MESSAĠĠ MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U KULTURA L-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAT-TURIŻMU: IT-TURIŻMU JNISSEL IL-ĠID
Il-Jum Dinji tat-Turiżmu jiġi mfakkar kull sena fis-27 ta’ Settembru biex jaħbat ma’ l-anniversarju ta’ l-addattazzjoni ta’ l-Istatut ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu fl-1970.
It-turiżmu u l-ivvjaġġar huma llum l-aktar industrja li qed tiżviluppa fid-dinja.
Għal din is-sena l-Assemblea Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinija tat-Turiżmu ddeċidiet li t-tema tal-Jum Dinji tat-Turiżmu ta’ din is-sena tkun “It-turiżmu jnissel il-ġid”. It-turiżmu huwa ta’ ġid mhux biss mil-lat ekonomiku iżda wkoll mil-lat ta’ l-ambjent, il-kultura u r-relazzjonijiet umani.
It-turiżmu jibqa’ għal Malta settur ekonomiku importanti li minnu jiddependi kwart tal-ġid nazzjonali u madwar terz ta’ l-impjiegi. It-turiżmu hu ukoll settur dinamiku fejn jekk ma naġġornawx rwieħna ma’ l-iżviluppi li jkunu qed jitwettqu fir-reġjun ta’ l-Ewropa, tal-Mediterran u fid-dinja ma’ nibqgħux kompetittivi. Għalhekk il-Gvern, flimkien mas-settur privat, jagħmel ħiltu biex jgħolli l-kwalità tal-prodott, biex it-turist jingħata valur għall-flusu, biex nibqgħu kompetittivi u biex ikun hemm il-mezzi ta’ trasport ħalli l-viżitaturi jkunu jistgħu jiġu f’pajjiżna.
Meta nitkellmu dwar it-turiżmu għandna ħabta nibbażaw kollox fuq ċifri ta’ turisti, dħul u impjiegi. Mhux għax dawn m’humiex importanti biex inqabblu riżultati magħna nfusna u ma’ oħrajn iżda daqshekk ieħor importanti huma l-isforzi li qed nagħmlu biex intejjbu l-prodott li noffru biex hekk inkunu nistgħu nattiraw lejn pajjiżna turisti li jonfqu aktar u li jkollhom il-valur miżjud ogħla. Hekk flok nibqgħu nimmiraw għall-kwantità nibdew niffukaw ukoll fuq dak li jħalli t-turist. Hu ukoll f’dan l-isfond li l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta minn żmien għal żmien torganizza avvenimenti bħal Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar; il-Festival Internazzjonali tal-Korijiet; il-Festival Mediterranju ta’ l-Ikel u l-Festival tal-Bliet Storiċi. Dawn l-avvenimenti huma supplimentati minn oħrajn li jorganizza l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kif ukoll minn għadd ta’ manifestazzjonijiet tal-massa li qed ikunu organizzati kull sena mis-settur privat.
Matul l-aħħar sentejn l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta ġiet ristrutturata. Permezz ta’ din ir-ristrutturazzjoni iffrankajna mijiet ta’ eluf ta’ liri mill-amministrazzjoni li setgħu jmorru għall-promozzjoni ta’ Malta. Fl-2004 l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta nefqet Lm5.1 miljun, jew 56 fil-mija tan-nefqa kollha tagħha fil-promozzjoni. Wara r-ristrutturar din iċ-ċifra telgħet għal Lm5.5 miljun, jew 59 fil-mija tan-nefqa kollha. Din is-sena n-nefqa għall-promozzjoni ta’ Malta mistennija titla’ għal Lm6.3 miljun jew 63 fil-mija tan-nefqa kollha tal-MTA.
L-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta bdiet ukoll taddotta politika orjentata lejn niċeċ partikolari bl-iskop li ssaħħaħ il-qagħda ta’ pajjiżna u s-sehem mis-suq internazzjonali tat-turiżmu. Il-MTA tinstab għaddejja wkoll minn eżerċizzju bl-iskop li pajjiżna jkollu t-tikketta ta’ esperjenza turistika u mhux aktar sempliċiment destinazzjoni. F’dan l-eżerċizzju kulħadd irid jagħti sehemu għaliex aħna nemmnu li t-turiżmu hu ta’ kulħadd, minnu jiekol kulħadd u għalhekk kulħadd irid jagħti sehmu biex jimxi ’l quddiem.
l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta dan l-aħħar ippubblikat it-Tielet Pjan Strateġiku tagħha li jsegwi ż-żewġ pjani ta’ qabel. Fl-istess jum li ġie ppubblikat it-Tielet Pjan Strateġiku tal-MTA ħabbart li kien tlesta abbozz għall-Politika tat-Turiżmu tal-Gvern.
Dan kollu ser jikkontribwixxi biex intejjbu l-prodott li qed joffri pajjiżna. Iżda l-Gvern ma qagħdx jistenna la t-Tielet Pjan Strateġiku u anqas il-Politika dwar it-Turżimu biex itejjeb il-prodott. Il-Gvern qed jiżviluppa kontinwament l-infrastruttura. Diġà twettqu proġetti kbar biex għanda provista u distribuzzjoni tajba tad-dawl u l-ilma; biex għandna sistema moderna ta’ telekomunikazzjoni; biex għandna Air Terminal modern. Bħalissa l-Gvern qed jikkonċentra fuq it-toroq u fuq il-portijiet ta’ l-Imġarr f’Għawdex u ċ-Ċirkewwa f’Malta wara li ftit tas-snin ilu nbnew tliet vapuri ġodda għas-servizz bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fl-ambjent ta’ pajjiżna – f’arja tajba, ilma tajjeb għax-xorb, ġbir u disponiment ta’ l-iskart. Il-Gvern qed iwettaq proġetti għat-tisbiħ tal-promenades u l-bajjiet tagħna. Wara li sebbaħ il-promenades ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan, Marsascala, Marsaxlokk u Birżebbuġa; is-sena l-oħra l-Gvern sebbaħ il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan u din is-sena bena l-perched beachf’Buġibba fejn roqgħa kbira ta’ blat inbnilha ħajt madwarha tal-konkos u l-akrilika biex jaqbel mal-bqija ta’ l-ambjent u fil-banju kbir li nħoloq tferrex ramel biex illum għandna l-ewwel ramla fuq il-blat li qatt inbniet f’pajjiżna.
Il-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fit-tisbiħ tal-ġonna pubbliċi Maltin, fit-tisbiħ taċ-ċentri ta’ l-irħula; fit-tisbiħ tal-bliet imdawwra bis-swar li għandna f’pajjiżna. Il-Gvern qed jinvesti miljuni ta’ liri fil-wirt storiku ta’ pajjiżna li hu wieħed min-niċeċ ewlenin.
Matul din is-sena identifikajna sitt zoni turistiċi li qed jingħataw priorità fi proġetti ta’ tisbiħ. Ir-restawr u r-riabilitazzjoni tad-Domus Romano, it-tisbiħ tal-Ġonna Howard, il-proġetti ta’ restawr, tat-tneħħija ta’ wires minn mal-ħitan u l-pavimentar mill-ġdid tat-toroq u l-isqaqien kollha fl-Imdina; it-tisbiħ tal-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u ta’ Isfel u tal-Ġonna ta’ Hastings; it-tisbiħ ta’ Vjal Glormu Cassar: dawn huma ftit mill-proġetti li l-Gvern wettaq biex jgħolli l-livell tal-prodott turistiku Malti.
F’dan il-proċess il-Gvern mhux waħdu. Is-settur privat qed jagħti sehmu wkoll. Fl-aħħar sentejn is-settur privat investa aktar minn Lm60 miljun f’lukandi ġodda u fl-immodernizzar u ristrutturar ta’ lukandi eżistenti. Is-settur privat qed iwettaq tliet proġetti kbar ta’ żvilupp urban: il-proġett tal-Kottonera; il-Valletta Waterfront u l-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne’. Kemm il-proġett tal-Kottonera kif ukoll il-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal taw ħajja ġdida lill-Port il-Kbir u qed jikkontribwixxu biex ikunu riġenerati dawn il-bliet storiċi ta’ pajjiżna.
Nafu li l-miri li qiegħdna quddiema din is-sena għas-settur turistiku mhux ser jintlaħqu. Meta dan jiġi wara sentejn li fihom rajna n-numru ta’ turisti jiżdied b’aktar minn 52,000 hu ta’ dissapunt. Nemmen li jekk irridu li dan is-settur jirpilja, u malajr, irridu flimkien nieħdu miżuri korrettivi. B’hekk biss nattiraw turisti mill-ġdid lejn pajjiżna. Irridu naraw li lit-turist nagħtuh valur għall-flus li jonfoq, li t-turist iħossu milqugħ f’pajjiżna, li nżommu pajjiżna nadif u li s-servizzi li nagħtu, nagħtuhom mill-qalb. Li meta niġu biex nitħallsu sew għal prodotti li noffru kif ukoll għal servizz li nagħtu ma jkollnix prezzijiet differenti għat-turist.
Irridu naraw li jkollna linji ta’ l-ajru biżżejjed li jaħdmu lejn u minn pajjiżna biex iwasslu lit-turisti. Ma ninsewx li aħna gżira u li niddependu għat-turisti li jżuruna mil-linji ta’ l-ajru. F’dawn l-aħħar jiem il-Gvern aċċetta r-rakkomondazzjoni tal-Bord ta’ l-Evalwazzjoni li twaqqaf biex jeżamina l-offerti li għamlu żewġ kumpanniji low cost biex joperaw lejn u minn Malta rotot ġodda. Iż-żewġ kumpanniji li għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom huma l-akbar fl-Ewropa. Għalhekk li żewġ kumpanniji bħal dawn jagħżlu li joperaw minn u lejn Malta hu sinjal ta’ fiduċja fis-settur turistiku ta’ pajjiżna. F’dawn il-jiem ukoll Germanwings, l-akbar kumpannija low cost fil-Ġermanja, ħabbret li minn Marzu 2007 ser tibda topera erba’ titjiriet fil-ġimgħa lejn u minn Malta. Tnejn minn dawn se jkunu mill-ajruport ta’ Stuttgart u tnejn mill-ajruport ta’ Cologne-Bonn. Kumpannija oħra li bdiet topera titjiriet low-cost hi l-kumpannija Taljana Meridiana li anke ser tkompli bit-titjiriet tagħha fix-xitwa. Il-kumpanniji low-costhuma r-realtà ġdida fil-qasam ta’ l-ivvjaġġar. Għalhekk filwaqt li bl-ebda mod ma rridu nnaffru lil-legacy carriers, jew il-linji nazzjonali ta’ l-ajru, ma nistgħux ninjoraw il-low cost airlines. Irid jinħoloq bilanċ.
Fis-settur turistiku, bħal f’kull settur ieħor, jkollok min ikun sejjer tajjeb u min mhux sejjer daqshekk tajjeb. Ikollok min jispikka. Forsi l-aktar settur li qed jispikka bħalissa hu dak tal-passiġġieri li jiġu bil-cruise liners. Dan hu settur li qed juri titjib anke għar-raġuni li llum pajjiżna għandu Cruise Liner Passenger Terminal ġdid u li joffri dak kollu li jkun irid il-passiġġier f’ambjent storiku iżda anke modern. Is-sena li għaddiet żaru pajjiżna 320,000 passiġġier abbord cruise liners. Dan hu aktar minn erba darbiet u nofs iżjed milli kellna għaxar snin ilu. (1996 – 69,240). Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena żaru pajjiżna 33 fil-mija aktar passiġġieri abbord cruise liners mill-istess perijodu s-sena l-oħra. F’Awissu biss in-numru ta’ passiġġieri kważi rdoppja. Il-konsorzju VISET li jmexxi dan it-terminal din is-sena qed jistenna 400,000 passiġġier.
Il-Gvern jemmen li fil-qasam turistiku, bħal f’kull settur ieħor irid ikollok riżorsi umani mħarrġa u mgħallma tajjeb fil-mistier tagħhom. Kien għalhekk li dan il-Gvern bena l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u ntroduċa korsijiet fit-turiżmu fl-Università u l-MCAST. Din is-sena, permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien ma’ l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta qed iniedi programm ta’ taħriġ għal ħaddiema li jiġu f’kuntatt mat-turist. Hu qal li permezz ta’ dan il-programm li jiswa 400,000 Euro, li tliet kwarti minnhom se jinħarġu mill-Unjoni Ewropea, ħaddiema fis-settur turistiku u servizzi ta’ appoġġ turistiku jingħataw taħriġ biex hekk ikun hemm żvilupp kostanti ta’ dawn ir-riżorsi umani.
Is-settur turistiku jibbenefikaw minnu dawk li jistiednu u dawk li jkunu mistiedna. Dan hu settur li jkabbar u jsaħħaħ il-koperazzjoni u r-relazzjonijiet umani. It-turiżmu jagħti kontribut qawwi lill-ekonomija. Nemmen li flimkien – il-Gvern, is-settur privat u l-poplu Malti kollu – nsaħħu s-settur turistiku biex niżguraw futur sod għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958