STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT
Koperazzjoni bejn l-Italja u Malta fis-settur ta’ l–agrikoltura
Huwa fl-interess ta’ Malta u l-Italja li tkompli titjieb il-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Din il-koperazzjoni kienet fuq l-aġenda ta’ laqgħa bilaterali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino u l-Ministru għall-Agrikoltura Taljan Paolo De Castro.
Din kienet l-ewwel laqgħa uffiċjali minn wara l-ħatra ta’ De Castro bħala Ministru ta’ l-Agrikoltura u saret f’Bari, l-Italja. Matul il-laqgħa bilaterali kien hemm qbil fuq appoġġ mill-Italja dwar temi importanti għal Malta bħalma hu s-settur tal-ħalib, ir-riforma proposta fis-settur ta’ l-inbid u assistenza teknika Taljana fuq prodotti tipiċi Maltin bħalma hu t-tadam ipproċessat.
Il-Ministru De Castro esprima l-appoġġ Taljan għall-inizjattiva ta’ Malta li ssir konferenza għall-pajjiżi tal-Mediterran biex tiddiskuti miżuri li kienu ppubblikati fil-Green Paper ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-sajd u politika marittima. Pullicino qal li Malta trid issaħħaħ il-koperazzjoni mal-ġar tagħha u esprima s-sodisfazzjon tal-Gvern Malti għall-assistenza li l-Italja dejjem kienet lesta li tagħti lil Malta.
Il-Ministru Pullicino kien Bari biex jieħu sehem f’konferenza internazzjonali li ddiskutiet il-politika ta’ l-iżvilupp rurali fir-reġjun tal-Mediterran.
Minbarra s-sehem ta’ Malta u l-Italja, din il-konferenza kellha wkoll is-sehem ta’ Ministri ta’ l-agrikoltura mis-Sirja u mil-Libanu. Din il-konferenza saret bħala parti mill-fiera Mediterre.
Matul id-diskors tiegħu f’din il-konferenza, il-Ministru Pullicino tkellem dwar il-perspettiva ta’ Malta fil-politika ta’ żvilupp rurali. Hu qal li l-ewwel Pjan ta’ Żvilupp Rurali ta’ Malta ta importanza lill-effett ta’ l-agrikoltura fuq l-ambjent. Pullicino tkellem dwar it-tieni pjan li qed jitlesta bħalissa għas-snin 2007-2013 fejn qed tingħata priorita’ lill-miżuri ta’ afforestazzjoni, agro-turiżmu u restawr tal-kampanja.
Il-Ministru George Pullicino qal li l-iżvilupp rurali huwa fundamentali biex jassigura li l-agrikoltura u l-ħarsien ta’ l-ambjent ma jaħdmux kontra xulxin. Hu qal li r-reġjun tal-Mediterran jinħtieġ attivitajiet ta’ żvilupp rurali li jkunu jħarsu fit-tul u li jirrispettaw l-ambjent. Hu qal li hekk kif qed toqrob l-introduzzjoni tal-Euro Mediterranean Free Trade Area, l-iżvilupp rurali jista’ jsir fattur importanti biex iżid il-kompetittivita’ tal-prodott Malti. Madanakollu Malta hija attenta għal xi impatti negattivi li dan l-iżvilupp jista’ jkollu fuq l-agrikoltura Maltija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958