DISKORS TAS-SINJURIJA TIEGĦU L-PRIM IMĦALLEF DR VINCENT DE GAETANO FL-OKKAŻJONI TAL-BIDU TAS-SENA FORENSI 2006-2007
Eċċellenza, Onorevoli Segretarju Parlamentari, Kollegi Imħallfin u Maġistrati, Prim Imħallfin Emeriti, Sur President tal-Kamra, Sur Avukat Ġenerali, Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, Sinjuri:
Bħal kull sena f’dawn l-aħħar snin, l-okkażjoni tal-lum isservi biex niskambjaw ftit ħsibijiet – inti, Sur President tal-Kamra, u jien. Aktar milli “niskambjaw” – għax din il-kelma xi ftit jew wisq timplika jew tissuġġerixxi djalogu, li ovvjament bħalissa u f’din l-awla jien u int ma nistgħux nidħlu fih – forsi wieħed jista’ juża l-kelma “nesprimu”.
Nesprimu l-ħsibijiet tagħna ta’ kif xi affarijiet jistgħu jkunu aħjar u anke l-preokkupazzjonijiet tagħna dwar kif u għala xi affarijiet oħra ma għamlux progress. Dan kollu nagħmluh fi spirtu ta’ għajnuna reċiproka, u anke bħala konsegwenza ta’ djalogu li jkun diġa` seħħ bejn il-professjoni legali u l-Ġudikatura jew in antiċipazzjoni ta’ djalogu li jkun awspikat li jibda bejnietna dwar xi suġġett jew materja partikolari; u dan peress li aħna l-lkoll – l-avukati li inti tirrapreżenta u l-prokuraturi legali, u aħna l-membri tal-Ġudikatura – qegħdin hawn biex naraw kif dejjem nistgħu nagħtu servizz aħjar lil min jitlob l-għajnuna tagħna minkejja r-riżorsi limitati a dispożizzjoni ta’ kulħadd.
Din is-sena ser nagħmel sforz aktar mis-soltu biex nipprova ma ntawwalx. Naf li f’dawn l-aħħar tlett snin din kienet ukoll l-intenzjoni tiegħi, u li allura l-intenzjoni ma twettqitx fil-prattika, iżda din is-sena verament bi ħsiebni nkun fil-qosor anke peress li mhux sew li fil-Qorti ta’ l-Appell ġieli nfakkar lill-avukati fil-massima vir sapit qui pauca loquitur biex imbagħad jien stess ma nosservax it-twissija impliċita f’dawn il-kliem.
L-ewwel ħsieb tiegħi din is-sena ma jistax ma jkunx għall-kompożizzjoni l-ġdida tal-bank ta’ l-Imħallfin. Qed nirreferi naturalment għal dak li inti wkoll, Sur President, irriferejt għalih u cioe` għaż-żewġ Imħallfin nisa. S’intendi, persuna ma tikkwalifikax biex issir membru tal-ġudikatura sempliċement minħabba l-fatt li hija mara – cioe` b’effett ta’ dak li komunement jissejjaħ positive gender discrimination – iżda l-ewwel u qabel kollox tikkwalifika biex issir membru tal-ġudikatura għax tkun kwalifikata daqs l-irġiel li jkunu disponibbli għall-kariga fiż-żmien meta dik il-kariga tkun ser timtela. S’intendi, imbagħad ikun hemm id-deċiżjoni politika dwar il-ħatra. Ftit wara l-ħatra tas-Sinjuri Imħallfin Lofaro u Felice, diversi avukati avviċinawni u qaluli li kienu qed jobsru li waħda jew oħra miż-żewġ Imħallfin nisa, jew possibilment it-tnejn, kienu ser jiġu assenjati xogħol fil-Qorti tal-Familja.
Ir-reazzjoni tiegħi għal tali suġġeriment kienet waħda pjuttost bruska: m’inix lest li anqas biss nikkonsidra li għax Imħallef hija mara allura hija b’xi mod aktar indikata għal dik il-qorti milli għal xi qorti oħra. Tali premessa, fil-fehma tiegħi, tkun tammonta għal forma ta’ preġudizzju fil-konfront ta’ ġudikanti nisa, u forma ta’ diskriminazzjoni. Ġudikanti nisa fil-Qorti tal-Maġistrati diġa` wrew li huma adatti u adattabbli għall-ispectrum kollu tax-xogħol f’dik il-Qorti, u għalhekk ma hemm ebda raġuni għala wieħed għandu jassumi li Imħallfin nisa huma aktar jew anqas adatti għal xi qorti partikolari mill-kollegi tagħhom irġiel.
Għalhekk iddeċidejt li l-Imħallfin Lofaro u Felice jiġu assenjati xogħol fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, naturalment b’dawk il-modifiki żgħar li normalment dejjem nagħmlu għal dak li hu tqassim ta’ xogħol f’dik il-Qorti fil-konfront ta’ Imħallfin ġodda sakemm dawn jilħqu jaġġustaw il-kalendarju tagħhom tax-xogħol.
Iż-żewġ kollegi nisa fuq il-bank ta’ l-Imħallfin iġibu n-numru effettiv ta’ Imħallfin illum (bija magħdud) għal 19. Pero` din iż-żieda hija, għall-anqas in parti, waħda temporanja, u hija ntiża, in kwantu għal waħda mill-Imħallfin il-ġodda, biex isir dak li kemm jien kif ukoll diversi predeċessuri tiegħi dejjem insistejna li għandu jiġri, u cioe` li persuna tiġi nominata biex tirrimpjazza numerikament ġudikant li jkun ser jirtira qabel ma dak il-ġudikant jirtira u mhux wara li jkun effettivament irtira. Kif inhu risaput, l-Imħallef Anton Depasquale jirtira bl-eta` massima f’Jannar li ġej. Kwantu għall-Imħallef l-oħra, iż-żieda fin-numru kienet preċipitata in parti minn sitwazzjoni, li sfortunatament kont aċċennajt għaliha diversi drabi, ta’ meta, minħabba ċirkostanzi li fuqhom ma jkollu kontroll ħadd, fosthom mard, ix-xogħol jinċampa.
Dak li għidt is-sena l-oħra dwar il-ħtieġa ta’ żieda fin-numru ta’ ġudikanti – speċjalment fost il-Maġistrati – u speċjalment meta wieħed iqabbel is-sitwazzjoni f’Malta ma’ dik ta’ diversi pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, għadu jgħodd, u għalhekk mhux ser noqgħod nirrepetih. Ngħid biss li min jaħseb li l-problema hija ta’ tqassim ta’ xogħol u mhux ta’ nuqqas ta’ nies biex iwettqu dak ix-xogħol b’mod effiċjenti, hu żbaljat. Min verament jaħseb hekk hu mistieden li mhux jagħmel kummenti ġeneriċi u jieqaf sa hemm, iżda li jagħmel suġġerimenti konkreti, u nassigurah li jirċevi mingħandi l-attenzjoni sħiħa tiegħi.
Problema li kulħadd jirrikonoxxi fir-reklutaġġ ta’ Imħallfin u Maġistrati, speċjalment ta’ Imħallfin u Maġistrati ta’ eta` mhux żgħira u li għalhekk ikollhom esperjenza konsiderevoli b’mod partikolari f’oqsma speċjalizzati, hija dik tal-pensjoni. Mhux bi ħsiebni nidħol f’dettalji dwar din il-kwistjoni. Biżżejjed nissottolinea li kemm il-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta’ l-Ewropa kif ukoll il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja diġa` esprimew ma’ l-Eżekuttiv il-fehma tagħhom dwar din il-problema, b’din ta’ l-aħħar – cioe` l-Kummissjoni – tippreżenta aktar kmieni din is-sena Memorandum dettaljat kif ukoll rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Gvern. Aktar ma l-Gvern ser idum biex jaffronta din il-problema tal-pensjoni tal-membri tal-ġudikatura aktar il-problema tar-riżorsi umani sejra taggrava.
Nagħmilha ċara li l-Ġudikatura ma tippretendix xi trattament speċjali bħala xi forma ta’ privileġġ – il-Ġudikatura anke f’din il-kwistjoni tippretendi biss li l-Eżekuttiv u l-Leġislatura jirrikonoxxu r-rwol uniku u fondamentali li hija għandha fil-ħarsien tad-drittijiet kemm tal-kollettivita` kif ukoll taċ-ċittadin individwali, drittijiet li jridu jitħarsu wkoll kontra l-inġerenza u l-indħil mill-Istat jew l-organi tiegħu. Konsegwentement it-tisħiħ tal-Ġudikatura permezz tat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fosthom li tiġi assigurata pensjoni deċenti, ma jistax ħlief jissarraf f’garanziji aħjar għaċ-ċittadin li jiġi bżonn jew jista’ jiġi bżonn is-servizzi tas-sistema ġudizzjarju.
Reċentement, fil-kuntest ta’ aktar riformi li qed jiġu proposti fil-liġijiet tal-proċedura, issemmiet minnek, Onorevoli Sergretarju Parlamentari – u għaliha aċċenna wkoll il-President tal-Kamra fid-diskors tiegħu -- it-twaqqif ta’ sezzjoni tal-Qorti Ċivili li titratta kawżi dwar proprjeta`. Jiena diġa` kelli okkażjoni nfisser, kemm lilek kif ukoll pubblikament, li personalment ma nara xejn ħażin li jkun hemm sezzjonijiet oħra tal-Qorti Ċivili oltre’ dawk ġa eżistenti, cioe` s-Sezzjoni tal-Familja, Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja u Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni Ġenerali ossia l-Prim’ Awla.
Is-sezzjonijiet jistgħu jservu biex il-ġudikant ikun aktar iffokat u speċjalizzat fuq tip ta’ kawżi b’mod li jkun jista’ jiddisponi minnhom b’mod aktar effiċjenti. Sezzjoni li llum personalment nara l-bżonn tagħha aktar minn dik dwar il-proprjeta` hija dik dwar kawżi kummerċjali u dawk fil-qasam marittimu. Illum in-negozju, speċjalment fejn jidħol l-aspett internazzjonali u allura ħafna drabi jidħlu kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, jeħtieġ riżoluzzjoni tal-vertenzi fi żmien mill-aktar qasir. Minkejja l-arbitraġġi u, safejn applikabbli, il-medjazzjonijiet fi kwistjonijiet ta’ natura kummerċjali, jibqa’ l-fatt li dawk il-kawżi li jibqgħu quddiem il-qrati ordinarji għandhom jingħataw trattament speċjali proprju fl-interess ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Għalhekk, salv li jkun hemm l-infrastruttura meħtieġa kemm għal dak li huwa numru ta’ ġudikanti u assistenti ġudizzjarji kwalifikati – u l-problema tar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji full time hija waħda serja ħafna – kif ukoll għal dak li huwa staff imħarreġ fir-reġistri, l-idea tas-sezzjonijiet hija waħda li tagħmel ħafna sens, kif tajjeb osserva l-President tal-Kamra. Hekk ukoll wieħed jista’ jirreferi għal kawżi li jinvolvu element ta’ dritt amministrattiv.
F’dan il-kuntest nirrepeti li l-fehma ta’ Ġudikatura hija li ma hemm xejn ħażin li jkun hemm Qorti Amministrattiva jew addirittura Kodiċi Amministrattiv, basta li din tkun sezzjoni tal-Qorti Ċivili jew Qorti b’Imħallef ordinarju, assenjat bil-proċedura normali biex joqgħod f’dik il-qorti, u għalhekk mhux qorti “ad hoc” fejn il-Gvern ikun jista’ jimmanuvra biex ikollu ġudikant jew ġudikanti f’din il-qorti li forsi jkunu aktar disposti li jħarsu favorevolment lejn it-teżi tiegħu fir-relazzjonijiet u kontroversji li jkollu maċ-ċittadin. Inoltre, nappella biex ma jkunx hemm għaġġla żejda meta wieħed jiġi biex jipproponi l-emendi meħtieġa jew biex jiddiskutihom fil-Parlament. Wisq nibża’ li ideat tajba – u nagħmilha ċara li kien hemm ħafna ideat tajba li ġew proposti f’forma ta’ emendi fil-liġijiet sostantivi u proċedurali f’dawn l-aħħar snin – ideat tajba jispiċċaw abbozzati b’mod li, minħabba li wieħed ma jkunx ra l-implikazzjonijiet kollha, ikunu jew jistgħu jkunu kontro-produċenti.
Eżempju ċar ta’ dan huma s-subartikoli (4A), (4B) u (4Ċ) ta’ l-Artikolu 546 tal-Kodiċi Kriminali li jikkonċernaw inkjesti dwar l-in genere meta d-denunzja jew il-kwerela lill-Maġistrat ma jkunux saru mill-Pulizija jew mill-Avukat Ġenerali. Il-Gvern ippropona li jkun hemm forma ta’ verifika fuq denunzji jew kwereli li jsiru lill-Maġistrat ta’ l-Għassa biex jiġi assigurat li jkun hemm dejjem il-presupposti legali kollha għall-inkjesta dwar l-in genere u mhux li wieħed jinqeda b’din il-proċedura biex, indirettament, jippreċipita inkjesta li proprjament għandha tkun regolata bl-Att dwar l-Inkjesti u, mhux bil-Kodiċi Kriminali.
Il-proposta tal-Gvern, jekk niftakar sew, kienet li l-verifika ssir amministrattivament mill-Prim Imħallef. Kien hemm min ma qabilx li l-Prim Imħallef għandu jagħti l-fiat tiegħu biex tali inkjesta timxi ‘l quddiem. Sa hawn hekk ma ġara xejn, anzi j’Alla li jkun hemm ħafna nies li joġġezzjonaw meta jkun ser jiżdiedli x-xogħol. Kulħadd, pero`, kien jaqbel li d-dritt li ċ-ċittadin għandu li jirrikorri direttament għand il-Maġistrat ta’ l-Għassa biex dan, jekk ikun il-każ, jippreċipita inkjesta dwar l-in genere kien dritt importanti, dritt li ma kienx espressament imniżżel fil-liġi, iżda li kien ġie rikonoxxut kemm bil-prassi tal-Maġistrati kif ukoll bil-ġurisprudenza.
Wisq nibża’ li fil-għaġġla biex wieħed jipprova jeskoġita sistema ta’ verifika li ma jkunx jirrikjedi l-intervent tal-Prim Imħallef, spiċċa biex inqered, jew għall-anqas ġie limitat ħafna, id-dritt taċ-ċittadin li jirrikorri direttament għand il-Maġistrat ta’ l-Għassa. Hekk illum, iċ-ċittadin li jġib a konjizzjoni tal-Maġistrat ta’ l-Għassa denunzja jew kwerela hu tenut jindika b’mod ċar il-persuna suspettata – meta fil-ġeneralita` tal-każijiet l-iskop kollu ta’ inkjesta dwar l-in genere huwa proprju biex wieħed jipprova jasal għal min ikun ikkommetta r-reat li jkun ħalla traċċi materjali. X’jiġri, allura, meta ċ-ċittadin ma jkunx jaf min seta’ kkommetta r-reat li tiegħu ikun jaf li hemm traċċi materjali, jew ma jkun jissuspetta f’ħadd? Mhux hekk biss, imma s-subartikolu (4A) jirrikjedi li d-denunzja jew il-kwerela tiġi notifikata lis-suspettat qabel ma’ l-Maġistrat jibda jaġixxi, u li dan, ċioe` s-suspettat, jingħata żmien biex iwieġeb għaliha – wieħed ma jridx ikollu wisq immaġinazzjoni biex jifhem li b’tali notifika jekk l-għasfur ikun jeżisti, dan ser itir kif appena tasal in-notifika. U jekk il-Maġistrat jiddeċiedi, wara li jkun sema’ lis-suspettat, li jipproċedi bl-inkjesta dwar l-in genere, is-suspettat jista’ jappella lill-Qorti Kriminali – li inċidentalment, skond l-arranġamenti preżenti, joqgħod ukoll fiha l-Prim Imħallef.
Proċedura aktar Biżantina minn din, meta si tratta ta’ investigazzjonijiet fejn, kif jingħad bl-Ingliż, time is of the essence, diffiċilment hija konċepibbli. Din il-proċedura, kif diġa` osservajt, prattikament iġġib fix-xejn id-dritt taċ-ċittadin li jadixxi direttament lill-Maġistrat ta’ l-Għassa biex dan jippreċipita inkjesta dwar l-in genere. Mhux hekk biss, imma s-subartikolu (4Ċ) jirrikjedi li l-Maġistrat li jikkonduċi tali inkjesta jingħażel bil-polza minn fost il-Maġistrati kollha. Ebda spazju ma tħalla għal case management: l-inkjesta tista’, per eżempju, tmiss bil-polza lil Maġistrat li hu mgħobbi bix-xogħol u dan ikollu jew jieqaf minn xogħol ieħor jew jibqa’ għaddej biex jagħmel inkjesta possibilment nofs leħja.
Għalhekk nerġa’ nappella biex l-emendi u r-riperkussjonijiet ta’ kull emenda jiġu studjati sew biex ideat tajbin ma jisfawx aktar ta’ inċamp lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja milli ta’ għajnuna għaliha. Huwa vitali li l-emendi fil-liġijiet ma jinfatmux mir-realtajiet tas-sitwazzjoni, inklużi l-limitazzjonijiet ta’ riżorsi umani, li fiha l-avukati u l-Imħallfin iridu jaħdmu.
Sur President tal-Kamra, inti semmejt, u ġustament, il-kwistjoni ta’ l-uniformita` fit-tmexxija tal-kawżi ċivili fil-prim’ istanza. Sfortunatament ix-xogħol li kien awspikat li jitlesta fis-sessjoni li għaddiet dwar ir-rules of court f’dan ir-rigward għadu ma tlestix, għalkemm nista’ nassigura li sar progress konsiderevoli. Fil-fatt ġara li meta s-Segretarju Parlamentari u jien rajna d-diversi rules of court kif ukoll id-diversi regolamenti taħt il-Kapitolu 12 maħruġa direttament mill-Ministru tal-Ġustizzja, u li xi wħud minnhom jirrikjedu tibdiliet anke minħabba emendi li saru fil-liġi prinċipali, deherilna li jkun aħjar li dawn jiġu riveduti kollha u li jkun hemm konsolidament tagħhom f’dokument wieħed. Fil-fatt tqabbad avukat ta’ esperjenza biex ihejji x-xogħol preliminari ta’ konsolidament, u nista’ nassigurak, Sur President, li għal dak li jirrigwarda r-rules of court u kif dejjem għamilt, dawn ma jiġux proposti quddiem il-Bord li Jagħmel ir-Regoli qabel ma jkunu ġew diskussi fid-dettall kemm mal-Kamra ta’ l-Avukati kif ukoll mal-bank tal-Ġudikatura.
Sur President, sinjuri: ix-xogħol tal-Qorti ma hux faċli, la għall-ġudikant u lanqas għall-avukat li jrid jikkonduċi l-litigazzjoni u jipprova jistrada u jikkonvinċi lill-qorti favur it-teżi tiegħu, u maż-żmien qed isir aktar diffiċli b’liġijiet ġodda, inklużi dawk ta’ l-Unjoni Ewropea, li jirrikjedu studju u speċjalizzazzjoni. Għalkemm wieħed jista’ forsi jħares b’nostalġija lejn iż-żmien ta’ meta kont student jien, meta allura jekk kont tkun taf sew il-liġi kontenuta f’erbgħa mill-ħames kodiċijiet – għax il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija dejjem kien meqjus bhala Kodiċi ta’ importanza sekondarja għall-avukat – kont tista’ tintefa’ biex taħdem b’ruħek u b’ġismek ta’ avukat, jiena nemmen ukoll li liġijiet ġodda li jkunu meħtieġa minħabba realtajiet soċjali ġodda jġibu magħhom sfidi li kemm l-avukat u l-prokuratur legali Malti kif ukoll il-ġudikant Malti kapaċi jaffrontaw. F’dan il-kuntest ma nistax ma nsemmix ix-xogħol tal-Judical Studies Committee, immexxi mill-Imħallef Joseph David Camilleri u bil-għajnuna tal-Maġistrat Silvio Meli, li kompla bl-isforzi tiegħu biex jistabilixxi programmi sodi ta’ taħriġ u aġġornament għall-membri tal-Ġudikatura kif ukoll li jistabilixxi kuntatti ma’ barra minn Malta bil-għan li membri tal-Ġudikatura jkunu jistgħu jattendu seminarji u konferenzi dwar suġġetti konnessi intimament max-xogħol tagħhom.
Jiena konvint li jekk, bħalma ppruvajna dejjem nagħmlu sa issa, ikun hemm djalogu sinċier u korrett bejn il-partijiet kollha interessati – l-avukati u l-prokuraturi legali, il-Ġudikatura u l-Ministeru responsabbli mill-Ġustizzja – u li kull parti tipprova tifhem aħjar lill-oħra, għandna naslu biex, bil-għajnuna t’Alla, inkomplu nagħmlu ħaqq skond is-sewwa – kif jingħad fuq l-emblema tal-Ġudikatura, iustum iudicium iudicate – filwaqt li nkomplu nfittxu sistemi u metodi dejjem aktar effiċjenti ta’ kif dan nagħmluh.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958