SKEMA TA’ SUSSIDJU FUQ TADAM IPPROĊESSAT
Id-Direttur ta' l-Agrikultura javża li dawk il-bdiewa u l-għaqdiet tal-produtturi li din is-sena kienu rreġistraw fl-uffiċċju ta' l-IACS (Integrated Administration and Control System) biex jirċievu s-sussidju fuq it-tadam għall-ipproċessar għandhom jagħmlu applikazzjoni għall-ħlas ta' dan is-sussidju. Dawk il-bdiewa li huma mseħbin f’xi għaqda tal-produtturi (producer organisation) li kellha kuntratt ma’ xi Proċessur m’hemmx għalfejn japplikaw għax l-applikazzjoni ssir mill-għaqda tal-produtturi.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu fi Block C, Ċentru ta' Riċerka u Żvilupp, Għammieri, fil-każ ta’ Malta u fil-Fergħa ta' l-Agrikultura (IACS), Dipartiment għall-Proġetti u Żvilupp, fil-każ ta’ Għawdex. Il-formoli jinkisbu mill-uffiċċju fejn issir l-applikazzjoni.
L-uffiċjali tal-Gvern jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa lill-applikanti biex timtela l-formola ta' l-applikazzjoni. Biex jitħaffef ix-xogħol, importanti li l-applikanti jieħdu magħhom:
· l-irċevuta ta' l-applikazzjoni ta' l-IACS fil-każ ta’ bdiewa li mhux imseħbin f’għaqda tal-produtturi;
· kopja tal-kuntratt/i (u ta' xi estensjonijiet) li sar mal-proċessur/i;
· għal kull kuntratt, dikjarazzjoni ffirmata mill-proċessur li turi l-kwantità totali ta' tadam aċċettat għall-ipproċessar;
· il-karta ta' l-identità tal-produttur jew tar-rappreżentant legali fil-każ ta’ għaqda tal-produtturi;
· in-numru tal-VAT;
· fil-każ ta’ għaqda tal-produtturi, lista sħiħa tal-membri bil-kwantità ta’ tadam li kull wieħed issuplixxa.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu sat-30 ta' Novembru, 2006. F'każ ta' applikazzjonijiet li jaslu wara din id-data, is-sussidju dovut jitnaqqas b'wieħed fil-mija għal kull ġurnata ta' dewmien. Id-dritt għas-sussidju jintilef jekk id-dewmien ikun ta' aktar minn 15-il ġurnata. Id-Direttur ta’ l-Agrikultura jixtieq jagħmilha ċara li ma tiġi milqugħa ebda applikazzjoni wara l-15 ta’ Diċembru, 2006.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958