MALTA AVVANZAT ĦAMES POSTIJIET FIL-LISTA TA’ L-EKONOMIJI L-AKTAR KOMPETITTIVI FID-DINJA
Il-Ministeru għall-Kompetittività u l-Komunikazzjoni qed jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżultat li nkiseb fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ Malta fir-rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji. Il-miżuri li qiegħed iwettaq il-Gvern sabiex ipoġġi l-ekonomija tal-pajjiż fuq bażi iktar soda u fl-istess waqt itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin kollha, qegħdin ikollhom ir-riżultati mixtieqa.
Fir-rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji li kien ippublikat il-bieraħ, Malta avvanzat ħames postijiet, għad-39 post fil-lista ta’ l-ekonomiji l-aktar kompetittivi fid-dinja. Il-pożizzjoni ta’ Malta tjiebet ukoll meta kkumparata ma’ pajjiżi oħra membri ta’ l-UE fejn issa tinsab fid-19-il post; aħjar minn pajjiżi bħall-Italja u l-Greċja membri antiki, kif ukoll aħjar mill-Ungerija, Ċipru, Litwanja, u l-Polonja li huma membri ġodda.
Il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport waslet fiż-żmien meta wasalna biex inlestu l-Ewwel Rapport dwar il-Progress li sar fit-twettieq tal-Pjan Nazzjonali ta’ Riforma (NRP). L-NRP kien mfassal is-sena l-oħra wara proċess ta’ konsultazzjoni intensiva bejn Ministeri, korpi kostitwiti, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u l-pubbliku, bħala programm ta’ azzjoni sabiex pajjiżna jimxi mal-linji gwida ta’ l-Aġenda ta’ Lisbona sabiex titjib il-pożizzjoni ekonomika ta’ Malta fit-tliet snin li ġejjin. F’dan id-dokument kienu elenkati ħames punti ewlenin ta’ priorità li fihom setgħet issir iktar ħidma konkreta biex tavvanza l-kompetittività ta’ pajjiżna. Dawn huma: is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; il-kompetittività; ir-riċerka u l-innovazzjoni; l-edukazzjoni u t-taħriġ; u l-ambjent. L-ewwel rapport ta’ progress wara sena ħidma mistenni jikkonferma titjib fil-kompetittività tal-pajjiż wara li d-diversi miżuri inkorporati fid-dokument ta’ l-NRP diġà qed ikunu attwati fil-Budget ta’ l-2006, u iktar miżuri huma msemmija fid-dokument ta’ qabel il-Budget ta’ l-2007. Fost dawn insibu r-riforma fil-pensjonijiet, ir-riforma fil-portijiet, u miżuri oħra fl-edukazzjoni u l-impjiegi.
Dan juri li filwaqt li l-proċess tat-tisħiħ ta’ l-ekonomija tal-pajjiż huwa kontinwu, il-Gvern hu determinat li jkompli bil-ħidma tiegħu bl-għan li jtejjeb il-kompetittività tal-pajjiż, u b’hekk jaċċerta futur aħjar għall-Maltin kollha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958