Left arrow Mur Lura

L-EWWEL JUM TA’ L-ISKOLA - FTUĦ NORMALI U ORGANIZZAT TA’ L-ISKEJJEL

PR1287
Date Icon 25/09/2006

Eluf ta’ studenti u għalliema llum reġgħu ltaqgħu għall-ewwel darba wara l-vaganzi tas-sajf biex jagħtu bidu għal sena skolastika ġdida fl-iskejjel ta’ l-Istat f’Malta u Għawdex.  L-atmosfera fl-iskejjel dalgħodu kienet karatterizzata minn ħafna ferħ, eċċitament, moviment u stennija. Jirriżulta li fl-ewwel ġurnata ta’ l-iskola kollox mexa sewwa, bla skossi u kif pjanat, inkluż it-trasport.  

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, is-Segretarju Permanenti Frans Borg, u d-Direttur Ġenerali Dr Cecilia Borg dalgħodu żaru diversi skejjel u taw merħba lill-istudenti u l-għalliema. 

Il-Ministru Louis Galea appella lill-ġenituri biex jiffokaw fuq l-iżvilupp edukattiv ta’ uliedhom. “Jiena napprezza sew is-sagrifiċċju u d-diffikultajiet li l-ġenituri jħabbtu wiċċhom magħhom, speċjalment jekk ikollhom mard jew problemi fil-familja.  Iżda jeħtieġ li kull omm u kull missier jieqaf mill-ġirja tal-ħajja u jpoġġi l-prioritajiet f’posthom. L-ulied jiġu l-ewwel u qabel kollox. Il-ferħ u s-sodisfazzjon veru tal-ġenituri jiġi aktar mis-suċċess ta’ uliedhom milli mis-suċċess tagħhom.  Aħna bħala Gvern ninsabu bis-sħiħ mal-ġenituri biex uliedna jirnexxu lkoll,” qal Louis Galea. 

Matul il-jum ta’ l-iskola l-Ministeru u d-Diviżjoni kellhom kuntatt ma’ kull skola ta’ l-Istat u rriżulta li l-ewwel ġurnata mxiet tajjeb kif kien ippjanat. Fil-ġimgħat li għaddew il-Ministru Louis Galea u l-ogħla uffiċjali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ħadmu għall-organizazzjoni u t-tħejjija meħtieġa biex iwasslu għall-ftuħ ta’ l-iskejjel bla skossi u bla tfixkil.  Anke s-sistema tat-trasport pubbliku ta’ l-iskejjel bdiet ix-xogħol tagħha kif ġie miftiehem is-sena l-oħra fi ftehim li jkopri sa l-2010. 

B’kollox aktar minn 67,000 student se jibdew din is-sena skolastika, 42,000 fl-iskejjel ta’ l-Istat, 17,000 fl-iskejjel tal-Knisja u 8,000 fi skejjel indipendenti.  Fl-iskejjel ta’ l-Istat hemm 22,063 subien u  20,768 bniet. Fil-ġranet li ġejjin jibdew 2535 tfal ta’ tlett snin għall-ewwel darba fiċ-ċentri tal-kindergarten fejn b’kollox hemm 5416 tfal. Fil-livell primarju hemm 17,621, fil-livell sekondarju hemm 17,677 studenti, filwaqt li 2117 studenti qed jattendu l-iskola sekondarja ogħla Giovanni Curmi u l-iskola Sir M.A. Refalo ta’ Għawdex. 

Għal dawn l-istudenti hemm 895 għalliema fil-primarji, 2071 għalliema fis-sekondarji, 370 kindergarten assistants, u 1050 learning support assistants. L-iskejjel kollha għandhom il-Kap jew Agent Kap u l-Assistenti Kapijiet meħtieġa.  Jirriżulta li għad hemm bżonn tnax il-għalliem f’suġġetti tax-xjenza u ta’ l-IT. 

Dalgħodu madwar 17,000 student twasslu l-iskola fuq aktar minn 740 rotta differenti.  Anke hawn it-trasport ħadem b’mod organizzat ferm tant li kienu biss numru żgħir ta’ każijiet individwali fuq għaxar rotot fejn kien hemm diffikultajiet.     

F’laqgħa li kellu mal-Kapijiet ta’ l-iskejjel fl-aħħar tal-ġimgħa l-Ministru Louis Galea ħabbar li 104 skejjel ta’ l-Istat f’Malta u Għawdex ser jiġu organizzati u minsuġa f’10 Kulleġġi. It-twaqqif tal-Kulleġġi beda sa mis-sena skolastika li għaddiet bil-Kulleġġi ta’ Għawdex, tal-Kottonera u San Benedittu. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jibdew jaħdmu erba’ Kulleġġi ġodda filwaqt li s-sena d-dieħla jitwaqqfu t-tlett Kulleġġi li jkun fadal. 

Is-sena skolastika ġdida bdiet ukoll għall-iskola sekondarja ogħla Giovanni Curmi fin-Naxxar li torganizza korsijiet ta’ l-‘O’ Level SEC u tal-MATSEC għal żgħażagħ li jkunu temmu l-iskola sekondarja. Nhar l-Erbgħa li ġejjin din l-iskola tiftaħ ir-registrazzjoni għall-istudenti l-ġodda. F’din l-iskola il-Gvern permezz tal-FTS bena blokk ġdid ta’ lecture rooms, laboratorji, u librerija li jirdoppjaw il-faċilitajiet li kellha s’issa din l-iskola.  Ix-xogħol kollu twettaq mill-FTS u tlesta fi żmien rekord ta’ sena. 

Din ser tkun l-aħħar sena li l-iskejjel speċjali ser jiftħu fil-forma li għandhom sal-lum.  Matul is-sena li għaddiet bdiet l-implimentazzjoni tar-Rapport ’Spiteri’ dwar l-edukazzjoni speċjali u inklużiva. Dawn l-iskejjel ġew minsuġa flimkien taħt it-tmexxija tas-Sur George Borg li ngħata wkoll l-inkariku tat-tmexxija ta’ dan is-settur kollu. Issa bdiet il-ħidma biex dawn l-iskejjel jiġu trasformati f’Ċentri ta’ Riżorsi li jieħdu fihom tfal u studenti bi bżonnijiet speċjali skond il-grupp ta’ l-eta` (kinder/primarju, sekondarju, u post-sekondarju) u mhux skond il-kondizzjoni tal-bżonn speċjali. Hu maħsub li Ċentru minnhom ikun għal studenti bi bżonnijiet speċjali li jkunu għalqu s-sittax-il sena u li jingħataw taħriġ edukattiv u vokazzjonali li jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet sa l-aħjar potenzjal tagħhom.  

Il-Ministru rringrazzja lill-uffiċjali għolja tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, lill-Kapijiet, lill-Assistenti Kapijiet, lill-għalliema, il-ħaddiema tekniċi u l-cleaners u lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għall-ħidma tagħhom biex l-iskejjel kienu lesti għall-ewwel ġurnata ta’ l-iskola.  Huwa rringrazzja wkoll lill-kuntratturi tat-trasport ta’ l-iskejjel. 

Il-Ministru Galea temm jgħid li kull persuna li tagħti kontribut fil-vjaġġ edukattiv ta’ kull tifel u tifla Maltija u Għawdxija għandha tagħmel dan b’impenn, dedikazzjoni u professjonalità biex bħala katina flimkien nassiguraw l-aħjar edukazzjoni ta’ kwalità biex uliedna jirnexxu lkoll.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow