JITLESTA L-EWWEL PROĠETT TA’ TOROQ KO-FINANZJAT MILL -UNJONI EWROPEA
Vjal l-Avjazzjoni Ċivili u r-roundabout ta’ ħdejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġgħu infetħu għat-traffiku fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet hekk kif tlesta x-xogħol infrastrutturali prinċipali ta’ dan il-proġett.
85% ta’ l-ispiża totali biex inbdiet mill-ġdid Vjal l-Avjazzjoni Ċivili kienet finanzjata mill-Fond ta’ Koeżjoni u dan huwa l-ewwel proġett ta’ toroq finanzjat mill-Unjoni Ewropea li tlesta mis-sitt proġetti li għadhom għaddejjin. It-triq tifforma parti mit- TEN -T network ta’ pajjiżna u hija ħolqa importanti li tgħaqqad it-toroq li nbew mill-ġdid fl-aħħar snin bejn il-Gudja u Ħal Far u t-toroq li nbnew is-sena l-oħra fil-punent ta’ Malta bil-fondi tal-Ħames Protokoll bejn Malta u l-Italja.
Dan ifisser li bit-tlestija ta’ din it-triq u l-aħħar fażi ta’ Triq Ħal Far li wkoll qed tinbena mill-ġdid b’għajnuna mill-Unjoni Ewropea, il-poplu Malti ser ikun jista’ jgawdi rotta kontinwa ta’ 23.8 kilometri toroq ta’ l-aqwa kwalità li jwassluk minn Birżebbuġa sa’ l-Imġarr u l-Mosta.
It-triq u l-junction inbnew mill-ġdid skond l-istandard Class 1 ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport. Dan ifisser li t-triq ser tkun tiflaħ iġġorr mal-10 miljun vettura tqila tul id-design life tagħha ta’ 25 sena. Ix-xogħol kienu jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ żewg mains ta’ l-ilma ġodda b’tul ta’ 1.2 kilometri taħt il-bankini kif ukoll iċċaqalqu 6 cables tal-high tension għal ġo service culvert li nbena taħt ir-roundabout ta’ l-ajruport. It-triq giet ukoll mgħammra b’kanali għall-ilma tax-xita. B’kollox il-proġett huwa maħsub li ser jiġi jqum madwar €1.5 miljuni.
Id-diżinn tat-triq ittejjeb sabiex din tkun iktar effiċenti u toffri aktar sigurtà għal min jużaha. It-triq twessgħet ftit biex jinbnew bankini ġodda. Tkabbret ukoll ir-roundabout biex din tkun tiflaħ aktar traffiku, filwaqt li ġew inklużi żewġ staggered-left-lanes għat-traffiku li jkun dirett lejn l-ajruport.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett ħa ftit inqas minn sitt xhur biex tlesta. Ta’ min isemmi li d-dewmien fl-aħħar fażi tax-xogħlijiet fuq ir-roundabout junction ta’ l-ajruport kien ikkawżat minn sejba ta’ Katakombi Paleo-Kristjani proprju f’xifer ir-roundabout il-qadima. Għalkemm din is-sejba ma waqqfitx ix-xogħlijiet, kien hemm bżonn isir tibdil sostanzjali fid-diżinn tar-roundabout innifisha. Dan wassal biex ix-xogħol ma setax jitkompla b’ritmu mgħaġġel sakemm id-diżinji l-ġodda ma ġewx approvati. Il-Katakombi issa ġew inklużi fid-diżinji u anke inbidlu l-materjali li qed jintużaw u l-landscaping ippjanat għar-roundabout sabiex dawn l-assi storiċi jiġu protetti mill-ilma.
Intant l-aħħar xogħlijiet fuq dan il-proġett ser ikunu qed jitlestew fil-jiem li ġejjin bit-tlestija tal-landscaping fit-triq u r-roundabout u d-dwal li hemm matulhom.
Għalkemm tħaddmu sistemi ta’ treġija tat-traffiku matul il-proġett, ix-xogħlijiet fuq ir-roundabout ta’ l-Airport ikkawżaw inkonvenjent sostanzjali għat-traffiku li normalment jgħaddi minn dawn l-inħawi, jiġifieri mal-35,000 vettura kuljum. Dan minħabba li ma jeżistux rotot alternattivi f’din iż-żona filwaqt li din ir-roundabout hija l-uniku aċċess li jeżisti mit-tramuntana ta’ Malta lejn Ħal Kirkop, Ħal Safi, iż-Żurrieq, l-Imqabba u l-Qrendi. Dan ifisser li din ir-roundabout kellha tibqa’ tintuża matul it-terminu tal-proġett kollu u ma setgħetx tingħalaq għat-traffiku.
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u l-Awtorità dwar it-Trasport jiskużaw ruħhom għall-inkonvenjenti li kkawżaw dawn ix-xogħlijiet, filwaqt li jirringrazzjaw lill-pubbliku għall-paċenzja li wera waqt li kienet qed tittejjeb din it-triq kruċjali għal pajjiżna. Ta’ min jirringrazzja wkoll lil dawk l-entitajiet kollha li għenu sabiex dan il-proġett seta’ jitlesta fl-iqsar żmien possibbli - fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta, l-Air Malta, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali u s-sezzjoni tat-traffiku tal-Pulizija.
Il-ħidma sfiqa tal-Gvern biex jittejbu t-toroq arterjali ta’ dawn l-inħawi ser tkompla fix-xhur li ġejjin bi proġett ieħor li ser jara t-twessiegħ u l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa f’Ħal Luqa bejn ir-roundaboutjunction li tagħti lejn Vjal l-Avjazzjoni Ċivili u r-roundabout junction li tgħaqqad ma’ Triq Garibaldi. Ix-xogħol fuq it-tender u d-diżinji ta’ dan il-proġett jinsabu fi stadju avvanzat u ser jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958