ŻJARA FIL-FEDERAZZJONI RUSSA MINN DELEGAZZJONI TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ
Delegazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej kellha taħdidiet f’Moska ma’ G. G. Petrov, Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ u Industrija tal-Federazzjoni Russa, u f’St Petersburg ma’ Vladimir Prokopiev, Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ tar-reġjun, bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika u politika bejn iż-żewġ pajjiżi.
Waħda mill-kwistjonijiet li ġew diskussi kienet il-potenzjal tat-turiżmu mis-suq Russu u l-ħtieġa li jiżdied in-numru ta’ turisti lejn Malta li dan l-aħħar niżel xi ftit. Temi oħra ta’ interess komuni li ġew diskussi kienu s-settur ta’ l-enerġija, is-servizzi finanzjarji u r-riċerka u l-iżvilupp flimkien mat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni, fid-dawl ta’ l-iżviluppi li qed iseħħu f’Malta u peress li l-isforzi tar-Russja f’dan il-qasam huma ikkonċentrati fir-reġjun ta’ St Petersburg .
Iż-żewġ naħat qablu fuq il-ħtieġa urġenti li delegazzjoni mis-settur tan-negozju tagħmel żjara fil-pajjiżi rispettivi fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2007 biex tara kif jistgħu jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta’ kummerċ għall-benefiċċju taż-żewġ naħat. Fil-fatt dalwaqt se joħroġ invit biex il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta żżur St Petersburg fl-2007.
Id-delegazzjoni Maltija kellha diskussjonijiet fil-Parlament tal-Federazzjoni Russa maċ-Chairman u Membri tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Internazzjonali dwar kif għandha tiżdied il-koperazzjoni bejn il-parlamenti rispettivi u dwar ir-relazzjonijiet bilaterali. Kien hemm bdil ta’ ideat dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja, il-Lvant Nofsani u kwistjonijiet oħra internazzjonali. Id-delegazzjoni Maltija kellha diskussjonijiet ukoll ma’ rappreżentanti ta’ United Russia, li huwa l-partit fil-gvern, u ma’ rappreżentanti ta’ partiti politiċi oħra.
Id-delegazzjoni Maltija mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej kienet immexxija mill-Onor Jason Azzopardi, President tal-Kumitat, l-Onor Membri Leo Brincat, Mario de Marco, Clyde Puli u George Vella. Din iż-żjara saret fuq stedina ta’ Konstantin I. Kosatchev, Chairman tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Internazzjonli tal-Parlament Federali tar-Russja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958