IN-NUMRU TA’ PERSUNI LI JAĦDMU BI QLIGĦ JIŻDIED B’722
“Hija bis-saħħa tas-self-employed u sidien tan-negozji żgħar, li jammontaw għal mas-96% ta’ l-attivita’ kummerċjali ta’ pajjiżna, li pajjiżna qed joħloq opportunitajiet ta’ xogħol li qed ikunu kapaċi jieħdu post l-impjiegi li qed jintilfu fil-manifattura.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo kien qiegħed jitkellem waqt laqgħa ma’ numru ta’ self-employed.
L-Onor. Vassallo kompla jgħid li “huwa permezz tan-negozji żgħar fil-qasam tas-servizzi u l-attivita’ kummerċjali li f’pajjiżna qed jinħoloq ix-xogħol. F’ekonomija fejn it-tibdil qed iwassal biex fabbriki tal-manifattura jagħlqu biex imorru jaħdmu f’pajjiżi fejn il-pagi huma irħas, in-negozji żghar tagħna qed jirnexxilhom joħolqu opportunitajiet oħra ta’ impjiegi, u ħafna huma dawk l-ħaddiema li minkejja li jitilfu l-impjieg tagħhom minn fabbrika tal-manifattura, qegħdin isibu opportunita’ ta’ impjieg f’attivita’ kummerċjali fejn ikunu huma stess li jiftħu negozju jew jibdew jaħdmu f’negozju żgħir.
“Bosta huma dawk is-self employed li minn negozju żgħir illum għandhom negozju akbar. Kull min kien innovattiv kien mgħejjun jikber u jaħdem u jħaddem. Il-Gvern preżenti dejjem kien assoċjat ma’ tmexxija li ġabet ix-xogħol lejn pajjiżna u ħarset il-liberta’ tas-suq. Tant li taħt tmexxija ta’ Gvernijiet Nazzjonalista, l-isfidi li jiltaqa’ magħhom min ikun fin-negozju dejjem kienu sfidi relatati ma’ suq li jkun qed jikber. Fil-preżent l-akbar sfida ta’ kull min huwa self-employed hija l-kompetizzjoni ħarxa tas-suq. Dan kollu huwa riżultat ta’ żieda fin-numru ta’ operaturi fil-kummerċ. Illum għandna min jgħid li suq Malti qed jinħass żgħir għaliex fih, ħafna kienu dawk is-sidien ta’ negozju li sabu l-ħila li jkabbru. Qatt daqs illum ma nħasset sinerġija fil-Gvern kollha mmirata biex il-Gvern jgħin lill-kummerċ ikompli jikber biex joħloq aktar impjiegi ġodda”.
“Il-Programm ta’ Ħidma tal-Gvern favur is-sidien tan-negozji żgħar u s-self employed li ġie ppubblikat mis-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed fil-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, għandu viżjoni u inċentivi konkreti u prattiċi. Fil-Programm ta’ Ħidma wieħed isib 44 inizjattiva konkreti maħsuba biex jirrispondu għal 44 sfida jew problema li qed jiltaqgħu magħha is-self employed. Il-Gvern huwa kritiku u konxju tar-realta’ li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħha s-self-employed.
“Jekk wieħed iħares ukoll lejn il-pre budget document wieħed isib li l-pjanijiet tal-Gvern għall-budgetli ġej huma riżultat ta’ viżjoni ta’ partit politiku li huwa qrib tas-self-employed u konxju ta’ l-isfidi reali tal-pajjiż. Il-qofol tal-politika fiskali tal-Gvern Nazzjonalista hija mmirata lejn it-tisħiħ tas-suq u l-kummerċ. Il-Gvern irid aktar flus fl-idejn, aktar infieq, aktar kummerċ, konsumaturi sodisfatti u Gvern anqas involut fil-kummerċ. Permezz ta’ dan kollu jinħolqu aktar impjiegi. Dan huwa Gvern li jemmen f’intrapriża privata għall-kuntrarju ta’ Gvern Laburista li jemmen aktar f’kontrolli u aktar negozju f’idejn il-Gvern u anqas inzjattiva privata.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal ukoll li “llum l-ekonomija ta’ pajjiżna qed tikber f’suq fejn, skond l-aħħar statistika maħruġa mill-NSO (204/2006) ħareġ biċ-ċar kemm l-ekonomijatagħna, bis-saħħa ta’ ħafna negozji żgħar u self-employed flimkien ma’ l-enerġija ta’ l-investiment barrani, wasslet biex in-numru ta’ persuni li jaħdmu bi qliegħ żdiedu. Meta wieħed iqabbel in-nurmru ta’ persuni li ħadmu bi qliegħ f’April tas-sena l-oħra ma’ dawk f’April ta’ din is-sena, wieħed jista’ jara li dan in-numru żdied b’722, filwaqt li n-numru ta’ dawk li kienu qed ifittxu x-xogħol naqas b’179 meta mqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena l-oħra. Din iż-żieda fin-numru ta’ persuni li jaħdmu bi qliegħ u t-tnaqqis ta’ qagħad fiha sinifikat akbar meta wieħed jikkonsidra l-laboursupplyfl-istess perjodu żdiedet b’543.
“In-numru ta’ persuni li impjegati fis-settur privat f’April ta’ l-2006 kienu 93,3125 persuna filwaqt li f’April tas-sena l-oħra (2005) kienu 91,255. Id-differenza turi li f’din is-sena s-settur privat kiber b’1,870 persuna.
“Meta wieħed iħares lejn in-numru ta’ self employed, wieħed jara wkoll żieda ta’ 154 f’April li għadda fuq April ta’ l-2005. Fil-fatt, f’April 2006 in-numru ta’ self-employed kien laħaq 16,345, filwaqt li f’April ta’ 2005 kien hemm16,299.
“Żdied ukoll in-numru t’impjegati b’mod ġenerali u fejn April 2005 kien hemm 120,519 impjegat, f’April 2006 in-numru t’impjegati laħaq 121,445. Dan ifisser żieda ta’ 926 impjegat.
“Dan kollu jixhed li l-ekonomija ta’ pajjiżna mmexxija minn Gvern Nazzjonalista qed tgħin biex kull min qiegħed jinnegozja, kemm jekk kbir kif ukoll jekk żgħir, ikollu l-aħjar opportunitajiet fejn jikber fil-ħila imprenditorjali tiegħu,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958