Left arrow Go Back

INVESTIMENT TA’ LM200,000 F’BOROŻ TA’ STUDJU MILL-GVERN MALTI

PR1321
Date Icon 01/10/2006

Il-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi ppreżenta l-boroż ta’ studju lil numru ta’ studenti Maltin li se jsegwu korsijiet u jagħmlu riċerka fil-livell ta’ Masters u Dottorat (Ph.D).  Għal din l-okkażjoni, li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, attendew ukoll il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea, il-Ministru għall-Kompetittività u Komunikazzjoni, Censu Galea, u s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech.  

Il-Prim Ministru Gonzi qal li Malta tħares b’fiduċja lejn l-isfidi li tpoġġi d-dinja ta’ madwarna, u tagħraf biċ-ċar li biex soċjeta’ tagħmel progress u l-ekonomija tissaħħaħ, bilfors irid ikun hemm investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. “Huma l-imħuħ kreattivi u innovattivi taċ-ċittadini Maltin li jassiguraw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali,” qal Lawrence Gonzi.  

Lawrence Gonzi faħħar l-interess muri f’din l-iskema.  B’kollox applikaw mal-104 student.  Kien hemm aktar minn 60 li kienu eliġibbli u dawn ġew intervistati minn Bord ta’ Għażla mwaqqaf apposta għall-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proposti għall-scholarships imressqa mill-applikanti.   

Il-Prim Ministru qal li din hi okkażjoni importanti għall-Malta, fejn studenti ser jibdew vjaġġ ta’ speċjalizazzjoni f’oqsma differenti fosthom l-inġinerija, ix-xjenza, il-mediċina, il-psikoloġija, it-teknoloġija tal-konkrit, il-litteriżmu u l-bilingwiżmu, id-drittijiet umani, l-obeżità, id-dislessia, is-sigurta` ta’ l-informazzjoni fuq il-kompjuter, il-letteratutra Ingliża, il-liġi, s-saħħa publika, il-mużika, l-interpretazzjoni, u l-awtiżmu.   

“Il-Gvern Malti qiegħed jinvesti fi studenti permezz ta’ numru ta’ scholarships biex jispeċjalizzaw f’dawn l-oqsma permezz ta’ riċerka, żvilupp u tagħlim, f’universitajiet barra minn Malta kif ukoll fl-Università ta’ Malta.  Din is-sena, għall-ewwel darba 16-il raġel u 19-il mara, ta’ etajiet varji, se jibdew il-vjaġġ edukattiv tagħhom fil-livell ta’ Masters u Dottorat (Ph.D.), b’riżultat ta’ skema li nieda l-Gvern Malti fil-budget ta’ din is-sena  fejn ġew allokati Lm200,000 f’boroż ta’ studju.”  

Il-Prim Ministru spjega kif dan l-investiment fl-iżvilupp tal-kapaċità u l-ħiliet ta’ dawn l-istudenti huwa sinjal ċar ieħor tal-fiduċja li l-Gvern għandu fil-potenzjal ta’ dawk kollha li llum qed jiġu mogħtija din il-borża ta’ studju. “Jekk wieħed iħares lejn l-iżvilupp fil-qasam edukattiv f’pajjiżna huwa ċar daqs il-kristall kemm mxejna passi kbar; minn edukazzjoni obbligatorja fil-livell primarju, għal edukazzjoni obbligatorja fil-livell sekondarju, għal ftuħ u aċċessibiltà għal kulħadd fil-livell post-sekondarju, vokazzjonali u terzjarju, u aktar riċenti saru wkoll passi ’l quddiem f’dik li nsejjħu edukazzjoni tul il-ħajja.   

“Il-fatti juru kemm il-poplu Malti tgħallem jinvesti fl-edukazzjoni” qal Lawrence Gonzi.  Il-fatti juri kemm qed nimxu ’l quddiem b’ritmu sod u tajjeb.  Il-Prim Ministru semma kif qed jiġi rreġistrat tnaqqis fl-ammont ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel it-tmintax-il sena.  Fis-sena 2000 madwar 54% (54.2%) ta’ l-istudenti li ma komplewx jistudjaw wara 18-il sena, filwaqt li fl-2005 dan naqas għall-44.5%.   

Fis-sena 1999 kien hemm 43% ta’ l-istudenti ta’ 17-il sena qed jkomplu bl-istudju tagħhom, waqt li fis-sena 2005 dawn telgħu għal 69%.  Dan ifisser li kważi 7 minn kull 10 żgħażagħ ta’ l-età ta’ 17-il sena llum qegħdin ikomplu bl-istudju u t-taħriġ tagħhom wara li jkunu temmew l-edukazzjoni obligatorja. Fis-sena 1994 kellna ftit anqas minn 11,000 (10,648) student jipparteċipaw f’korsijiet fullu part time fil-livell ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla.  Dawn telgħu għal ftit aktar minn 19,000 (19,057) fl-2004.   

Fl-MCAST din is-sena kellna aktar minn 6,000 (6,175) student fuq bażi full u part time.  L-ispiża rikorrenti għall-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja fl-1999 kienet ta’ kwazi Lm 23 miljun lira (Lm22,835,313), waqt li fl-2005 telgħet għal aktar minn Lm 30 miljun lira (Lm30,284,000). F’Settembru tas-sena l-oħra, il-Gvern impenja ruħu biex iżid l-ispiża fuq riċerka nazzjonali u żvilupp għal minn Lm 500,000 din is-sena għal Lm 4.5 miljun sa’ l-2010.  Fis-sena 2005, l-ispiża totali tal-Gvern f’dan il-qasam kienet ta Lm 3.7 miljun u ġew kreati ma’ l-1000 impjieg.  Din il-figura turi żieda ta’ 6.2% fuq l-ispiża ta’ l-2004.  

Il-Prim Ministru sostna li dan kollu huwa sinjal li l-poplu Malti u Għawdxi jifhem li biex jgħix ħajja ta’ kwalità, biex jgħix ħajja aħjar u jtejjeb il-livell ta’ għixien, l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta.  Il-poplu Malti qiegħed jagħraf li nazzjon li jkollu sistema ta’ edukazzjoni mill-aqwa jkun ukoll nazzjon bl-aħjar vantaġġi u ċans qawwi ta’ suċċess fil-ħajja.  “Il-Maltin qiegħdin jagħrfu dejjem aktar li l-edukazzjoni u t-taħriġ ma jistgħux jieqfu meta persuna tikkwalifika ruħha f’xi suġġett jew professjoni, imma l-proċess ta’ tagħlim għandu jkun impenn tul il-ħajja ta’ kull ċittadin” qal Lawrence Gonzi.  

Lawrence Gonzi saħaq li l-miri u l-istrateġija ta’ pajjiżna għall-progress soċjali u ekonomiku jistrieħu fuq l-għerf, il-ħiliet u l-innovazzjoni taċ-ċittadini Maltin.  Dawn huma l-bażi li fuqhom nistgħu nibnu l-ġid u s-saħħa soċjali ta’ pajjiżna.  Is-sistema tagħna ta’ edukazzjoni u taħriġ avvanzati u ogħla huma għalhekk bħaċ-ċavi fil-bini t’arkata, jiġifieri l-parti ċentrali fl-infrastruttura nazzjonali biex inkunu nistgħu nilqgħu l-isfidi tad-dinja tal-lum. 

F’Malta jidher ċar li rridu naraw l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala investiment u mhux piż finanzjarju.  Malta għandha l-kapaċità li jkollha attività soda ta’ riċerka u innovazzjoni.  B’viżjoni sostennibli, tmexxija ċara u riżorsi addattati dan il-iskop jista’ jintlaħaq.  Wieħed irid jiftakar li Malta għandha l-istejjer ta’ suċċess tagħha fid-dinja tar-riċerka bħal fl-ICT u s-servizzi finanzjarji.  

“L-isfida tal-Gvern u ta’ l-istituzzjonijiet hija li nassiguraw li s-sistema tagħna ta’ edukazzjoni ogħla għandha l-kapaċità li tkun dinamika biex taġġixxi għal dawn il-bidliet. Il-Gvern hu impenjat li jkompli jagħti l-ogħla priorità lill-edukazzjoni u li jaħdem ħalli l-istrutturi u l-istituzzjonijiet jissaħħu biex jilqgħu għal numri akbar u kwalità dejjem aħjar,” spjega l-Prim Ministru.  

Il-Prim Ministu għalaq billi awgura lill-istudenti suċċess fil-korsijiet u r-riċerka tagħhom.  “L-isfida li għandkom intkom, studenti li qed tirċievu din il-fiduċja mill-poplu Malti, hija li twettqu programmi ta’ riċerka u tagħlim fejn tiżviluppaw ħiliet li fl-aħħar mill-aħħar iservu biex itejbu u jaqdu l-ħtigijet tas-soċjetà tagħna.  Din l-okkażjoni hija simbolu tal-fiduċja li pajjiżna għandu fil-potenzjal tagħkom.  Ma nistennew xejn anqas minn eċċellenza minnkom, u dan għaliex urejtu li għandkom il-potenzjal, għandkom ir-rieda u għandkom l-enerġija biex tagħtu kontribut siewi.  Kontribut lill-iżvilupp tagħkom bħala individwi, u kontribut fl-iżvilupp ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Prim Ministru.  

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Louis Galea qal li l-Gvern ser jibqa` jaħdem biex l-Universita`, l-MCAST u l-ITS ikomplu jissaħħu u jikbru biex jaqdu aktar studenti u jkomplu jtejjbu l-kwalità tal-programmi tagħhom. “Il-Bord ta’ l-Għażla rrapportalna li l-livell ta’ ħafna mill-applikazzjonijiet kien wieħed għoli iżda ma setghax jilqa` l-applikazzjonijiet kollha tajbin li kien hemm f’din l-ewwel edizzjoni tal-Scholarship tal-Gvern Malti.  Fil-Budget għas-sena 2007 ser tiġi mnehdija t-tieni edizzjoni fejn il-Gvern ser jerga` jivvota s-somma ta’ Lm 200,000 għal numru ieħor ta’ scholarshipsfil-livell ta’ Masters u Ph.D.’s.  Dan hu programm ta’ fejda kbira li ser iwassal biex Malta f’qasir żmien tasal għall-livelli tal-pajjiżi avvanzati fejn jirrigwarda Maltin u Għawdxin bl-ogħla livelli ta’ studju, taħriġ u riċerka”.  

Micheline Sciberras, id-Direttur ta’ l-Iżvilupp tal-Politika u Implimentazzjoni ta’ Programmi, li tamministra wkoll din l-iskema ta’ scholarships, spjegat li  din l-inizjattiva ġiet imnedija biex titkattar l-attività ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni f’pajjiżna. “L-iskop ta’ dawn il-boroż ta’ studju huwa li jinkoraġġixxi u jippromwovi aktar parteċipazzjoni f’dan il-livell ta’ studju u li studenti eċċezzjonali jkollhom l-opportunità li jwettqu riċerka li tindirizza ħtiġijiet nazzjonali.  L-iskema tipprovdi pakkett finanzjarju ta’ inċentivi biex tiżdied l-attività ta’ riċerka u innovazzjoni f’pajjiżna permezz ta’ dawn il-programmi fil-livell ta’ Masters u Dottorat,” qalet Micheline Sciberras.




List of Awardees

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow