LEJLET IL-FTUĦ TAS-SENA SKOLASTIKA 2006/2007: IMĦABBRA L-GĦAXAR KULLEĠĠI TA’ L-ISKEJJEL TA’ L-ISTAT
L-iskejjel primarji u sekondarji kollha ta’ l-Istat ser jintisġu f’għaxar Kulleġġi kif indikat fl-iskeda annessa. Il-Ministru Louis Galea ħabbar dan waqt laqgħa fis-Sala Robert Samut, Floriana, mal-Kapijiet ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat f’Malta, lejlet il-ftuħ tas-sena skolastika 2006/2007. Huwa ħabbar ukoll li issa ser jiġu introdotti erba` Kulleġġi ġodda flimkien mat-tliet Kulleġġi u n-network ta’ l-iskejjel speċjali li bdew jaħdmu s-sena li għaddiet.
Is-sena d-dieħla jitwaqqfu t-tliet Kulleġġi li jkun jifdal. Il-Ministru introduċa lis-Sur Paul Attard, is-Sinjura Bernadette Azzopardi, is-Sur Joe Buttigieg, u s-Sur Ray Facciol li ntgħażlu bħala l-erba’ koordinaturi tal-Kulleġġi l-ġodda. Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni, Dr Cecilia Borg.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni beda d-diskors tiegħu billi fisser l-apprezzament tiegħu għall-għalliema u l-ġenituri kollha li jimpenjaw ruħhom fil-vokazzjoni ta’ l-edukazzjoni ta’ ulied il-poplu. Huwa sostna li hekk kif Malta tul is-seklu l-ieħor żviluppat f’nazzjon modern li jipprovdi għixien ta’ kwalita` għall-poplu tiegħu bis-saħħa ta’ l-edukazzjoni, issa wisq aktar, trid tkun l-edukazzjoni li f’dan is-seklu tar-rivoluzzjoni elettronika tgħin il-poplu tagħna jilħaq u jisfrutta b’ġid kbir orizzonti ġodda.
Louis Galea qal li nhar it-Tnejn eluf ta’ tfal u studenti jirritornaw lejn l-iskejjel ta’ l-Istat għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida. Fil-ġranet li ġejjin ikomplu jiftħu l-iskejjel tal-Knisja u tal-privat kif ukoll is-Sixth Forms, l-MCAST u l-Universita`.
“Kull bidu għandu jgib miegħu sejħa ġdida, impenn ġdid, biex nidħlu b’entużjażmu u nagħmlu ħilitna kollha għat-tagħlim u l-edukazzjoni. Nafu li l-isfida li l-Gvern qed ipoġġi quddiemna hi BIEX ULIEDNA JIRNEXXU LKOLL, biex nagħtu EDUKAZZJONI TA’ KWALITA` GĦAL KULĦADD. Il-Gvern mhux qed joqgħod lura milli jinvesti l-aktar li jista` biex ikollna l-aħjar skejjel, riżorsi u għodda. Iżda l-edukazzjoni tilħaq is-suċċess tagħha biss jekk l-atturi prinċipali – studenti, ġenituri u għalliema – jiddedikaw ruħhom għal waħda mill-isbaħ esperjenzi fil-hajja li hi l-iżvilupp ta’ l-intelligenza, l-ħiliet u t-talenti li Alla jżejjinna bihom,” qal Louis Galea.
Il-Ministru Galea qal li fl-4 ta’ Settembru beda jdaħħal fis-sehh il-provvedimenti l-ġodda tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni li l-Parlament approva f’Lulju li għadda. Huwa fisser li l-liġi issa qed tipprovdi l-bażi legali għas-sistema l-ġdida ta’ l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat fi ħdan għaxar Kulleġġi. “Tajjeb wieħed jifhem li n-nisġa ta’ l-iskejjel primarji saret fuq bażi ta’ reġjuni li ġew abbinati ma’ skejjel sekondarji eżistenti. Il-Gvern qed jibni numru ta’ skejjel sekondarji ġodda f’Malta u Għawdex biex fi żmien ftit snin in-nisġa taċ-ċentri tal-kinder u tal-primarji f’kull Kulleġġ tissaħħaħ ma’ żewġ skejjel sekondarji li jkunu nbnew jew ġew modernizzati apposta biex b’hekk il-Kulleġġi jieħdu s-sura propja tagħhom.” Il-Ministru Galea qal li kull Kulleġġ jitmexxa minn Prinċipal flimkien mal-Kunsill tal-Kapijiet. Kull Kulleġġ ser ikollu isem li jkun japplika għall-iskejjel kollha fi ħdan il-Kulleġġ.
Il-Ministru Galea qal li l-liġi tipprovdi wkoll għat-twaqqif ta’ żewġ Direttorati li ser iwettqu bejniethom il-funzjonijiet li wettqet sal-lum id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
“Bħalissa qed isiru t-tħejjijiet meħtieġa biex dawn iż-żewġ Direttorati jitwaqqfu mill-aktar fis.
Id-Direttorat għal Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni ser ikollu tlett taqsimiet :
(1) Żvilupp tal-Kurrikulu, Assikurazzjoni tal-Kwalita` u Spettorat Edukattiv,
(2) Xjenza, Teknologija u ICT fl-Edukazzjoni, u
(3) Osservanza tal-Liġijiet u Regolamenti ta’ l-Edukazzjoni.
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ukoll ser ikollu tlett taqsimiet:
(1) Servizzi għall-Istudenti,
(2) Żvilupp u Management tar-Riżorsi Umani, u
(3) Servizzi u Riżorsi għall-Iskejjel. Kull Direttorat jitmexxa minn Direttur Ġenerali.”
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni qal ukoll li l-liġi l-ġdida tinkludi provvedimenti li jimplimentaw uħud mir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Spiteri dwar l-edukazzjoni inklużiva u speċjali. “Minbarra li diġa` sar ħafna xogħol ġdid f’dan il-qasam, bħalissa qed issir ħidma biex issir r-riorganizzazzjoni tal-proċess ta’ statementing ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali li jattendu skejjel regolari kif ukoll tas-sistema ta’ l-iskejjel speċjali. Dawn ta’ l-aħħar ser jiġu żviluppati f’Ċentri ta’ Riżorsi klassifikati fuq livell primarju, livell sekondarju u livell post-sekondarju u vokazzjonali.”
Il-Ministru Louis Galea għamel aċċenn speċjali fuq is-suġġett ta’ l-imġieba tajba u d-dixxiplina fl-iskejjel mill-istudenti, ġenituri u għalliema. Huwa fakkar li f’Marzu ta’ din is-sena kien talab il-kummenti ta’ dawk kollha interessati dwar ir-reviżjoni tal-policy kontenuta fid-dokument “Imġieba Tajba u Dixxiplina fl-Iskejjel”. Il-Ministeru qed jaħdem fuq l-aġġornament ta’ din il-policy iżda mill-kummenti li daħlu sad-data ta’ l-għeluq fit-30 ta’ April, jirriżulta li bażikament il-policy attwali hi konsidrata tajba u effettiva.
“Il-pożizzjoni tal-Ministeru dwar dan is-suġġett hi ċara.
· L-ewwel responsabbilita` għall-imġieba tajba hi tal-ġenituri.
· It-tieni responsabbilita` hi ta’ l-iskola.
Il-policy “Imġieba Tajba u Dixxiplina fl-Iskejjel” tispjega biċ-ċar u pass pass l-iskola kif għandha timxi biex tassigura l-ewwel l-imġieba tajba mbagħad, jekk din tfalli, id-dixxiplina. L-istorja turi li l-maġġoranza stragrandi ta’ l-iskejjel għandhom sitwazzjoni tajba ħafna f’dan il-qasam. Il-pożizzjoni tagħna dwar imġieba mhix aċċettabbli hi ta’ tolleranza żero. Xi jfisser dan? Ifisser li f’kull każ tiġi applikata l-policy b’fermezza u ġustizzja. Din hi r-responsabbilita` tal-Kap ta’ l-iskola. Kulħadd irid jifhem li l-ewwel skop tad-dixxiplina hu edukattiv u fit-twettiq tagħha, il-Kap għandu l-assistenza tal-Assistenti Kapijiet, it-tim tas-servizzi psiko-soċjali, u tal-Koordinaturi tal-Kulleġġi fejn diġa` ġew appuntati. Il-Bord Nazzjonali għandu d-dritt jisma` appelli kif titlob il-policy,” sostna l-Ministru Galea.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni emfasizza wkoll li l-iskejjel għandhom jagħtu l-ogħla importanza lil każijiet ta’ assentejiżmu u li jassiguraw insistenza fuq policy f’kull skola għal ikel u xorb tajbin għas-saħħa (Healthy Food and Drinks Policy). Il-Kapijiet għandhom jaraw li t-Tuck Shops fl-iskejjel qed josservaw bis-sħiħ din l-policy u fejn ikun hemm ksur għandhom iwaqqfu l-kuntratti relattivi. Fl-aħħarnett il-Ministru Galea qal li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi issa ssottomettiet il-proposti tagħha għar-regolamenti l-ġodda tal-Kunsilli Skolastiċi li mistennija jiġu finalizzati kmieni s-sena d-dieħla.
Il-Ministru Galea awgura s-sena t-tajba lil kull parteċipant f’din l-esperjenza edukattiva ta’ pajjiżna. “L-impenn, id-dedikazzjoni u l-professjonalità ta’ kull min jagħti servizz f’dan is-settur mhux biss iġib miegħu sodisfazzjon u ferħ iżda jissarraf fil-valur għoli ta’ poplu f’saħħtu mgħammar b’ħiliet, valuri u attitudnijiet li jsebbħu u jmexxu ’l quddiem lil pajjiżna,” temm Louis Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958