INVESTIMENT TA’ LM200,000 F’BOROŻ TA’ STUDJU MILL-GVERN MALTI
Il-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi ppreżenta l-boroż ta’ studju lil numru ta’ studenti Maltin li se jsegwu korsijiet u jagħmlu riċerka fil-livell ta’ Masters u Dottorat (Ph.D). Għal din l-okkażjoni, li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, attendew ukoll il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea, il-Ministru għall-Kompetittività u Komunikazzjoni, Censu Galea, u s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech.
Il-Prim Ministru Gonzi qal li Malta tħares b’fiduċja lejn l-isfidi li tpoġġi d-dinja ta’ madwarna, u tagħraf biċ-ċar li biex soċjeta’ tagħmel progress u l-ekonomija tissaħħaħ, bilfors irid ikun hemm investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. “Huma l-imħuħ kreattivi u innovattivi taċ-ċittadini Maltin li jassiguraw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali,” qal Lawrence Gonzi.
Lawrence Gonzi faħħar l-interess muri f’din l-iskema. B’kollox applikaw mal-104 student. Kien hemm aktar minn 60 li kienu eliġibbli u dawn ġew intervistati minn Bord ta’ Għażla mwaqqaf apposta għall-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proposti għall-scholarships imressqa mill-applikanti.
Il-Prim Ministru qal li din hi okkażjoni importanti għall-Malta, fejn studenti ser jibdew vjaġġ ta’ speċjalizazzjoni f’oqsma differenti fosthom l-inġinerija, ix-xjenza, il-mediċina, il-psikoloġija, it-teknoloġija tal-konkrit, il-litteriżmu u l-bilingwiżmu, id-drittijiet umani, l-obeżità, id-dislessia, is-sigurta` ta’ l-informazzjoni fuq il-kompjuter, il-letteratutra Ingliża, il-liġi, s-saħħa publika, il-mużika, l-interpretazzjoni, u l-awtiżmu.
“Il-Gvern Malti qiegħed jinvesti fi studenti permezz ta’ numru ta’ scholarships biex jispeċjalizzaw f’dawn l-oqsma permezz ta’ riċerka, żvilupp u tagħlim, f’universitajiet barra minn Malta kif ukoll fl-Università ta’ Malta. Din is-sena, għall-ewwel darba 16-il raġel u 19-il mara, ta’ etajiet varji, se jibdew il-vjaġġ edukattiv tagħhom fil-livell ta’ Masters u Dottorat (Ph.D.), b’riżultat ta’ skema li nieda l-Gvern Malti fil-budget ta’ din is-sena fejn ġew allokati Lm200,000 f’boroż ta’ studju.”
Il-Prim Ministru spjega kif dan l-investiment fl-iżvilupp tal-kapaċità u l-ħiliet ta’ dawn l-istudenti huwa sinjal ċar ieħor tal-fiduċja li l-Gvern għandu fil-potenzjal ta’ dawk kollha li llum qed jiġu mogħtija din il-borża ta’ studju. “Jekk wieħed iħares lejn l-iżvilupp fil-qasam edukattiv f’pajjiżna huwa ċar daqs il-kristall kemm mxejna passi kbar; minn edukazzjoni obbligatorja fil-livell primarju, għal edukazzjoni obbligatorja fil-livell sekondarju, għal ftuħ u aċċessibiltà għal kulħadd fil-livell post-sekondarju, vokazzjonali u terzjarju, u aktar riċenti saru wkoll passi ’l quddiem f’dik li nsejjħu edukazzjoni tul il-ħajja.
“Il-fatti juru kemm il-poplu Malti tgħallem jinvesti fl-edukazzjoni” qal Lawrence Gonzi. Il-fatti juri kemm qed nimxu ’l quddiem b’ritmu sod u tajjeb. Il-Prim Ministru semma kif qed jiġi rreġistrat tnaqqis fl-ammont ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel it-tmintax-il sena. Fis-sena 2000 madwar 54% (54.2%) ta’ l-istudenti li ma komplewx jistudjaw wara 18-il sena, filwaqt li fl-2005 dan naqas għall-44.5%.
Fis-sena 1999 kien hemm 43% ta’ l-istudenti ta’ 17-il sena qed jkomplu bl-istudju tagħhom, waqt li fis-sena 2005 dawn telgħu għal 69%. Dan ifisser li kważi 7 minn kull 10 żgħażagħ ta’ l-età ta’ 17-il sena llum qegħdin ikomplu bl-istudju u t-taħriġ tagħhom wara li jkunu temmew l-edukazzjoni obligatorja. Fis-sena 1994 kellna ftit anqas minn 11,000 (10,648) student jipparteċipaw f’korsijiet fullu part time fil-livell ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla. Dawn telgħu għal ftit aktar minn 19,000 (19,057) fl-2004.
Fl-MCAST din is-sena kellna aktar minn 6,000 (6,175) student fuq bażi full u part time. L-ispiża rikorrenti għall-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja fl-1999 kienet ta’ kwazi Lm 23 miljun lira (Lm22,835,313), waqt li fl-2005 telgħet għal aktar minn Lm 30 miljun lira (Lm30,284,000). F’Settembru tas-sena l-oħra, il-Gvern impenja ruħu biex iżid l-ispiża fuq riċerka nazzjonali u żvilupp għal minn Lm 500,000 din is-sena għal Lm 4.5 miljun sa’ l-2010. Fis-sena 2005, l-ispiża totali tal-Gvern f’dan il-qasam kienet ta Lm 3.7 miljun u ġew kreati ma’ l-1000 impjieg. Din il-figura turi żieda ta’ 6.2% fuq l-ispiża ta’ l-2004.
Il-Prim Ministru sostna li dan kollu huwa sinjal li l-poplu Malti u Għawdxi jifhem li biex jgħix ħajja ta’ kwalità, biex jgħix ħajja aħjar u jtejjeb il-livell ta’ għixien, l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta. Il-poplu Malti qiegħed jagħraf li nazzjon li jkollu sistema ta’ edukazzjoni mill-aqwa jkun ukoll nazzjon bl-aħjar vantaġġi u ċans qawwi ta’ suċċess fil-ħajja. “Il-Maltin qiegħdin jagħrfu dejjem aktar li l-edukazzjoni u t-taħriġ ma jistgħux jieqfu meta persuna tikkwalifika ruħha f’xi suġġett jew professjoni, imma l-proċess ta’ tagħlim għandu jkun impenn tul il-ħajja ta’ kull ċittadin” qal Lawrence Gonzi.
Lawrence Gonzi saħaq li l-miri u l-istrateġija ta’ pajjiżna għall-progress soċjali u ekonomiku jistrieħu fuq l-għerf, il-ħiliet u l-innovazzjoni taċ-ċittadini Maltin. Dawn huma l-bażi li fuqhom nistgħu nibnu l-ġid u s-saħħa soċjali ta’ pajjiżna. Is-sistema tagħna ta’ edukazzjoni u taħriġ avvanzati u ogħla huma għalhekk bħaċ-ċavi fil-bini t’arkata, jiġifieri l-parti ċentrali fl-infrastruttura nazzjonali biex inkunu nistgħu nilqgħu l-isfidi tad-dinja tal-lum.
F’Malta jidher ċar li rridu naraw l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala investiment u mhux piż finanzjarju. Malta għandha l-kapaċità li jkollha attività soda ta’ riċerka u innovazzjoni. B’viżjoni sostennibli, tmexxija ċara u riżorsi addattati dan il-iskop jista’ jintlaħaq. Wieħed irid jiftakar li Malta għandha l-istejjer ta’ suċċess tagħha fid-dinja tar-riċerka bħal fl-ICT u s-servizzi finanzjarji.
“L-isfida tal-Gvern u ta’ l-istituzzjonijiet hija li nassiguraw li s-sistema tagħna ta’ edukazzjoni ogħla għandha l-kapaċità li tkun dinamika biex taġġixxi għal dawn il-bidliet. Il-Gvern hu impenjat li jkompli jagħti l-ogħla priorità lill-edukazzjoni u li jaħdem ħalli l-istrutturi u l-istituzzjonijiet jissaħħu biex jilqgħu għal numri akbar u kwalità dejjem aħjar,” spjega l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministu għalaq billi awgura lill-istudenti suċċess fil-korsijiet u r-riċerka tagħhom. “L-isfida li għandkom intkom, studenti li qed tirċievu din il-fiduċja mill-poplu Malti, hija li twettqu programmi ta’ riċerka u tagħlim fejn tiżviluppaw ħiliet li fl-aħħar mill-aħħar iservu biex itejbu u jaqdu l-ħtigijet tas-soċjetà tagħna. Din l-okkażjoni hija simbolu tal-fiduċja li pajjiżna għandu fil-potenzjal tagħkom. Ma nistennew xejn anqas minn eċċellenza minnkom, u dan għaliex urejtu li għandkom il-potenzjal, għandkom ir-rieda u għandkom l-enerġija biex tagħtu kontribut siewi. Kontribut lill-iżvilupp tagħkom bħala individwi, u kontribut fl-iżvilupp ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Louis Galea qal li l-Gvern ser jibqa` jaħdem biex l-Universita`, l-MCAST u l-ITS ikomplu jissaħħu u jikbru biex jaqdu aktar studenti u jkomplu jtejjbu l-kwalità tal-programmi tagħhom. “Il-Bord ta’ l-Għażla rrapportalna li l-livell ta’ ħafna mill-applikazzjonijiet kien wieħed għoli iżda ma setghax jilqa` l-applikazzjonijiet kollha tajbin li kien hemm f’din l-ewwel edizzjoni tal-Scholarship tal-Gvern Malti. Fil-Budget għas-sena 2007 ser tiġi mnehdija t-tieni edizzjoni fejn il-Gvern ser jerga` jivvota s-somma ta’ Lm 200,000 għal numru ieħor ta’ scholarshipsfil-livell ta’ Masters u Ph.D.’s. Dan hu programm ta’ fejda kbira li ser iwassal biex Malta f’qasir żmien tasal għall-livelli tal-pajjiżi avvanzati fejn jirrigwarda Maltin u Għawdxin bl-ogħla livelli ta’ studju, taħriġ u riċerka”.
Micheline Sciberras, id-Direttur ta’ l-Iżvilupp tal-Politika u Implimentazzjoni ta’ Programmi, li tamministra wkoll din l-iskema ta’ scholarships, spjegat li din l-inizjattiva ġiet imnedija biex titkattar l-attività ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni f’pajjiżna. “L-iskop ta’ dawn il-boroż ta’ studju huwa li jinkoraġġixxi u jippromwovi aktar parteċipazzjoni f’dan il-livell ta’ studju u li studenti eċċezzjonali jkollhom l-opportunità li jwettqu riċerka li tindirizza ħtiġijiet nazzjonali. L-iskema tipprovdi pakkett finanzjarju ta’ inċentivi biex tiżdied l-attività ta’ riċerka u innovazzjoni f’pajjiżna permezz ta’ dawn il-programmi fil-livell ta’ Masters u Dottorat,” qalet Micheline Sciberras.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958