DISKORS MILL-ONOR LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAS-SALA MOTHER TERESA FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL - 25 TA’ SETTEMBRU 2006
Onor. Prim Ministru,
Onor. Kollega,
Sinjuri,
Il-ftuħ ta’ din is-sala hija xhieda ħajja ta’ l-impenn ta’ dan il-gvern li jkompli jseddaq il-politika tiegħu favur l-anzjani, politika li bdiet tiġi żviluppata u mwettqa fl-1987. Sa mill-bidu ta’ l-ewwel gvern Nazzjonalista mmexxi minn Dr. Eddie Fenech Adami, twaqqaf Segretarjat għall-Anzjani bil-ħsieb li jiffoka esklużivament fuq il-bżonnijiet ta’ l-anzjani. Minn dakinhar ’l hawn l-anzjani telgħu sew ’il fuq fl-aġenda tal-gvern u tas-soċjetà. Mhux ta’ b’xejn li llum kulħadd jorbot is-settur ta’ l-anzjani mal-gvern preżenti. Mertu kbir ta’ dan għandu jmur lejn il-Professur Rizzo Naudi u Dr. Antoine Mifsud Bonnici l-pijunieri li laħħmu u kkonkretizzaw din il-politika. L-istandards li stabilixxew ipoġġu sfida qawwija kemm għas-Segretarju Parlamentari Helen D’Amato kif ukoll għalija biex inkomplu fuq il-kontribut tagħhom u naġġornawh għall-iżviluppi u l-ħtiġijiet tal-lum.
Fl-1987, il-gvern ta’ dak iż-żmien kien stqarr bl-iktar mod ċar li l-anzjani posthom kien fis-soċjetà, fl-ambjent li fih trabbew imdawrin bil-familja u l-ħbieb tagħhom. Għalhekk tfasslu numru ta’ servizzi fil-komunità bil-għan li jiffaċilitaw u jħajjru lill-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità li fiha trabbew. Iżda l-gvern kien konxju li għad jiġi żmien fil-ħajja li minħabba mard, fraġilità jew ċirkostanzi familjari u soċjali, jagħmilha impossibbli li l-anzjani jibqgħu fil-komunità tagħhom mingħajr tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, meta mhux ukoll b’riskju għall-ħajjithom.
Għalhekk il-gvern bena u se jkompli jibni numru ta’ Djar għall-Anzjani ma’ Malta kollha. L-anzjani jixirqilhom l-aħjar u għalhekk il-modernizzar radikali bil-mod il-mod ta’ San Vinċenz de Paul b’mod li meta tidħol fis-swali modernizzati u l-faċilitajiet li fihom, ma jintgħarfux minn dak li sibna fl-1987. Illum l-istigma ta’ San Vinċenz fil-passat magħruf bħala l-Imgieret jew Tax-Xjuħ għebet għal kollox. Verament minn dak iż-żmien sal-lum imxejna triq twila. Mhux ta’ b’xejn li iżjed u iżjed anzjani japplikaw biex jidħlu f’din ir-Residenza.
Dan l-aħħar il-gvern reġa’ ta daqqa t’għajn lejn l-iżviluppi li qed isiru b’pass imgħaġġel. L-ewwel, il-bidla demografika. Ir-rata kbira tat-twelid fis-snin ta’ wara l-gwerra fissret li issa n-numru kbir tat-trabi ta’ dakinhar qed jilħqu l-anzjanità. Min-naħa t-titjib kbir fix-xjenza medika u l-faċilitajiet li nipprovdu fil-qasam tas-saħħa jfisser li ħafna minn dawn huma iżjed f’saħħithom minn missirijiethom u ommijiethom fl-istess età. Iżda fi ftit snin oħra dawn ukoll jaslu fi stat li jkunu jeħtieġu li jiġu istituzzjonalizzati. L-iżviluppi ekonomiċi, demografiċi flimkien ma’ dawk kulturali jfissru ukoll li dawk li s-soltu jieħdu ħsieb b’għożża l-anzjani m’għadhomx f’pożizzjoni li jagħmlu dan.
L-anzjani li qed ifittxu kenn f’San Vinċenz de Paul ħafna drabi uliedhom huma anzjani wkoll u mhux dejjem ikunu f’pożizzjoni li barra l-ħtiġijiet tagħhom jieħdu ħsieb ukoll il-bżonnijiet iktar akuti tal-ġenituri tagħhom. Il-fatt li iżjed koppji llum jaħdmu t-tnejn u n-numru ta’ dawn mistenni li jkompli jiżdied fil-ġejjieni, se jżid in-numru ta’ anzjani li ma jsibux minn jindokra l-bżonnjiet tagħhom.
Jiddispjaċini ngħid li uħud minn dawk li japplikaw biex jidħlu fir-residenzi tal-gvern huma vittma ta’ uliedhom li iktar mill-għożża tal-ġenituri għandhom għożża ikbar għal djarhom. Saħansitra nsibu evidenza ta’ ġenituri anzjani li huma abbużati verbalment jew fiżikament minn uliedhom.
Għalhekk hemm bżonn ta’ aġġornament. L-ewwel nett irridu riabiltazzjoni aħjar u iktar effettiva. Illum anke dawk li kienu kontra, jaqblu li l-isptar Zammit Clapp kien suċċess sħiħ. Matul is-snin eluf ta’ anzjani ħadu t-terapija f’dan l-isptar u l-biċċa l-kbira minnhom marru lura jgħixu f’darhom. Iżda llum is-sittin sodda ta’ dan l-isptar huma ftit wisq għan-numru dejjem jikber ta’ anzjani. Għalhekk iddeċidejna li fis-sit ta’ San Vinċenz nibnu faċilità ta’ riabiltazzjoni b’ 280 sodda li għandha tlaħħaq mad-domanda għas-snin li ġejjin. It-terapija ta’ riabiltazzjoni għal kull min jeħtieġha għandha żżomm lil ħafna anzjani fi djarhom u tittardja l-bżonn li jiġu rikoverati f’San Vinċenz de Paul. Se naraw li l-istandards ta’ eċċellenza ta’ Zammit Clapp jiġu attwati wkoll f’dan l-isptar speċjalizzat.
Nafu li dan mhux biżżejjed. In-numru ta’ dawk li se jfittxu istituzzjoni se jkompli jiżdied u għalhekk qed nippjanaw li nżidu n-numru ta’ sodod. Għal dan il-għan se nkabbru San Vinċenz u nżidu numru ta’ sodod oħra. Qed inkomplu nistinkaw biex nsibu soluzzjonijiet innovattivi flimkien mal-privat kif għamilna fil-każ tad-Dar tal-Mellieħa li għandha tkun miftuħa fl-2008 u tipprovdi mal-100 sodda oħra.
Kif taraw is-settur ta’ l-anzjani mhux wieħed statiku iżda dinamiku għall-aħħar. Aħna se nibqgħu attenti biex nippjanaw għall-esiġenzi ta’ l-anzjani. Il-ġenerazzjonijiet tagħna għandhom dejn kbir magħhom li wara kollox kienu huma li bnew Malta li għandna llum.
Fl-aħħarnett nixtieq nirringrazzja lil kull min ta sehem biex dan il-proġett jitlesta.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958