim tad-drama, mużika, arti u ċeramika, studji ambjentali, tisjir, guidance, klinika, kappella, librerija, uffiċini għall-kapijiet u l-amministrazzjoni, kmamar għall-laqgħat, kif ukoll sala multipurpose, fost l-oħrajn.   

L-iskola ser tkun aċċessibbli kompletament għall-persuni b’diżabilita’ u ser tkun mgħammra b’lifts apposta.  Ser ikollha wkoll parkeġġ li jesgħa iktar minn 100 karozza. Id-disinn u l-materjali li ser jintużaw fil-bini ser jirrispetta l-ambjent, kemm f’dak li hu riċiklaġġ, u kif ukoll fl-użu ta’ enerġija alternattiva. Biswit l-iskola ser isir sports ground miksi b’turf artifiċjali u faċilitajiet sportivi oħra. 

Meta titlesta din l-iskola se tkun parti minn Kulleġġ li jkun jiġbor fih l-iskejjel primarji ta’ Ħal Luqa, Ħal Qormi - San Ġorġ, Ħal Qormi - San Bastjan, Siġġiewi, u Ħaż-Żebbuġ u l-iskejjel sekondarji Dun Karm Psaila – Żebbuġ, Ġuże’ Galea – Qormi u Maria Regina - Blata l-Bajda.  Il-Ministru Galea qal li l-esperjenza tal-Kulleġġi fis-sena skolastika li għaddiet uriet li l-Kulleġġi joffru potenzjal bil-bosta superjuri għal skejjel li jaħdmu ndividwalment kif ġara sal-lum. Hu qal li minn din is-sena l-iskejjel kollha ta’ l-istat ġew minsuġa f’għaxar kulleġġi, it-tlieta li bdew joperaw mis-sena skolastika li għaddiet, erba’ oħra li jibdew joperaw minn din is-sena skolastika, u tlieta oħra li mistennija jibdew joperaw f’qasir żmien.   

Il-Ministru qal li biex il-viżjoni tas-sistema tal-kulleġġi tintlaħaq għad fadal ħafna x’isir l-ewwel nett biex ikun hawn l-iskejjel kollha li hemm bżonn inkluż bil-bini ta’ skejjel ġodda fit-tramuntana ta’ Malta u f’Għawdex u t-tieni billi l-kulleġġi jisaħħu u jingħataw aktar awtonomija u tiġi ristritturata d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.  Louis Galea qal li diġa’ ttieħdu diversi passi biex kemm jista jkun malajr din il-viżjoni tkun tista tintlaħaq.    

Ix-xogħol ta’ skavar għall-iskola l-ġdida f’Hal Qormi beda kmieni din is-sena u hu mistenni li x-xogħol ta’ kostruzzjoni jkun lest kmieni is-sena d-dieħla (2007).  L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett tikkonsisti fil-bini ta’ l-iskola l-ġdida u għal dan l-iskop twaqqat waħda mill-huts u beda x-xogħol ta’ skavar f’parti mill-iskola fejn qabel kien hemm faċilitajiet sportivi.  Matul dan is-sajf il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada lestiet l-ewwel fażi tal-faċilitajiet sportivi biex b’hekk issa l-istudenti għandhom aktar faċilitajiet milli kellhom qabel.    

Minkejja li qed tinbena skola kompletament ġdida biswit il-Junior Lyceum Mikiel Anton Vassalli it-tagħlim f’din l-iskola baqa għaddej b’mod mill-aktar normali.  Biex dan seta jseħħ il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada flimkien ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-iskola ħadu l-passi kollha meħtieġa biex is-sit fejn qed isir ix-xogħol ikun kompletament mifrud mill-iskola u jittieħdu l-miżuri kollha biex ix-xogħol ma jtellifx mit-tagħlim ta’ l-istudenti.   

Meta titlesta l-iskola se jibda x-xogħol fuq l-immodernizzar sħiħ tal-Junior Lyceum eżistenti u fuq il-bini ta’ triq ġdida biex it-traffiku ma jibqax għaddej minn ġo l-iskola kif ukoll biex isir il-parkeġġ meħtieġ.  L-ispazju jippermetti li  jkun hemm żewġ skejjel moderni biswit xulxin li jkunu jistgħu jagħmlu użu minn faċilitajiet komuni.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow