NIFHMU AĦJAR L-ISTORJA PERMEZZ TAR-‘RE-ENACTMENTS’
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien ma’ l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta qed jerġgħu jniedu l-‘In Guardia’ u l-‘Alarme!’ re-enactments għall-2006-2007.
L-‘In Guardia’ tfakkar avveniment storiku li kien iseħħ b’mod regolari fil-Place D’Armes fil-Forti Sant’Iermu fejn il-Grand Bailiff ta’ l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li kien jieħu ħsieb l-affarijiet militari kien jispezzjoni l-ġwarniġġjon tal-Fortizza.
Ir-re-enactment ta’ ‘Alarme!’ tagħti rendikont tal-perijodu Napoleoniku f’Malta b’inkontri militari bejn truppi Franċiżi u Maltin matul l-Imblokk Franċiż.
Iż-żewġ tipi ta’ re-enactments jittellgħu fil-Ħdud bejn ix-xhur ta’ Settembru u Ġunju.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, li ta bidu għal dawn l-attivitajiet waqt ir-re-enactment ta’ l-In Guardia f’Sant Jiermu qal li dawn iż-żewġ attivitajiet kienu jfakkru żewġ perijodi importanti ta’ l-istorja ta’ pajjiżna, il-perijodu tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li nisslu ġid kbir f’pajjiżna u ħallewlna tant fortifikazzjonijiet, bliet, knejjes u palazzi tul iż-żmien twil li għexu f’Malta u l-perijodu qasir ħafna tal-ħakma Franċiża li kien karaterizzat minn konflitt bejn l-militar Franċiż u l-Maltin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-istorja ta’ pajjiżna kienet waħda vasta għaliex kienet tirrifletti l-qagħda strateġika ta’ Malta li wasslet biex ġejna maħkuma minn tant potenzi tul eluf ta’ snin ta’ storja. Hu qal li l-perijodu tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kien l-aktar li ħalla impatt fuq pajjiżna u dan wassalna biex nibqgħu nfakkruh anke permezz ta’ re-enactments.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawn ir-re-enactments kienu wkoll ta’ attrazzjoni għat-turisti li jżuruna u għalhekk kienu jikontribwixxu biex noffru prodott turistiku aħjar. Hu qal li dawn ir-re-enactments kienu qed jikkontribwixxu biex il-belt Valletta tingħata ħajja ġdida u biex tkun ta’ attrazzjoni għalina l-Maltin u l-barranin li jżuruha kif jitlob l-istatus tagħha ta’ wirt dinji ta’ l-umanità.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958