IL-BINI TA’ L-ISKOLA SEKONDARJA F’ĦAL-QORMI MIEXI B’RITMU MGĦAĠĠEL
Diġà tlesta aktar minn 50 % tal-bini ta’ l-iskola sekondarja l-ġdida li qed jibni l-Gvern f’Ħal Qormi biswit il-Junior Lyceum Mikiel Anton Vassalli filwaqt li hu mistenni li fil-bidu ta’ Novembru jibda x-xogħol mekkaniku u elettriku. Il-Gvern qed jinvesti tliet miljun lira Maltin f’din l-iskola u hu ppjanat li tkun lesta sena u nofs oħra. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal dan waqt żjara li għamel fuq is-sit ta’ l-iskola l-ġdida li hi t-tieni skola l-ġdida li qed tibni l-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ Għada bħala parti mill-proġett ambizjuz tal-Gvern biex sa’ l-2010 jinbnew l-iskejjel li hemm bżonn u jiġu mmodernizzati l-iskejjel kollha ta’ l-istat.
L-iskola ser tkun mgħammra b’apparat sofistikat u b’qisien ta’ klassijiet adekwati, kif jixraq lill-istudenti. Din l-iskola ser tipprovdi 12,000 metru kwadru ta’ kmamar għat-tagħlim, mifruxa fuq erba’ sulari, għal massimu ta’ elf student. Ser ikollha mhux inqas minn erbgħin klassi, tmien laboratorji tax-xjenza u sebgħa oħra tat-teknoloġija edukattiva, sitt laboratorji tal-kompjuter, klassijiet speċjali għat-tagħlim tad-drama, mużika, arti u ċeramika, studji ambjentali, tisjir, guidance, klinika, kappella, librerija, uffiċini għall-kapijiet u l-amministrazzjoni, kmamar għall-laqgħat, kif ukoll sala multipurpose, fost l-oħrajn.
L-iskola ser tkun aċċessibbli kompletament għall-persuni b’diżabilita’ u ser tkun mgħammra b’lifts apposta. Ser ikollha wkoll parkeġġ li jesgħa iktar minn 100 karozza. Id-disinn u l-materjali li ser jintużaw fil-bini ser jirrispetta l-ambjent, kemm f’dak li hu riċiklaġġ, u kif ukoll fl-użu ta’ enerġija alternattiva. Biswit l-iskola ser isir sports ground miksi b’turf artifiċjali u faċilitajiet sportivi oħra.
Meta titlesta din l-iskola se tkun parti minn Kulleġġ li jkun jiġbor fih l-iskejjel primarji ta’ Ħal Luqa, Ħal Qormi - San Ġorġ, Ħal Qormi - San Bastjan, Siġġiewi, u Ħaż-Żebbuġ u l-iskejjel sekondarji Dun Karm Psaila – Żebbuġ, Ġuże’ Galea – Qormi u Maria Regina - Blata l-Bajda. Il-Ministru Galea qal li l-esperjenza tal-Kulleġġi fis-sena skolastika li għaddiet uriet li l-Kulleġġi joffru potenzjal bil-bosta superjuri għal skejjel li jaħdmu ndividwalment kif ġara sal-lum. Hu qal li minn din is-sena l-iskejjel kollha ta’ l-istat ġew minsuġa f’għaxar kulleġġi, it-tlieta li bdew joperaw mis-sena skolastika li għaddiet, erba’ oħra li jibdew joperaw minn din is-sena skolastika, u tlieta oħra li mistennija jibdew joperaw f’qasir żmien.
Il-Ministru qal li biex il-viżjoni tas-sistema tal-kulleġġi tintlaħaq għad fadal ħafna x’isir l-ewwel nett biex ikun hawn l-iskejjel kollha li hemm bżonn inkluż bil-bini ta’ skejjel ġodda fit-tramuntana ta’ Malta u f’Għawdex u t-tieni billi l-kulleġġi jisaħħu u jingħataw aktar awtonomija u tiġi ristritturata d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Louis Galea qal li diġa’ ttieħdu diversi passi biex kemm jista jkun malajr din il-viżjoni tkun tista tintlaħaq.
Ix-xogħol ta’ skavar għall-iskola l-ġdida f’Hal Qormi beda kmieni din is-sena u hu mistenni li x-xogħol ta’ kostruzzjoni jkun lest kmieni is-sena d-dieħla (2007). L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett tikkonsisti fil-bini ta’ l-iskola l-ġdida u għal dan l-iskop twaqqat waħda mill-huts u beda x-xogħol ta’ skavar f’parti mill-iskola fejn qabel kien hemm faċilitajiet sportivi. Matul dan is-sajf il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada lestiet l-ewwel fażi tal-faċilitajiet sportivi biex b’hekk issa l-istudenti għandhom aktar faċilitajiet milli kellhom qabel.
Minkejja li qed tinbena skola kompletament ġdida biswit il-Junior Lyceum Mikiel Anton Vassalli it-tagħlim f’din l-iskola baqa għaddej b’mod mill-aktar normali. Biex dan seta jseħħ il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada flimkien ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-iskola ħadu l-passi kollha meħtieġa biex is-sit fejn qed isir ix-xogħol ikun kompletament mifrud mill-iskola u jittieħdu l-miżuri kollha biex ix-xogħol ma jtellifx mit-tagħlim ta’ l-istudenti.
Meta titlesta l-iskola se jibda x-xogħol fuq l-immodernizzar sħiħ tal-Junior Lyceum eżistenti u fuq il-bini ta’ triq ġdida biex it-traffiku ma jibqax għaddej minn ġo l-iskola kif ukoll biex isir il-parkeġġ meħtieġ. L-ispazju jippermetti li jkun hemm żewġ skejjel moderni biswit xulxin li jkunu jistgħu jagħmlu użu minn faċilitajiet komuni.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958