GĦAŻLA AKTAR WIESGĦA PERMEZZ TAL-LIBERALIZAZZJONI
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura “The Modern Interiors Fair” fl-Eden Arena. Din il-fiera tkun miftuħa mil-lum sa’ nhar il-Ħadd, 1 ta’ Ottubru.
“The Modern Interiors Fair” ġiet organizzata għall-ewwel darba fl-Eden Arena fl-2004. Fil-fiera ta’ din is-sena se jipparteċipaw esebituri li diġa ħadu sehem f’din il-fiera, qabel u numru ta’ parteċipanti ġodda. Ħafna mill-esebituri qed juru prodotti ġodda f’waħda minn żewġ fieri speċjalizzati li jkunu organizzati fl-Eden Arena.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal l-industrja ta’ dak kollu relatat mat-tagħmir tad-dar kienet marbuta ma’ l-industrja tal-kostruzzjoni. Hu qal li flimkien dawn kien jagħmlu parti sostanzjali tal-Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna li kien qed jikber u jirrifletti l-iżvilupp li qed iseħħ fil-pajjiż.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ħadd ma jiċħad li l-livell tal-għajxien tal-poplu Malti qed jogħla. Hu qal li dan iwassal biex tikber ukoll in-nefqa fuq dak kollu li jservi bħal għamara, kmamar tal-banju, dekorazzjonijiet tad-djar, white goods u dak kollu li titlob il-ħajja moderna u mgħaġġla tal-lum.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-industrja tal-bini kienet tixpruna ’l quddiem l-ekonomija kollha tal-pajjiż. Hu qal li dan kien ipoġġi pressjoni fuq l-art li tista’ tinbena f’Malta u Għawdex, aktar u aktar meta hu magħruf li ftit aktar minn 23 fil-mija ta’ l-art f’pajjiżna – jew kważi kwart ta’ l-art – hi mibnija.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan jimbuttana biex inkomplu noħolqu bilanċ bejn l-art mibnija u l-art li tintuża għall-biedja u għal skopijiet oħra, biex ikollna aktar żvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn il-fieri huma ta’ opportunita’ għal kulħadd biex qabel jixtri, jindaga x’hemm fis-suq u x’inhuma l-prezzijiet. Hu qal li llum li l-kummerċ tagħna hu kollu liberalizzat, il-kompetizzjoni hi waħda kbira li bla dubbju twassal lill-konsumatur biex ikollu għażla aktar wiesgħa u bi prezzijiet aktar kompetittivi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958