JUM DINJI GĦALL-ANZJANI
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijet biex ikun imfakkar Jum Dinji Għall-Anzjani, s-Sinjura Mary Fenech Adami, l-Onor Prim Ministru, Dr. Lawrence Gonzi, flimkien ma’ l-Onor. Helen D’Amato Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, attendew quddiesa organizzata mill-CARITAS ġewwa s-Santwarju ta’ Santa Tereża ta’ B’Kara. Preżenti għal din il-Quddiesa kien hemm ’il fuq minn elf anzjan li attendew għal din l-okkażjoni li issa ilha ssir għal bosta snin.
Qabel il-quddiesa l-Onor. D’Amato, żaret lis-Sinjorina Jane Spiteri u lis-Sinjura Eufrasia Galea, ġewwa residenza f’Birzebbuga, fejn b’mod simboliku, qassmet ikla ppreparata mill-Meals on Wheels.
Is-sena l-oħra tqassmu ’il fuq minn 61,000 ikla lill-anzjani, filwaqt li din is-sena sa issa diġa’ tqassmu mal-45,000 ikla.
Huma diversi l-attivitajiet li jittellgħu matul ix-xahar ta’ Ottubru kemm fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, kif ukoll ġewwa San Vinċenz De Paul u d-Djar residenzjali għall-anzjani. Fost l-attivitajiet insibu wirja ta’ xogħol ta’ l-idejn, maħdum mill-anzjani li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. L-attivitajiet għal Jum Dinji għall-Anzjani jilħqu l-qofol tagħhom nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru, meta jitħabbar l-Anzjan tas-Sena. (Din is-sena, is-serata ser tittella’ ġewwa t-Teatru ta’ San Vinċenz De Paul. Nominati għal dan il-premju hemm 23-il anzjan u koppja anzjana).
Fil-kummenti tagħha l-Onor D’Amato wriet l-apprezzament tagħha lejn l-anzjani kollha u qalet: “nixtieq ngħid grazzi lill-anzjani Maltin u Għawdxin kollha ta' kull m’ għamiltu fl-imgħoddi sabiex is-socjetà ta' llum tkun waħda ħielsa, ġusta u solidari. Hemm bżonn li f’ jum bħal dan, ilkoll kemm aħna nagħmlu sforz biex nifhmu aħjar kemm il-livell ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku li qed igawdi minnu pajjiżna ma kien qatt ikun possibbli mingħajr il-ħidma u s-sagrifiċċji li l-anzjani tagħna wettqu fl-imgħoddi.”
L-Onor D’Amato tkellmet ukoll dwar l-importanza ta’ l-anzjani fil-qasam tal-volontarjat u qalet: “irridu nqisu li x-xogħol volontarju li l-anzjani qegħdin jagħmlu fil-qasam soċjali jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ pajjiżna”. Hija ħeġġet biex l-anzjani jibqgħu attivi anke fl-oqsma tax-xogħol kemm għas-sodisfazzjon personali tagħhom, kif ukoll għall-ġid ta’ pajjiżna. “Ejjew nagħrfu li minkejja li ż-żmien ta’ l-anzjanita’ ma fihx it-tlellix taż-żgħożija, l-anzjanita’ hija perjodu mill-iżjed importanti fl-iżvilupp personali u soċjali tal-bniedem”.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958