Left arrow Mur Lura

L-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ VOKAZZJONALI

PR1304
Date Icon 28/09/2006

“Is-settur edukattiv jinħtieġ idaħħal aktar esperjenzi prattiċi li jibbilanċjaw it-tagħlim akkademiku sa minn età żgħira”.  Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea waqt il-ftuħ ta’ seminar organizzat mill-Foundation for Human Resources Development (FHRD) dwar is-settur ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali u xi jfisser dan għal min jimpjega.  Louis Galea qal li bit-twaqqif ta’ l-MCAST, l-ETC, iċ-Ċentru tar-Restawr u l-ITS flimkien ma’ inizjattivi oħra fl-iskejjel bħal ma kienu d-dħul tas-suġġett tat-Technology Education fis-sekondarji, illum l-edukazzjoni vokazzjonali tinsab fiċ-ċentru tas-sistema edukattiva Maltija. 

Louis Galea tkellem dwar l-importanza tas-settur vokazzjonali biex il-pajjiż u l-ekonomija jimxu l-quddiem.  Hu spjega kif is-setturi produttivi tal-pajjiż żviluppaw minn xogħol ibbażat fuq ix-xogħol manwali u irħis, għal setturi bħal dawk tal-Farmaċewtika, ta’ l-Inġinerija u tat-Tiswija ta’ l-Ajruplani u tat-Teknoloġija ta’ l-Informatika.  “L-inċentiv għal min irid jinvesti f’pajjiżna ma baqax il-prezz irħis tax-xoghol izda l-effiċjenza tal-ħaddiema imħarrġa u li kapaċi jitħarrġu.” 

Louis Galea ikkwota figuri tas-CEDEFOP (Agenzija tal-Unjoni Ewropeja għall-Iżvilupp ta’ l-Edukazzjoni Vokazzjonali) fejn huwa pproġettat li sas-sena 2010 – 50% tal-impjiegi jkunu marbuta ma’ taħriġ avvanzat u ta’ livell ogħli, 40% ma’ taħriġ li jkun ġej minn edukazzjoni post-sekondarja, filwaqt li bejn 10 u 15% biss ta’ l-impjiegi jkunu ta’ natura li t-taħriġ ikun ta’ livell bażiku.  “Dan juri kemm hu importanti li lkoll ninvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ għax hekk biss il-poplu tagħna jkun jista jgawdi mill-iżvilupp li jseħħ fir-reġjun. Kull ċittadin Malti għandu bżonn xi taħriġ jew ieħor.  Ħadd ma’ għandu jaħseb li x-xogħol fil-futur ma’ jkunx marbut ma’ taħriġ speċjalizzat.  Kull ċittadin għandu bżonn kompetenzi bażiċi li permezz tagħhom jista’ jsib impjieg, jista’ jibdlu jekk hemm bżonn u jista’ jkun kompettitiv biżżejjed biex ma jitilfux.  Illum ħadd ma jista jippretendi li jgħix il-ħajja tiegħu mingħajr ma jagħmel xi forma ta’ taħriġ, anke dawk li għandhom l-aktar livell bażiku ta’ tagħlim jew taħriġ għandhom ikunu lesti jagħmlu l-parti tagħhom għax inkella jaqgħu lura huma u jaqa’ lura l-pajjiż”. 

Il-Ministru Galea tkellem ukoll dwar l-Unions u min iħaddem u qal li anke dawn iridu jkunu aktar sensittivi għall-bżonn tat-taħriġ tal-ħaddiema.  Hu qal li l-parti l-kbira ta’ min iħaddem mhux qed jgħaraf il-bżonn li jħarreġ lill-ħaddiema tiegħu u b’hekk mhux qed iħarsu biżżejjed fit-tul għan-negozju tagħhom.  F’dan is-sens il-Unions għandhom rwol importanti wkoll biex jibdlu din il-mentalità fost min iħaddem u anke fost il-ħaddiema li wkoll iridu jifhmu li t-taħriġ hu investiment fil-futur tagħhom daqs kemm jew aktar milli tista’ tkun żieda fil-paga.  Hu appella wkoll lil min iħaddem biex jipprovdu aktar opportunitajiet ta’ apprendistati li huma mod tajjeb ħafna kif l-istudenti Maltin joħorġu mill-istituzzjonijiet edukattivi aktar imħarrġa tajjeb u lesti għad-dinja tax-xogħol.  

Louis Galea qal fi ftit jiem oħra se jitpoġġa għall-konsultazzjoni abbozz ta’ Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki. “Ninsab sodisfatt li l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki wasal għal qbil ta’ dan il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki li jinkorpora fih il-proċess kollu ta’ edukazzjoni mil-livell obbligatorju sa dak ta’ edukazzjoni Ogħla.  Fil-qofol ta’ dan il-process hemm l-edukazzjoni vokazzjonali li tieħu il-post xieraq tagħha fis-sistema edukattiva tagħna.  Irridu li l-kwalifiki mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni vokazzjonali jkollhom valur miżjud u li tinħoloq parità fl-istima (parity of esteem) bejn l-edukazzjoni vokazzjonali u dik universitarja.” 

Il-Qafas ta’ Kwalifiki hu maħsub biex : 

a)  l-kwalifiki jkun ta’ kwalita` u jissarfu f’mobilta’ interna u esterna;

b)  aktar nies jitħajjru jitgħallmu u jitħarrġu;

c) aktar nies ikollhom il-kompetenzi bażiċi fil-lingwa materna, fl-lingwa barranija [Ingliz]; fil-matematika; fix-xjenza u t-teknologija; fl-IT; fl-imprenditorija; fil-kultura nazzjonali u internazzjonali; fil-mod ta’ kif wiehed jitghallem kif ukoll fir-responsabbiltajiet taghna bhala cittadini ta’ pajjizna u tad-dinja.  

Il-Ministru qal li l-Gvern irid li kull ċittadin Malti jakkwista mill-ġid li t-tagħlim jipprovdi u dan jista jsir billi l-edukazzjoni vokazzjonali jkollha:

}         miri marbuta ma’ l-iżvilupp politiku, soċjali, industrijali u ekonomiku Malti;

}         kwalifiki li huma marbuta mall-kuntest lokali u internazzjonali u akkreditati minn awtoritajiet u kompetenzi lokali u internazzjonali;

}         strutturi ta’ tagħlim li jippreparaw l-ġenerazzjonijiet li telgħin għal dinja ta’ xogħol ibbażata fuq kompettitivita’, imprenditorija u etika ta’ responsabilta’ u bżulija;

}         tahrig kontinwu għal min jgħallem u min jipprovdi l-appoġġ amministrattiv;

}         strutturi biex minn jħaddem jsib postu fiċ-ċentru tal-proċess kollu ta’ tagħlim vokazzjonali. 

Louis Galea temm jgħid li l-edukazzjoni vokazzjonali f’pajjiżna għamlet passi ta’ ġgant f’dawn l-aħħar snin u dan b’riżultat tal-politika tal-Gvern favur dan il-qasam u ta’ l-investiment qawwi li sar u qed isir.  Anke l-industrija u s-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna għaddew minn bidliet kbar u żviluppi pożittivi ħafna.  “Nemmen li it-tnejn flimkien jistgħu jagħtu l-pajjiżna dik il-qabża ta’ kwalita’ fil-mod kif nitgħallmu u naħdmu.  Is-suċċess politiku ta’pajjiżna se jkun jiddependi ħafna minn din is-sinerġija.” 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow