INĦARSU L-IDENTITA’ U T-TRADIZZJONIJIET TA’ PAJJIŻNA
Il-Kunsill Lokali Qala flimkien mal-Menhir Folk Group qed jorganizzaw il-‘Qala International Folk Festival’ bejn il-Ħamis 5 ta’ Ottubru u l-Ħadd 8 ta’ Ottubru 2006. Il-Kunsill Lokali Qala qed jingħata l-appoġġ tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, tal-Ministeru għal Għawdex u ta’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta.
F’dan il-festival internazzjonali tal-folk, ser jieħdu sehem seba’ gruppi, ħamsa minn Malta u minn Għawdex, il-Lanciano Folk Group mill-Italja u s-Slovenia Folk Group mis-Slovenja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda dan il-festival internazzjonali waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-folklor kien wieħed mis-sisien li fuqu tinbena l-identita’ ta’ pajjiż. Hu qal li fil-każ ta’ pajjiżna, li kien maħkum minn diversi nazzjonijiet tul l-istorja millenarja tiegħu, il-folklor kellu rwol importanti għaliex għen biex żammejna dawk it-tradizzjonijiet li niżlu minn ġenerazzjoni għal oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li festivals ta’ dan it-tip jikkontribwixxu wkoll biex insaħħu s-settur turistiku u biex nagħtuh dak il-valur miżjud li jwassalna biex nikkompetu. Hu qal li l-istands ta’ artiġġjanat, li f’dan il-festival ser jinkludu xogħol ta’ bizzilla, ganutell, xogħol mill-weraq tal-palm, il-landier u xogħlijiet tradizzjonali oħra, jgħinu biex il-Maltin jibqgħu jgħożżu dawn is-snajja’ tradizzjonali filwaqt li t-turist jsir jaf iżjed dwar id-drawwiet tagħna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-preżenza fostna ta’ gruppi minn pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea tkabbar il-kunċett ta’ diversita’ li fuqu hi mibnija din l-Unjoni kbira ta’ Stati u popli. Hu qal li l-Unjoni Ewropea sa mill-bidunett tat-twaqqif tagħha fehmet li biex tikber trid tirrispetta d-diversita’ tal-kulturi u l-identitajiet fi ħdan l-Istati Membri u dan tippromovieh anke permezz ta’ programmi u appoġġ finanzjarju.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li Għawdex kellu l-identita’ tiegħu u kien għalhekk li fil-qasam turistiku kien qed jingħata promozzjoni għalih. Hu qal li għalhekk Għawdex kien intagħżel bħala wieħed mis-‘segments’ b’‘segment leader’ għalih.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lill-Kunsill Lokali Qala u l-Menhir Folk Group għal din l-inizjattiva u awguralhom suċċess kbir fl-attivita’ tagħhom.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958