KONFERENZA STAMPA MILL-ONOR. DR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN - VALLETTA - 26 TA’ SETTEMBRU 2006
“Il-bieraħ, ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, abbozz ta’ liġi ġdid li jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. Dan l-abbozz ta’ liġi huwa parti mill-ħidma li saret fi ħdan il-Ministeru fil-proċess ta’ konsultazzjoni li żviluppa mill-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef”.
Filwaqt li ħafna mill-emendi li diġà saru minn dan il-Ministeru kienu mfassla sabiex iħollu iktar il-problemi marbuta mal-kawżi ta’ natura ċivili u kummerċjali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u t-Tribunal għal Talbiet Żgħar, dawn huma ndirizzati għall-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u għall-Qorti ta’ l-Appell. L-intenzjoni dikjarata hija dik li nerġgħu nippruvaw inċaqilqu ’l quddiem settur li hu tant determinanti għal pajjiżna.
Irid jingħad li l-miżuri li ttieħdu - b’mod partikolari l-ittri uffiċjali eżekuttivi, t-twaqqif taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni u t-tisħiħ taċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, li ġew approvati mill-Parlament u mplimentati – kellhom diġà l-effett pożittiv u naqqsu l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u t-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Fil-fatt, hawn rajna tnaqqis tajjeb li, xahar wara ieħor, qed jirreġistra ruħu. Għax irid jingħad li filwaqt li f’Awissu tas-sena l-oħra, qabel daħlet fis-seħħ l-ittra uffiċjali eżekuttiva, fil-Qrati tal-Maġistrati kellna 1,578 każ pendenti. Din is-sena kellna 1,335. Fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar, minn 2,339 li kellna s-sena l-oħra, din is-sena nżilna għal 1,434 kawża pendenti.
Dawn il-miżuri, fil-verità qed jgħinu sabiex jibdlu iktar il-kultura legali u hemm bżonn li jsiru għax inkella nrendu l-Qrati tagħna bħala strumenti li flok jgħinu jispiċċaw bħala xkiel għal diversi aspetti soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż. Dak li qiegħed jiġi propost, għalkemm jista’ jidher bħala iebes jew radikali jew ‘il fuq min-normal, ma huwa xejn minn dan, iżda sforz ieħor sabiex nimxu passi oħra ’l quddiem. Passi li permezz tagħhom, filwaqt li fuq naħa ma nitilfu xejn mill-valur u s-sustanza tal-ġustizzja, fuq in-naħa l-oħra nassiguraw ħinijiet ferm iqsar milli għandna llum.
Għalhekk il-ħsieb prinċipali huwa dak li nippruvaw nassiguraw li jkun hemm ħidma aktar qawwija sabiex il-kawżi jsiru u s-sentenzi jinqatgħu fi żmien iqsar mil-lum.
Għad hemm ġabra ta’ kawżi, sija fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kif ukoll quddiem il-Qorti ta’ l-Appell li hemm bżonn li jiġu deċiżi. Għalhekk qed inressqu s-segwenti proposti għall-konsiderazzjoni tal-Parlament tagħna.
A. SEZZJONI ĠDIDA FIL-PRIM’AWLA TAL-QORTI ĊIVILI SPEĊJALIZZATA FUQ KAWŻI MARBUTA MAL-PROPRJETÀ U SUĊĊESSJONI
Wara li daħħalna fis-seħħ is-Sezzjoni speċjali tal-Qorti tal-Familja, rriżulta li terz tax-xogħol tal-Qorti jmur quddiemha. Minn eżami dettaljat tal-kawżi pendenti rriżulta li hemm madwar elf u erba’ mitt (1,400) waħda minn 6,235 pendenti li huma marbuta ma’ proprjetà u suċċessjoni. L-esperjenza fil-Qorti turi li dawn huma l-kawżi li l-iktar li jdumu u l-iktar li jsibu kumplikazzjoni. Ir-riżultat huwa ġlied fil-familji li jaqbeż il-ġenerazzjonijiet, u proprjetà li tibqa’ barra miċ-ċirkolazzjoni u żvilupp tal-pajjiż.
Ma’ dan irid jingħad ukoll li bl-emendi li saru sentejn ilu, fosthom li ko-proprjetarji jistgħu issa jitolbu li proprjetà tinbiegħ minkejja l-oppożizzjoni ta’ terzi persuni u li dawn il-kawżi jridu jsiru kollha quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, huwa stmat li ser ikun hemm żjidiet ulterjuri tax-xogħol.
Għalhekk, sabiex il-kawżi jinqatgħu iktar malajr, qiegħed jiġi propost li titwaqqaf Sezzjoni ġdida u speċjalizzata tal-proprjetà u suċċessjoni fejn l-ewwel ikun hemm numru ta’ Mħallfin li jaraw dawn it-tip ta’ kawżi biss, u t-tieni li l-proċedura tiqsar u tiħfief.
B. DEWMIEN FIL-KAWŻI
Sfortunatament, il-problema prinċipali fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili hija marbuta mad-dewmien fil-proċeduri, b’numru sew ta’ każijiet (madwar 57%) li ilhom pendenti tlett snin u iktar. Għalkemm f’dawn it-tlett snin rajna tnaqqis ta’ 10% ta’ din il-figura xorta għadna f’pożizzjoni mhux sodisfaċenti. Ir-realtà hija li għad għandna ħafna kawżi li qed jitwalu inutilment minħabba differiment li mhux dejjem ikollhom verament raġun, kif ukoll għal varjetà ta’ metodi ta’ kif isir tkaxkir tas-saqajn mill-operaturi legali.
Għalhekk, hawn qiegħed jiġi propost li:
| i) | l-kawżi kollha preżentati jridu jiġu appuntati fi żmien xahrejn; |
| ii) | li d-differimenti tal-kawżi ma jistgħux ikunu ta’ iktar minn xahrejn; |
| iii) | kawżi li jkunu ilhom tlett snin quddiem ġudikant partikolari jistgħu jiġu trasferiti f’idejn ġudikant ieħor fuq is-sempliċi fatt li dawn ikunu damu daqshekk; |
| iv) | kawżi li ilhom tmintax-il xahar differiti għas-sentenza jistgħu wkoll jiġu trasferiti f’idejn ġudikant ieħor bl-istess mekkaniżmu. |
Ċ. TIBDIL FIL-QORTI TA’ L-APPELL
Fil-Qorti ta’ l-Appell, minkejja l-isforzi kbar li qed isiru, hemm pożizzjoni fejn hemm madwar 900 appell li għandna pendenti. Tul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni baqgħet l-istess. Mill-istatistika jidher ċar li l-appelli għandhom, fil-maġġoranza tagħhom, sentejn u nofs, kważi tlieta, sabiex jiġu appuntati. Skond il-liġi llum għandek il-ħlas tal-kawtela ta’ l-appelli li titħallas meta dan ikun appuntat sa’ jum qabel. Dan qiegħed ifisser li kull min irid itawwal jibqa’ jistenna sa’ l-aħħar, ma jħallasx, u wara sentejn/tlieta, is-sentenza ssir res judicata - ovvjament għad-detriment ta’ min rebaħ in prim’istanza. Minn sena għal sena jirriżulta li qisu 25% sa 30% ta’ l-appelli jispiċċaw deżerti. Dan qed isir sempliċement sabiex jiġi gwadanjat iż-żmien.
Għalhekk, in vista ta’ dan qiegħed jiġi propost li l-artikoli 152 (1) u 249 (1) li jistabilixxu l-ħlas tal-kawtela jiġu emendati billi jidħlu żewġ punti:-
1. li l-kawtela ta’ l-appell għandha titħallas jew fi żmien sitt (6) xhur li tirċievi l-avviż, jew inkella sa jum qabel jum is-smigħ ta’ l-appell, skond liema hija l-iqsar; u għalhekk jinqatgħu l-appelli ta’ min qiegħed jabbuża mis-sistema; u
2. li t-terminu ta’ sitt xhur kif stabbilit fl-artikolu 152 (1) jibda’ jiddekorri mill-jum tal-ħlas tal-kawtela ta’ l-appell.
D. BIDLA FL-ITTRI UFFIĊJALI EŻEKUTTIVI
Kif diġà spjegajt, permezz ta’ l-Att IX ta’ l-2004 ġew introdotti żewġ emendi importanti għall-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, li permezz tagħhom debiti taħt il-Lm5,000 u kambjali jistgħu jinġabru iktar malajr.
Għalkemm inizjalment kien hemm ċertu reżistenza, speċjalment għall-ittra uffiċjali eżekuttiva għall-ammonti taħt il-ħamest’elef lira (Lm5,000) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awissu 2005, illum dan huwa aċċettat. Fil-fatt, mill-istatistika jirriżulta li kull xahar qed jiġu ppreżentati madwar 300 waħda minn dawn. Mis-sena l-oħra ’l hawn kellna 5,000 li ġew preżentati. L-esperjenza hija pożittiva u l-mekkaniżmu legali qiegħed jaħdem tajjeb, b’iktar nies – speċjalment dawk fin-negozju – jużawha.
Fil-laqgħat li kellna in konnessjoni mar-riforma tal-mandati eżekuttivi u kawtelatorji, diversi kienu dawk li ssuġġerew li nimxu pass ieħor. Dan huwa:-
1. li ntellgħu iktar ’il fuq minn debiti ta’ Lm5,000;
2. li nagħtu l-fakultà lil Ministru li b’avviż iżid il-valur; u
3. li l-Qorti tappunta għas-smigħ ir-rikors li jikkontesta l-ittra uffiċjali.
B’dawn il-miżuri ser inkomplu nissudaw dan il-mekkaniżmu effiċjenti u effikaċi li qiegħed jagħti rimedji faċili u rħas għal kull min għandu jieħu.
E. ŻIEDA FIL-KOMPETENZA TAL-QORTI TAL-MAĠISTRATI
Preżentement il-kompetenza fil-Qrati tal-Maġistrati hija ta’ kawżi bejn l-Lm1,500 u l-Lm5,000. Tul dawn l-aħħar xhur naqsu l-kawżi pendenti u dawk ġodda. Dan sar sija bl-ittri uffiċjali eżekuttivi, bit-trasferiment tal-kawżi fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, kif ukoll għax il-kawżi ta’ proprjetà qed isiru kollha fil-Prim’Awla. Issa, minħabba din il-miżura qed jiżdiedu l-kawżi ġodda quddiem il-Prim’Awla, għalhekk ikun tajjeb jekk nerġgħu nibbilanċjaw l-istat billi nżidu l-kompetenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fejn huwa magħruf li l-kawżi jdumu ferm inqas milli quddiem il-Prim’Awla u fl-istess ħin innaqqsu minn fuq.
Għalhekk qiegħed jiġi propost illi l-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati tiżdied għal Lm10,000.
F. RITRATTAZZJONI KOSTITUZZJONALI
Qed jiżdiedu r-rikorsi kostituzzjonali sabiex fihom wieħed ikun jista’ jippreżenta talba għal ritrattazzjoni billi din stranament ma kenitx tifforma parti mil-liġi tagħna, b’komplikazzjonijiet kbar u inutili.
Ġ. ESTENSJONI TAL-VALIDITÀ TA’ SENTENZA
Qiegħed jiġi estiż it-terminu ta’ żmien għal għaxar (10) snin għal kawżi deċiżi u ta’ tlett (3) snin għal dawk ta’ titoli eżekuttivi. Dan qiegħed isir sabiex jitnaqqsu l-kawżi fuq kawżi u jidħol terminu għat-titoli eżekuttivi li qabel ma kienx hemm.
KONKLUŻJONI
Għalhekk, b’dawn il-miżuri qed nittamaw li nerġgħu nagħtu pass ieħor determinanti sabiex il-pajjżi tagħna jkollu sistema ġudizzjarja li żżid fir-rispett u fl-istess ħin taqta’ l-kawżi li jiġu quddiemha b’veloċità aqwa.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958